Proċedura : 2019/2569(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0104/2019

Testi mressqa :

RC-B8-0104/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 155kWORD 48k
12.2.2019
PE635.329v01-00}
PE635.330v01-00}
PE635.331v01-00} RC1
 
B8-0104/2019}
B8-0105/2019}
B8-0106/2019} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0104/2019 (Verts/ALE)

B8‑0105/2019 (S&D)

B8‑0106/2019 (GUE/NGL)


dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))


Sylvia‑Yvonne Kaufmann f'isem il-Grupp S&D
Eva Joly, Judith Sargentini, Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marie‑Christine Vergiat, Marina Albiol Guzmán, Patrick Le Hyaric, Martin Schirdewan, Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt għal protesta paċifika u l-użu proporzjonat tal-forza (2019/2569(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR),

–  wara li kkunsidra l-istudju komparattiv rigward il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-libertà ta' għaqda paċifika approvat mill-Kummissjoni ta' Venezja fid-99 sessjoni plenarja tagħha (Venezja, it-13 u l-14 ta' Ġunju 2014),

–  wara li kkunsidra l-Manwal tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar iż-Żamma tal-Ordni mill-Pulizija fuq Ġemgħat ta' Nies maħruġ mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra l-Kummissjoni ta' Venezja u l-Linji Gwida tal-ODIHR tal-OSKE dwar il-Libertà ta' Għaqda Paċifika,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar minn Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi u l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt tan-NU dwar il-ġestjoni tajba tal-ġemgħat tan-nies mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u mir-Rapporteur Speċjali dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi d-drittijiet fundamentali, peress li joriġinaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iridu jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u billi l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rispettati;

C.  billi l-Artikolu 12 tal-Karta u l-Artikolu 11 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikolu 21 tal-ICCPR, jiddikjaraw li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika;

D.  billi l-Artikolu 4 tal-Karta u l-Artikolu 3 tal-KEDB, kif ukoll l-Artikolu 7 tal-ICCPR, jiddikjaraw li ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti;

E.  billi l-libertà tal-għaqda timxi id f'id mal-libertà tal-espressjoni kif żgurati fl-Artikolu 11 tal-Karta u l-Artikolu 10 tal-KEDB, kif ukoll fl-Artikolu 19 tal-ICCPR, li jiddikjaraw li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' espressjoni;

F.  billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, kull restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili trid tirrispetta l-prinċipji tal-legalità, tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

G.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'diversi Stati Membri ġew ikkritikati talli mminaw id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u talli użaw forza eċċessiva;

H.  billi l-użu ta' armi u tagħmir anqas letali, bħall-armi li jisparaw balal ta' difiża, bħall-Flash-Ball u l-LBD 40, il-granati tal-balal tal-lastku u l-granati GLI F4, ikkawżaw għadd kbir ta' korrimenti gravi waqt dimostrazzjonijiet riċenti fl-UE;

1.  Jitlob li l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' espressjoni, li jinkludu d-dritt għal protesta paċifika;

2.  Jenfasizza li d-dibattitu pubbliku miftuħ huwa vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi; jemmen li l-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi qatt ma tista' tkun soluzzjoni;

3.  Jikkundanna l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi rigward il-libertà ta' għaqda f'diversi Stati Membri f'dawn l-aħħar snin;

4.  Jikkundanna l-użu ta' interventi vjolenti u sproporzjonati mill-awtoritajiet tal-istat waqt protesti u dimostrazzjonijiet paċifiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti biex jiżguraw investigazzjoni trasparenti, imparzjali u effikaċi meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni li tkun intużat forza sproporzjonata; ifakkar li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom dejjem jinżammu responsabbli għall-qadi ta' dmirijiethom u għall-konformità tagħhom mal-oqfsa legali u operazzjonali rilevanti;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jużawx forza eċċessiva u detenzjoni arbitrarja kontra dimostranti paċifiċi; jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li l-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkun dejjem legali, proporzjonat, neċessarju u l-aħħar għażla, u li jippreserva l-ħajja umana u l-integrità fiżika; jinnota li l-użu indiskriminat tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità;

6.  Jieħu nota tar-rwol importanti tal-ġurnalisti u tal-fotoġurnalisti fir-rappurtar ta' każijiet ta' vjolenza sproporzjonata, u jikkundanna l-każijiet li fihom ġew attakkati b'mod deliberat;

7.  Jirrikonoxxi li l-pulizija, li fosthom ukoll kien hemm ħafna korrimenti, qegħdin joperaw f'kundizzjonijiet diffiċli, b'mod partikolari minħabba l-ostilità ta' xi dimostranti, iżda wkoll minħabba volum ta' xogħol eċċessiv; jikkundanna kull tip ta' vjolenza kontra persuni jew proprjetà minn gruppi vjolenti organizzati li jagħmlu ħsara lil-leġittimità tal-protesti paċifiċi;

8.  Jitlob li l-Istati Membri jużaw prattiki alternattivi, li diġà taw prova li huma effikaċi, b'mod partikolari dawk li jevitaw il-kuntatt fiżiku mad-dimostranti u jserrħu fuq uffiċjali tal-medjazzjoni;

9.  Ifakkar li l-politiki dwar l-infurzar tal-liġi jridu jagħtu kunsiderazzjoni speċjali lill-persuni li huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi dannużi tal-użu tal-forza b'mod ġenerali, kif ukoll għall-effetti ta' armi anqas letali speċifiċi, bħat-tfal, in-nisa tqal, l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jbatu minn mard mentali jew dawk li jkunu taħt l-influwenza tad-drogi jew tal-alkoħol;

10.  Iħeġġeġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fit-taħriġ mogħti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) dwar iż-żamma tal-ordni pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu ma' xulxin l-aqwa prattiki f'dan ir-rigward; jitlob li l-Istati Membri jrawmu t-taħriġ kontinwu tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fid-dritt nazzjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jagħtu prijorità lit-tferrix volontarju tan-nies mingħajr l-użu tal-forza; jinsisti li l-armi tan-nar ma għandhom qatt jintużaw legalment biex iferrxu ġemgħat ta' nies, iżda jistgħu jintużaw biss fejn ikunu strettament meħtieġa biex jikkonfrontaw theddida imminenti għall-ħajja jew ta' korriment serju;

12.  Jikkundanna l-użu ta' ċerti tipi ta' armi anqas letali, bħall-projettili ta' impatt kinetiku, granati tal-gass tad-dmugħ ta' emissjoni istantanja, mill-forzi tal-pulizija kontra dimostranti paċifiċi; jikkundanna wkoll l-użu tal-gass tad-dmugħ, kanuni tal-ilma, projettili li jagħtu xokkijiet elettriċi u mezzi oħra għat-tferrix ta' dimostranti paċifiċi, li jistgħu jikkawżaw korrimenti gravi li jħallu konsegwenzi tul il-ħajja; jieħu nota li bosta organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali talbu li ċerti tipi ta' armi anqas letali jiġu pprojbiti;

13.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Istati Membri għandhom limiti differenti għall-użu tal-forza u tal-armi; jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE huma ttrattati b'modi differenti ħafna mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u li d-drittijiet fundamentali tagħhom mhumiex imħarsa ndaqs kullimkien;

14.  Jilqa' d-deċiżjoni ta' xi Stati Membri u tar-reġjuni tagħhom li jissospendu jew jipprojbixxu ċerti tipi ta' armi anqas letali; iħeġġeġ il-projbizzjoni tal-użu ta' ċerti tipi ta' armi u tagħmir anqas letali, inklużi, pereżempju, armi li jisparaw projettili ta' impatt kinetiku, granati ta' balal tal-lastku, u granati tal-gass tad-dmugħ ta' emissjoni istantanja;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-armi kollha jiġu evalwati u ttestjati b'mod indipendenti qabel ma jiddaħħlu fis-suq, u li tinġabar id-data kollha kurrenti dwar l-użu tal-forza, b'tali mod li tkun tista' tinġabar evidenza li jkollha x'taqsam mal-użu, l-abbuż, il-konsegwenzi mhux mistennija, il-korrimenti u l-imwiet u l-kawżi tagħhom;

16.  Jitlob li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jorganizza smigħ dwar l-użu tal-forza u armi anqas letali kontra l-ġemgħat tan-nies, u jħejji rapport dwar dan is-suġġett b'kollaborazzjoni mal-panel STOA, bil-ħsieb li jiġu żviluppati linji gwida għall-Istati Membri dwar l-użu tal-forza u ta' armi anqas letali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex jieħdu sehem f'dan il-proċess;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, kif ukoll lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2019)0032.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Frar 2019Avviż legali