Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0050/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0050/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya

18.9.2019 - (2019/2822(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9-0050/2019 (ECR)
B9-0081/2019 (Verts/ALE)
B9-0086/2019 (S&D)
B9-0087/2019 (Renew)
B9-0091/2019 (GUE/NGL)
B9-0092/2019 (PPE)

Michael Gahler, Tomáš Zdechovský, David Lega, Antonio López-Istúriz White, Loránt Vincze, Vladimír Bilčík, David McAllister, Željana Zovko, Arba Kokalari, Lefteris Christoforou, Loucas Fourlas, Romana Tomc, Karoline Edtstadler, Ivan Štefanec, Michaela Šojdrová, Vangelis Meimarakis, Milan Zver, Manolis Kefalogiannis, Isabel Wiseler-Lima, Tomasz Frankowski, Sandra Kalniete, Esther de Lange, Stanislav Polčák, Stelios Kympouropoulos, Francisco José Millán Mon, Rosa Estaràs Ferragut, Inese Vaidere, Andrey Kovatchev
f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Agnes Jongerius
f'isem il-Grupp S&D
Urmas Paet, Atidzhe Alieva-Veli, Abir Al-Sahlani, Andrus Ansip, Petras Auštrevičius, Phil Bennion, Izaskun Bilbao Barandica, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Chris Davies, Anna Júlia Donáth, Laurence Farreng, Fredrick Federley, Valter Flego, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Irena Joveva, Ondřej Kovařík, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Lucy Nethsingha, Bill Newton Dunn, Dragoş Pîslaru, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu, Hilde Vautmans, Marie-Pierre Vedrenne, Chrysoula Zacharopoulou
f'isem il-Grupp Renew
Heidi Hautala, Hannah Neumann, Ernest Urtasun, Saskia Bricmont, Klaus Buchner, Bronis Ropė, Ville Niinistö, Catherine Rowett, Erik Marquardt, Anna Cavazzini, Viola Von Cramon-Taubadel, Kim Van Sparrentak, Tineke Strik
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Anna Fotyga, Karol Karski, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Witold Jan Waszczykowski, Evžen Tošenovský, Valdemar Tomaševski, Assita Kanko, Eleanor Chowns
f'isem il-Grupp ECR
Marisa Matias, Younous Omarjee, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo, Miroslav Radačovský


Proċedura : 2019/2822(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0050/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0050/2019
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya

(2019/2822(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk adottati fil-21 ta' Mejju 2015[1], fis-7 ta' Lulju 2016[2], fil-15 ta' Diċembru 2016[3], fl-14 ta' Settembru 2017[4], fl-14 ta' Ġunju 2018[5] u fit-13 ta' Settembru 2018[6],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma, u dawk tal-10 ta' Diċembru 2018,

 wara li kkunsidra l-Ħames Djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Nay Pyi Taw, il-Mjanmar fl-14 ta' Ġunju 2019,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

 wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine mmexxija minn Kofi Annan,

 wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018 (S/2018/250),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (HRC) tat-8 ta' Awwissu 2018 (A/HRC/42/50) dwar is-sejbiet dettaljati tal-Missjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar il-Myanmar (UNIFFM), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-3 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħra fil-Myanmar (A/HRC/RES/39/2) u r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-7 ta' Awwissu 2019 dwar il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Indipendenti tan-NU fil-Myanmar (A/HRC/42/66),

 wara li kkunsidra r-rapport tal-UNIFFM tat-22 ta' Awwissu 2019 dwar il-vjolenza sesswali u sessista fil-Myanmar u l-impatt fuq il-ġeneru tal-kunflitti etniċi tiegħu (A/HRC/42/CRP.4),

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħha,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

 wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, mill-2017 'l hawn, aktar minn 700 000 Rohingya ħarbu mill-Myanmar għas-sikurezza tagħhom fil-Bangladesh wara r-repressjoni, il-vjolazzjonijiet serji kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-każijiet ta' qtil fuq skala kbira, l-istupru u l-ħruq ta' villaġġi mwettqa mill-gruppi armati tal-Myanmar fl-Istat ta' Rakhine, li fih kienu jgħixu aktar minn miljun Rohingya;

B. billi r-Rohingya jitqiesu minn ħafna bħala wieħed mill-minoranzi l-aktar ippersegwitati u jikkostitwixxu l-akbar grupp ta' persuni mingħajr Stat, b'ħafna minnhom issa qed jgħixu fl-akbar kamp tar-refuġjati fid-dinja, Kutupalong, f'Cox' s Bazar, fil-Bangladesh;

C. billi l-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh huma ffullati wisq u għandhom kundizzjonijiet mhux sanitarji, jipprovdu aċċess limitat għall-kura materna u għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal u huma estremament vulnerabbli għal diżastri naturali, inklużi valangi u għargħar; billi l-popolazzjoni Rohingya li tgħix fil-kampijiet tar-refuġjati għadha qed tħabbat wiċċha ma' theddid serju u, minħabba ikel u ilma ta' kwalità baxxa, hemm riskju serju ta' diversi mardiet u infezzjonijiet; billi t-tfal Rohingya għad m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ir-rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh sofrew restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-curfews u l-waqfien tal-komunikazzjonijiet jista' jiffaċilita aktar abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontrihom;

D. billi madwar 600 000 Rohingya huma stmati li għadhom fl-Istat ta' Rakhine, li qed jiġu soġġetti għal politiki u prattiki diskriminatorji li għaddejjin bħalissa, vjolazzjonijiet sistematiċi tad-drittijiet fundamentali tagħhom, arresti arbitrarji, għeluq f'kampijiet iffullati żżejjed, nuqqas ta' libertà ta' moviment u aċċess limitat ħafna għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;

E. billi minn Ġunju 2019, l-awtoritajiet ta' Mjanmar imponew blackout tat-telekomunikazzjoni fuq it-Tramuntana u ċ-ċentru tal-Istat ta' Rakhine u ta' Paletwa fl-Istat ta' Chin; billi hemm kontrolli militari stretti fis-seħħ li jillimitaw l-aċċess għall-midja u għall-kopertura mill-midja fl-Istat ta' Rakhine;

F. billi l-Myanmar u l-Bangladesh ħabbru pjanijiet ta' ripatrijazzjoni, li ġew ikkanċellati minħabba nuqqas ta' garanziji; billi r-rifuġjati ġew trawmatizzati severament u jibżgħu jmorru lura; billi kull ritorn irid ikun sikur, volontarju, dinjituż, sostenibbli u konformi mal-prinċipju ta' non-refoulement;

G. billi fis-27 ta' Awwissu 2018 il-UNIFFM ippubblikat ir-rapport tagħha, li kkonkluda li kienu kommessi kontra r-Rohingya l-aktar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u l-aktar delitti gravi skont id-dritt internazzjonali, inklużi delitti kontra l-umanità u li x'aktarx seħħ ukoll il-ġenoċidju; billi fl-10 ta' Diċembru 2018 il-Kunsill esprima tħassib serju dwar is-sejbiet tal-UNIFFM; billi l-Myanmar s'issa rrifjuta li jippermetti missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU milli tidħol fil-pajjiż u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar;

H. billi skont l-aħħar rapport tal-UNIFFM tas-16 ta' Settembru 2019, l-azzjonijiet tal-Gvern tal-Myanmar ikomplu jkunu parti minn attakk mifrux u sistematiku li jammonta għal persekuzzjoni u delitti oħra kontra l-umanità kontra l-bqija tar-Rohingya fl-Istat ta' Rakhine; billi, barra minn hekk, fir-rapport tagħha tat-22 ta' Awwissu 2019, l-UNIFFM irrapportat atti deliberati serji u kontinwi ta' vjolenza sesswali u sessista, inkluż stupru sistematiku, stupru minn grupp u atti sesswali furzati mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar kontra nisa Rohingya, tfal u persuni transġeneri bħala parti minn kampanja ta' tindif sabiex jitterrorizza u jikkastiga lill-minoranzi etniċi; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom;

I. billi l-UE talbet b'mod konsistenti li dawk responsabbli għal tali delitti jinżammu responsabbli u li jiġu ppreżentati u sponsorjati r-riżoluzzjonijiet adottati fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-27 ta' Settembru 2018 u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2018; billi l-awtoritajiet fil-Myanmar jirrifjutaw li jinvestigaw serjament il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u li jżommu l-awturi responsabbli għal għemilhom; billi l-Myanmar għadu qed jiċħad li dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet qatt seħħew; billi l-aktar persuni militari mlaħħqa li kienu organizzaw l-attakki kontra r-Rohingya għadhom jokkupaw il-karigi tagħhom; billi l-awtoritajiet jirrifjutaw li jikkooperaw mal-mekkaniżmi tan-NU;

J. billi, fid-29 ta' April 2019, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi fuq il-Myanmar b'sena sat-30 ta' April 2020, inkluż l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq 14-il uffiċjal għoli militari, tal-gwardja tal-fruntiera u tal-pulizija fil-Myanmar responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya, persuni ta' minoranza etnika u persuni ċivili fl-Istati ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan;

K. billi l-poplu Rohingya ilu uffiċjalment mingħajr stat sa mill-promulgazzjoni tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza Burmiżi tal-1982, li jċaħħdu lir-Rohingya mid-drittijiet ċivili, politiċi u soċjoekonomiċi bażiċi bħal-libertà ta' moviment, il-parteċipazzjoni politika, l-impjieg u l-benesseri soċjali; billi huwa stmat li 1.1 miljun Rohingya huma mċaħħda mill-aċċess għaċ-ċittadinanza; billi r-Rohingya li jmorru lura jkunu mġiegħla jiffirmaw karti ta' verifika nazzjonali, ħaġa li ċċaħħadhom miċ-ċittadinanza tal-Myanmar;

1. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-vjolazzjonijiet kollha passati u preżenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-attakki sistematiċi u mifruxa, inkluż il-każijiet ta' qtil, il-fastidju, l-istupru u l-qerda ta' proprjetà li, skont ir-rekords tal-UNIFFM u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, jammontaw għal ġenoċidju, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-forzi armati kontra l-popolazzjoni Rohingya; jikkundanna bil-qawwa r-rispons sproporzjonat tal-forzi militari u tas-sigurtà; jenfasizza li l-militar naqas b'mod kostanti milli jirrispetta d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

2. Jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar il-kunflitt, il-vjolazzjonijiet u l-vjolenza sesswali u sessista li għadhom għaddejjin kontra r-Rohingya fil-Myanmar mill-forzi armati; jikkundanna tali vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jtenni t-talbiet tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar, taħt it-tmexxija ta' Aung San Suu Kyi, u lill-forzi tas-sigurtà biex iwaqqfu immedjatament il-vjolazzjonijiet, il-każijiet ta' qtil u l-vjolenza sesswali u sessista kontra l-persuni Rohingya u gruppi etniċi oħra;

3. Jikkundanna d-diskriminazzjoni li għaddejja kontra r-Rohingya u r-restrizzjonijiet ħorox imposti fuq il-libertà ta' moviment tagħhom u l-privazzjoni tas-servizzi bażiċi tagħhom fil-Myanmar; jissottolinja li l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu kritiku huma pilastri essenzjali tad-demokrazija u huma essenzjali għall-promozzjoni ta' governanza tajba, trasparenza u r-responsabbiltà; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel għall-osservaturi internazzjonali fl-Istat ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan, inkluż ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, l-osservaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha u biex jitneħħa l-blackout tal-internet fl-erba' distretti l-oħra ta' Ponnagyun, ta' Mrauk-U, ta' Kyuaktaw u ta' Minbya;

4. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar joħolqu kundizzjonijiet u garanziji għar-ritorn sikur, volontarju, dinjituż u sostenibbli, taħt is-sorveljanza tan-NU, ta' dawk ir-Rohingya li jixtiequ jirritornaw lura lejn l-art nattiva tagħhom; iħeġġeġ lill-gvernijiet kemm tal-Myanmar kif ukoll tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar iqis u jirrikonoxxi ċ-ċittadinanza sħiħa tar-Rohingya, inklużi d-drittijiet korrispondenti u s-salvagwardji kostituzzjonali, u biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva ta' Rakhine mingħajr dewmien; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Myanmar biex jidħol fi djalogu mal-uffiċjali tar-Rohingya u biex jirrikonoxxi r-Rohingya bħala wieħed mill-135 grupp etniku rikonoxxut mil-liġi fil-Mjanmar;

5. Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Ħames Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar; jinnota li d-diskussjonijiet koprew firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, is-sitwazzjoni fl-Istati ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan, inkluż l-aċċess umanitarju, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-ħtiġijiet tal-persuni spostati, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f'fora multilaterali; jiddispjaċih għall-fatt li d-djalogu ma kellu ebda effett fuq is-sitwazzjoni fil-post;

6. Jistieden lill-Gvern u lill-forzi armati tal-Myanmar jippermettu investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet serji u sistematiċi allegati tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-awturi ta' dawn id-delitti jeħtiġilhom jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien;

7. Itenni t-talba tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex ifittxu responsabbiltà f'fora multilaterali għall-awturi tad-delitti fil-Myanmar; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tmexxija murija mill-UE fl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Investigattiv Indipendenti tan-NU għall-Myanmar (MIIM) sabiex jiġbor, jikkonsolida, jippreserva u janalizza l-evidenza tal-aktar delitti u vjolazzjonijiet internazzjonali serji mwettqa fil-Myanmar mill-2011; jistieden lill-Myanmar jikkoopera mal-isforzi internazzjonali biex jiżgura r-responsabbiltà, inkluż billi jippermetti aċċess għall-pajjiż għall-MIIM operattiv ġdid; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jiżguraw li l-MIIM ikollu l-appoġġ meħtieġ, inkluż l-appoġġ finanzjarju, biex iwettaq il-mandat tiegħu;

8. Jilqa' l-adozzjoni ta' sanzjonijiet mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fl-24 ta' Ġunju 2018 u fil-21 ta' Diċembru 2018 kontra persunal militari u uffiċjali responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni Rohingya u jistenna li dawk l-individwi jkunu s-suġġett ta' rieżami kostanti taħt ir-reġim ta' sanzjonijiet; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jimponi embargo komprensiv fuq l-armi fuq il-Myanmar u biex jadotta sanzjonijiet immirati kontra dawk il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jidhru li huma responsabbli għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem;

9. Ifakkar lill-Gvern tal-Myanmar li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-iskema Kollox ħlief Armi (EBA); jistenna li l-Kummissjoni tagħti bidu għal investigazzjoni f'dan ir-rigward; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni għadha ma bdietx investigazzjoni bħal din;

10. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fuq id-deportazzjoni ta' persuni Rohingya mill-Myanmar u d-deċiżjoni tal-Prosekutur Prinċipali tal-QKI li jiftaħ investigazzjoni preliminari dwar delitti mwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti minn Ottubru 2016; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jikkooperaw mal-QKI; jistieden lill-Mjanmar isir firmatarju tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jirreferi s-sitwazzjoni fil-Myanmar lill-QKI, inklużi delitti kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu mwettqa kontra r-Rohingya, jew joħloq tribunal kriminali internazzjonali ad hoc; itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-talba biex is-sitwazzjoni fil-Myanmar tiġi riferuta lill-QKI; jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jingħaqdu u jappoġġjaw l-isforzi biex jinfetaħ każ dwar il-vjolazzjoni possibbli mill-Myanmar tal-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju tan-NU quddiem il-QKI;

11. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar il-Myanmar fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

12. Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifuġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu aċċess sħiħ u mingħajr diskriminazzjoni għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal Rohingya, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet u l-komunikazzjonijiet online u l-libertà ta' moviment, u jiżguraw li l-forzi tas-sigurtà li joperaw fil-kampijiet jirrispettaw l-istandards kollha biex jipproteġu s-sigurtà personali tar-rifuġjati;

13. Jilqa' l-iżborż tal-UE, fil-bidu ta' Settembru 2019, ta' EUR 2 miljun f'għajnuna ta' ikel għall-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU għall-kampijiet tar-Rohingya f'Cox's Bazar, iżda jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ħtiġijiet fuq il-post, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward; ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati ma għandhiex taqa' fuq il-Bangladesh b'mod sproporzjonat; jitlob aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa;

14. Ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, u biex tkun imfassla speċifikament għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jitlob li jkun hemm aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza