Proċedura : 2019/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B9-0123/2019

Testi mressqa :

RC-B9-0123/2019

Dibattiti :

PV 23/10/2019 - 7
CRE 23/10/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2019 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2019)0049

<Date>{22/10/2019}22.10.2019</Date>
<RepeatBlock-NoDocSe> <NoDocSe>B9‑0123/2019</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0125/2019</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0127/2019</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0128/2019</NoDocSe> }
 <NoDocSe>B9‑0129/2019</NoDocSe></RepeatBlock-NoDocSe> } RC1
PDF 180kWORD 57k

<TitreType>MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA</TitreType>

<TitreRecueil>imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura</TitreRecueil>


<Replacing>li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:</Replacing>

<TablingGroups>B9‑0123/2019 (Verts/ALE)

B9‑0125/2019 (Renew)

B9‑0127/2019 (PPE)

B9‑0128/2019 (GUE/NGL)

B9‑0129/2019 (S&D)</TablingGroups>


<Titre>dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha</Titre>

<DocRef>(2019/2886(RSP))</DocRef>


<RepeatBlock-By><Depute>Michael Gahler, Željana Zovko, David McAllister, Sandra Kalniete, Esther de Lange, Andrzej Halicki, Paulo Rangel, Jeroen Lenaers, Vladimír Bilčík, Michal Wiezik, Peter Pollák, Ivan Štefanec</Depute>

<Commission>{PECH}f'isem il-Grupp PPE</Commission>

<Depute>Kati Piri, Nacho Sánchez Amor, Andreas Schieder</Depute>

<Commission>{S&D}f'isem il-Grupp S&D</Commission>

<Depute>Malik Azmani, Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Phil Bennion, Izaskun Bilbao Barandica, Sylvie Brunet, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Anna Júlia Donáth, Engin Eroglu, Laurence Farreng, Valter Flego, Luis Garicano, Barbara Ann Gibson, Klemen Grošelj, Christophe Grudler, Bernard Guetta, Martin Hojsík, Antony Hook, Karin Karlsbro, Ondřej Kovařík, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa, Frédérique Ries, María Soraya Rodríguez Ramos, Michal Šimečka, Susana Solís Pérez, Ramona Strugariu, Marie‑Pierre Vedrenne</Depute>

<Commission>{Renew}f'isem il-Grupp Renew</Commission>

<Depute>Tineke Strik, Hannah Neumann, Ernest Urtasun, Yannick Jadot, Heidi Hautala, Alice Kuhnke, Molly Scott Cato, Ellie Chowns, Damien Carême, Benoît Biteau, Petra De Sutter, Michael Bloss, Pär Holmgren, Markéta Gregorová, Caroline Roose, Erik Marquardt, François Alfonsi, David Cormand, Michèle Rivasi, Alexandra Geese, Catherine Rowett, Mounir Satouri, Jutta Paulus, Marcel Kolaja, Gwendoline Delbos‑Corfield, Niklas Nienaß, Ville Niinistö, Sergey Lagodinsky</Depute>

<Commission>{Verts/ALE}f'isem il-Grupp Verts/ALE</Commission>

<Depute>Nikolaj Villumsen, Özlem Demirel</Depute>

<Commission>{GUE/NGL}f'isem il-Grupp GUE/NGL</Commission>

</RepeatBlock-By>


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja u l-konsegwenzi tagħha

(2019/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar it-Turkija tas-17 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tal-14 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta' Ottubru 2019 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Grigal tas-Sirja u l-kummenti li għamlet kif waslet għall-konferenza stampa u waqt l-istess konferenza stampa li saret wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar reġim Ewropew ta' sanzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem[1],

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Presidenti tal-Kumitati għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Parlament Ewropew u l-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika tat-18 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta Stati Uniti-Turkija dwar il-Grigal tas-Sirja tas-17 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-Sirja, Rupert Colville, tal-11 u l-15 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tal-14 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-komunikat tal-Lega Għarbija tat-12 ta' Ottubru 2019 dwar l-operazzjoni militari Torka fil-Grigal tas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-14 ta' Marzu 2017 dwar elementi għal strateġija tal-UE għas-Sirja (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar strateġija tal-UE għas-Sirja,

 wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li għalihom is-Sirja u t-Turkija huma Stati Partijiet,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU), b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015 u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-21 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

 wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti kostituttivi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll il-preċedent li nħoloq bit-twaqqif ta' tribunali internazzjonali bħat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

 wara li kkunsidra l-memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni għat-tnaqqis tat-tensjonijiet fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, ir-Russja u t-Turkija fis-6 ta' Mejju 2017,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

 wara li kkunsidra t-Trattat tan-NATO tal-1949,

 wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi tal-1993;

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2019 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija[2], li fiha rrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, skont il-Qafas ta' Negozjar, jissospendu formalment in-negozjati kollha mat-Turkija dwar l-adeżjoni,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi wara d-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump li jirtira t-truppi Amerikani mill-Grigal tas-Sirja, fid-9 ta' Ottubru 2019 it-Turkija varat invażjoni militari (Operazzjoni Rebbiegħa tal-Paċi), bi ksur tad-dritt internazzjonali, f'żoni kkontrollati mill-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS); billi dan wassal għal għadd kbir ta' vittmi ċivili u militari fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u, skont sorsi tan-NU, ikkawża l-ispostament ta' mill-inqas 300 000 ċittadin, inklużi 70 000 tifel u tifla; billi l-KSNU għadu ma ħax azzjoni dwar il-kriżi, minkejja l-għaqda li wriet l-UE;

B. billi, fit-18 ta' Ottubru 2019, l-Istati Uniti u t-Turkija ħabbru waqfien mill-ġlied immedjat ta' ħamest ijiem fir-reġjun tal-fruntiera mas-Sirja; billi dan il-ftehim huwa wieħed temporanju għax it-Turkija ma qablitx li tirtira t-truppi tagħha mill-Grigal tas-Sirja; billi l-mod li bih jiġi implimentat il-waqfien mill-ġlied għadu mhux ċar; billi fit-22 ta' Ottubru saret laqgħa bejn il-Presidenti Erdoğan u Putin;

C. billi l-Kunsill ikkundanna l-operazzjoni Torka u wiegħed li jieħu passi inizjali rigward il-bejgħ ta' armi lit-Turkija; billi għadd ta' Stati Membri tal-UE diġà ssospendew b'mod formali l-bejgħ ta' armi lit-Turkija, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari[3];

D. billi l-Kunsill, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, daħħal sensiela ta' miżuri restrittivi fil-konfront ta' individwi responsabbli mir-repressjoni vjolenti tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja kif ukoll individwi u entitajiet assoċjati magħhom; billi l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq ministeri u uffiċjali għolja tal-gvern Tork b'reazzjoni għall-offensiva militari tal-pajjiż fit-Tramuntana tas-Sirja;

E. billi din l-operazzjoni militari unilaterali Torka m'għandha l-ebda bażi legali u qed tiggrava l-kunflitt fis-Sirja li ilu għaddej tmien snin; billi l-konsegwenzi tal-operazzjoni qed ikunu ta' dannu serju għall-isforzi magħmula mill-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li fiha l-forzi tal-FDS għad għandhom rwol essenzjali fil-ġlieda kontra l-ġellieda tal-ISIS li għadhom attivi;

F. billi l-pożizzjoni uffiċjali tal-UE hi li tibqa' impenjata favur l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan; billi dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġu ggarantiti ħlief permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012, li ġie nnegozjat mill-partijiet Sirjani fil-qafas tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU; billi, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, intlaħaq ftehim mill-Gvern tar-Repubblika Għarbija Sirjana u l-Kummissjoni tan-Negozjati Sirjana biex jiġi stabbilit Kumitat Kostituzzjonali kredibbli, ibbilanċjat u inklużiv li għandu jiffaċilita soluzzjoni politika għall-gwerra Sirjana, li issa jaf ma sseħħx minħabba l-azzjoni militari unilaterali Torka;

G. billi kien hemm rapporti speċifiċi ta' qtil, intimidazzjoni, maltrattament, ħtif ta' persuni, sakkeġġ u sekwestru ta' djar min-naħa tal-membri ta' gruppi armati appoġġjati mit-Torok, li allegatament qed ikeċċu bil-forza minn djarhom lil persuni ċivili akkużati b'affiljazzjoni ma' gruppi Kurdi speċifiċi jew jaħtfuhom f'punti ta' kontroll; billi skont in-NU hemm rapporti ta' eżekuzzjonijiet sommarji mwettqa mill-ġellieda li jagħmlu parti mill-grupp armat Ahrar al-Sharqiya, li huwa alleat mat-Turkija; billi ġie rrappurtat li Hevrin Khalaf, politika Kurda magħrufa sew, sfat ittorturata u maqtula mill-ġellieda ta' al-Sharqiya;

H. billi wara l-irtirar tat-truppi Amerikani, fl-14 ta' Ottubru 2019 it-truppi ta' Bashar al-Assad daħlu f'għadd ta' bliet fil-Grigal tas-Sirja għall-ewwel darba f'seba' snin wara li l-forzi Kurdi qablu ma' ftehim negozjat mir-Russja bil-ħsieb li jiġi pospost attakk min-naħa tat-Turkija; billi d-dettalji preċiżi tal-ftehim bejn Damasku u l-Kurdi għadhom mhumiex ċari; billi, skont rapporti li għadhom mhux konfermati, it-truppi Russi qed jgħassu l-linji fuq quddiem tal-kunflitt bejn il-pożizzjonijiet tal-armata Torka u dik Sirjana biex iżommuhom 'il bogħod minn xulxin;

I. billi ġie allegat li forzi appoġġjati mit-Turkija użaw munizzjon b'kontenut ta' fosforu abjad; billi ritratti u filmati mill-isptarijiet f'Tal Tamr u al-Hasakah juru tfal bi ħruq kimiku sever; billi t-Turkija ċaħdet dawn l-akkużi; billi l-FDS talbu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jibagħtu esperti biex jinvestigaw il-kwistjoni; billi l-ispetturi tal-armi kimiċi tan-NU ħabbru li bdew jiġbru informazzjoni wara dawn l-akkużi;

J. billi l-atroċitajiet imwettqa matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u l-alleati tiegħu, kif ukoll mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi terroristiċi oħra, jinkludu attakki b'armi kimiċi, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti arbitrarji u fuq skala kbira, kastigi kollettivi, attakki kontra l-persunal mediku u ċ-ċaħda ta' ikel, ilma u għajnuna medika; billi dawn ir-reati jammontaw għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju, u s'issa għadha ma saritx ġustizzja;

K. billi ġie rrappurtat li mijiet ta' allegati membri tad-Da'esh, uħud minnhom ċittadini tal-UE, flimkien mal-familji tagħhom, ħarbu mill-kustodja tal-FDS waqt l-offensiva Torka; billi dawn għandhom jinżammu milli jerġgħu jmorru jiġġieldu u jxerrdu t-terrur, bħala prijorità ewlenija għas-sigurtà tar-reġjun u tal-UE; billi l-FDS isostnu li għandhom madwar 10 000 ġellied tal-Istat Iżlamiku fil-kustodja tagħhom; billi l-parti l-kbira tal-eluf ta' tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku bħalissa jinsabu fi tliet kampijiet differenti fil-Grigal tas-Sirja – Al Hol, Roj u Ein Issa – li huma affettwati serjament mill-offensiva Torka;

L. billi l-istabbiliment ta' żoni sikuri fis-Sirja jqajjem tħassib serju dwar is-sikurezza tal-persuni spostati minħabba l-kunflitt u ta' dawk li għandhom mnejn jiġu rilokati mit-Turkija; billi l-ispostament furzat tal-persuni, inkluż għal finijiet ta' tibdil demografiku, jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali, huwa delitt kontra l-umanità u jista' jwassal għal bidliet demografiċi u etniċi; billi ż-żoni sikuri fil-kuntest ta' kunflitti militari spiss isiru "żoni ta' gwerra" għall-popolazzjoni ċivili;

M. billi, f'diversi provinċji, skont rapporti kredibbli, l-awtoritajiet Torok qed iżommu b'mod arbitrarju għexieren ta' Sirjani u jirritornawhom bil-forza lejn it-Tramuntana tas-Sirja, u dan ilu għaddej minn Lulju 2019, bi ksur tal-obbligu internazzjonali tat-Turkija li ma tirritorna lil ħadd f'post fejn ikun jiffaċċja riskju reali ta' persekuzzjoni, tortura, maltrattament  jew theddida għal ħajtu;

N. billi sa mill-bidu tal-intervent militari l-awtoritajiet Torok għamlu kampanja ta' repressjoni ħarxa kontra kull min jikkritika l-operazzjoni militari bl-użu ta' liġijiet Torok kontra t-terroriżmu; billi l-awtoritajiet Torok nedew investigazzjonijiet f'aktar minn 500 kont tal-midja soċjali, b'akkużi li qed ixerrdu "propaganda terroristika"; billi skont il-Ministru tal-Intern tat-Turkija, 121 persuna diġà ġew arrestati għall-posts tagħhom fuq il-midja soċjali fejn ikkritikaw l-operazzjoni militari; billi sa mill-bidu tal-operazzjoni ġew arrestati aktar minn 150 membru tal-Partit Demokratiku tal-Popli (HDP);

O. billi l-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali ġew imġiegħla jissospendu l-operazzjonijiet u jevakwaw lill-membri tal-persunal internazzjonali tagħhom minħabba biża' relatat mas-sigurtà; billi l-ħolqien ta' ostakli għal għajnuna umanitarja, kura medika u evakwazzjonijiet sikuri, sostnuti u bla xkiel jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-KSNU; billi n-NU u s-sħab tagħha qed ikomplu jipprovdu provvisti umanitarji lil għexieren ta' eluf ta' persuni spostati minħabba l-vjolenza;

P. billi l-komunità internazzjonali u l-Istati individwali għandhom ir-responsabbiltà jaraw li dawk responsabbli mill-ksur tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq tul il-kunflitt Sirjan jagħtu kont ta' għemilhom, anke bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u l-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi dan jista' jsir fi qrati u tribunali nazzjonali u internazzjonali eżistenti jew fi tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jitwaqqfu;

Q. billi l-unjoni doganali bejn it-Turkija u l-UE daħlet fis-seħħ fl-1995 u qatt ma nbidlet minn dakinhar 'l hawn; billi, minħabba f'hekk, il-valur tal-kummerċ bilaterali żdied b'aktar minn erba' darbiet; billi, fl-2018, it-Turkija baqgħet il-ħames l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE b'mod ġenerali, filwaqt li l-UE hija fil-wisa' l-aktar sieħba kummerċjali importanti tat-Turkija kif ukoll is-sors ewlieni tagħha ta' investiment dirett barrani (IDB); billi, fl-2018, l-inizjattiva biex tiġi mmodernizzata l-unjoni doganali ġiet sospiża mill-UE minħabba l-iżviluppi politiċi inkwetanti fit-Turkija;

R. billi t-Turkija għadha sieħba ewlenija tal-UE, membru tan-NATO u parteċipanti importanti fil-kriżi Sirjana u fir-reġjun; billi l-Artikolu 1 tat-Trattat tan-NATO jipprovdi li l-partijiet għat-Trattat jimpenjaw ruħhom li jsolvu kwalunkwe tilwim internazzjonali li jistgħu jkunu involuti fih b'mezzi paċifiċi b'tali mod li l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-ġustizzja ma jiġux ipperikolati, u li fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom iżommu lura milli jirrikorru għat-theddida jew għall-użu tal-forza bi kwalunkwe mod li jkun inkonsistenti mal-iskopijiet tan-Nazzjonijiet Uniti;

1. Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari unilaterali Tork fil-Grigal tas-Sirja, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, qed idgħajjef l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu, qed ikun kaġun ta' aktar sofferenza għal nies li diġà huma milquta mill-gwerra, u dan iwassal għall-ispostament tal-massa ta' persuni ċivili, u jista' jikkontribwixxi għall-qawmien mill-ġdid tad-Da'esh, li jibqa' theddida għas-sigurtà fis-Sirja, fit-Turkija, fir-reġjun kollu, fl-UE u globalment, u qed jostakola l-aċċess għall-assistenza umanitarja;

2. Iħeġġeġ lit-Turkija ttemm b'mod immedjat u definittiv l-operazzjoni militari tagħha fil-Grigal tas-Sirja u tirtira l-forzi kollha tagħha mit-territorju Sirjan; jisħaq li l-operazzjoni militari mhux se tindirizza t-tħassib sottostanti dwar is-sigurtà tal-pajjiż; jitlob rispett sħiħ għad-dritt umanitarju, inkluż il-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili, u li l-organizzazzjonijiet umanitarji lokali u internazzjonali jingħataw aċċess bla xkiel;

3. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Kurdi u mal-abitanti l-oħra kollha tar-reġjun; jenfasizza l-kontibut importanti tal-Forzi Demokratiċi Sirjani (FDS), b'mod partikolari n-nisa, bħala alleati fil-ġlieda kontra d-Da'esh u talli affermaw mill-ġdid l-importanza tal-libertà u tad-drittijiet ċivili fl-iżvilupp tal-ħajja soċjali, politika u kulturali tar-reġjun tas-Sirja b'maġġoranza Kurda;

4. Jistieden lill-VP/RGħ tieħu l-pożizzjoni tal-UE għand l-awtoritajiet Torok u tqiegħed il-pedament għal tweġiba b'saħħitha u komprensiva min-naħa tal-UE għal din il-kriżi; iħeġġiġha tibda djalogu mal-awtoritajiet Torok bil-għan li jkun previst tnaqqis rapidu fit‑tensjonijiet u tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, fil-kuntest tal-qafas tan-NU;

5. Jieħu nota tal-ftehim bejn l-Istati Uniti u t-Turkija tas-17 ta' Ottubru dwar waqfien temporanju mill-ġlied; jesprimi tħassib, madankollu, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jilleġittimizzaw l-okkupazzjoni Torka taż-"żona sikura" fil-Grigal tas-Sirja; jesprimi, barra minn hekk, tħassib kbir li l-ftehim jirrikjedi mhux biss l-ispostament tal-popolazzjoni lokali bħall-Kurdi, il-Yazidi u l-Assirjani u tal-minoranzi Turkmeni, Armeni, Għarab u oħrajn, iżda wkoll ir-rilokazzjoni tagħhom lejn iż-żoni b'maġġoranza Għarbija, qagħda li tista' toħloq tensjonijiet ġodda u theddid ġdid għas-sikurezza tal-popolazzjonijiet ċivili;

6. Jinsisti li għandu jkun hemm soluzzjoni politika globali għall-kunflitt Sirjan ibbażata fuq ir-rikonoxximent tal-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istat Sirjan, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-komponenti etniċi u reliġjużi kollha tas-soċjetà Sirjana, fi ħdan il-qafas tar-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU u l-Komunikat ta' Ġinevra tal-2012, li ġie nnegozjat mill-partijiet Sirjani fi ħdan il-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u li jistabbilixxi l-pedament għal tranżizzjoni politika ġenwina;

7. Jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija tal-Kumitat Kostituzzjonali u l-isforzi ta' Geir O. Pedersen, il-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja, li għandhom jipprovdu bażi kredibbli, ibbilanċjata u inklużiva għal proċess politiku fost is-Sirjani li jkun ħieles mill-interferenza esterna; jitlob li l-atturi rilevanti kollha fil-Grigal tas-Sirja jkunu involuti bis-sħiħ f'dan il-proċess; ifakkar li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari sostenibbli għall-kunflitt u jistieden lill-partijiet kollha jirrispettaw bis-sħiħ ir-riżoluzzjonijiet tal-KSNU li jesiġu l-waqfien immedjat tal-ostilitajiet, it-tmiem tal-assedji kollha, l-aċċess umanitarju sħiħ u bla restrizzjonijiet fil-pajjiż kollu u l-protezzjoni tal-operaturi umanitarji min-naħa tal-partijiet kollha; jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jitolbu lill-KSNU jadotta riżoluzzjoni li tippermetti lill-Kunsill jaġixxi b'mod immirat, biex fl-aħħar mill-aħħar tinħoloq żona ta' sigurtà mmexxija min-NU fit-Tramuntana tas-Sirja għall-benefiċċju tal-persuni li jgħixu hemm;

8. Itenni l-gravità tal-konsegwenzi li ġġib magħha kwalunkwe eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun, kemm għar-reġjun innifsu kif ukoll għall-UE, fosthom aktar riskji għas-sigurtà, kriżijiet umanitarji u flussi migratorji; jistieden lill-Kummissjoni tħejji lill-UE fl-aspetti kollha tagħha biex tirreaġixxi bl-aħjar mod għal kwalunkwe sitwazzjoni li tista' tinqala' u tinforma lill-Parlament Ewropew bi kwalunkwe konsegwenza ta' eskalazzjoni u destabbilizzazzjoni ulterjuri fir-reġjun;

9. Jiddispjaċih li l-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Ottubru 2019 ma rnexxilux jilħaq ftehim dwar embargo fuq l-armi mill-UE kollha fuq it-Turkija; jilqa', madankollu, id-deċiżjoni ta' diversi Stati Membri tal-UE li jwaqqfu l-liċenzjar tal-esportazzjoni tal-armi lejn it-Turkija, iżda jħeġġiġhom jiżguraw li s-sospensjoni tapplika wkoll għal trasferimenti li diġà ġew liċenzjati u għal trasferimenti li għadhom ma ġewx ikkonsenjati; itenni, b'mod partikolari, il-bżonn li l-Istati Membri kollha japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi, fosthom il-kriterju 4 dwar l-istabbiltà reġjonali; jistieden bil-qawwa lill-VP/RGħ, li sakemm tibqa' għaddejja l-operazzjoni militari Torka fis-Sirja u jkun għad hemm il-preżenza militari Torka fil-pajjiż, tniedi inizjattiva mmirata biex timponi embargo fuq l-armi kontra t-Turkija mifrux mal-UE kollha, inklużi fuq oġġetti teknoloġiċi b'użu doppju, fid-dawl ta' allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

10. Jistieden lill-Kunsill jimponi sensiela ta' sanzjonijiet immirati u projbizzjonijiet ta' viżi fil-konfront tal-uffiċjali Torok responsabbli mill-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem matul l-intervent militari attwali flimkien ma' proposta simili għall-uffiċjali Torok responsabbli mir-repressjoni interna fuq id-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK[4] dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, b'mod partikolari l-iffriżar tal-assi tal-individwi msemmijin fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh;

11. Jopponi bil-qawwa l-pjanijiet tat-Turkija li tistabbilixxi l-hekk imsejħa "żona sikura" tul il-fruntiera fil-Grigal tas-Sirja; jenfasizza li kwalunkwe trasferiment furzat ta' rifuġjati Sirjani jew persuni spostati internament (IDPs) f'din iż-żona jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali konvenzjonali dwar ir-rifuġjati, tad-dritt umanitarju internazzjonali u tal-prinċipju ta' non-refoulement; ifakkar li kwalunkwe ritorn ta' rifuġjati għandu jkun sikur, volontarju u dinjituż u li ċ-ċirkostanzi attwali ikunu tali li b'mod kategoriku jipprevjenu movimenti bħal dawn; jinsisti li m'għandha titwassal l-ebda assistenza tal-UE għall-istabbilizzazzjoni jew għall-iżvilupp f'tali żoni; jisħaq li l-gruppi etniċi u reliġjużi fis-Sirja għandhom id-dritt li jkomplu jgħixu jew li jirritornaw għall-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità u s-sikurezza;

12. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jadotta miżuri ekonomiċi xierqa u mmirati kontra t-Turkija, li m'għandhomx jaffettwaw lis-soċjetà ċivili jew lil persuni li diġà ntlaqtu ħażin mill-kriżi ekonomika tal-pajjiż, lis-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani, jew il-parteċipazzjoni kontinwa tal-istudenti Torok fil-programmi Ewropej ta' skambju bħal Erasmus+; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra – bħala miżura dissważiva kontra eskalazzjoni oħra tal-kunflitt fil-Grigal tas-Sirja – is-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali skont il-ftehim dwar il-prodotti agrikoli u, bħala l-aħħar rimedju, is-sospensjoni tal-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija;

13. Jirrimarka li l-Parlament kien proattiv fit-tnaqqis tal-finanzjament tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) II f'dawn l-aħħar snin meta kien hemm tħassib dwar nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jikkonkludi li l-passi li ttieħdu dan l-aħħar mill-awtoritajiet Torok imorru kontra l-valuri Ewropej; isejjaħ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-fondi tal-UE ma jintużawx biex jiffinanzjaw l-operazzjoni militari li għaddejja jew biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn furzat tar-rifuġjati Sirjani lejn l-hekk imsejħa "żona sikura";

14. Jinsab imħasseb għall-aħħar dwar l-allegazzjonijiet ta' użu tal-fosforu abjad mill-forzi Torok u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili, liema użu huwa pprojbit mid-dritt internazzjonali; jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), li bdiet l-investigazzjoni dwar il-possibbiltà li ntuża l-fosforu abjad; jappella biex jittieħdu passi legali fil-konfront tal-persuni responsabbli;

15. Jistieden lit-Turkija tiżgura r-responsabbiltà għall-atroċitajiet imwettqa mill-milizzji bi prokura tagħha, inkluż il-qtil ta' Hevrin Khalaf u qtil sommarju ieħor; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-proċess ta' dokumentazzjoni tal-ksur kollu fil-Grigal tas-Sirja u jinsistu li dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali, u li l-awturi tar-reati jiġu mħarrka;

16. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar rapporti li, f'nofs l-offensiva Torka, mijiet ta' priġunieri tal-ISIS – fosthom ħafna ġellieda barranin – qed jaħarbu minn kampijiet fit-Tramuntana tas-Sirja u b'hekk qed jiżdied ir-riskju li l-ISIS jerġa' jqum fuq saqajh; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jħejju pjanijiet ta' kontinġenza dwar it-theddid għas-sigurtà li jirriżulta mir-ritorn possibbli ta' ġellieda barranin tal-ISIS u jipproċedu bil-prosekuzzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali għall-atroċitajiet imwettqa minn tali individwi; jistieden lill-aġenziji tal-intelligence u s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali jżidu l-viġilanza għall-possibbiltà li l-ġellieda barranin u l-familji tagħhom jirritornaw lura;

17. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni drammatika u d-destin tat-tfal Ewropej li huma wlied ġellieda tal-Istat Iżlamiku fit-Tramuntana tas-Sirja; jistieden lill-Istati Membri jaraw li l-qagħda u l-ħtiġijiet ta' dawn it-tfal jingħataw attenzjoni speċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet bażiċi tagħhom jiġu rispettati; jistieden lill-Istati Membri jżommu l-aħjar interess tat-tfal bħala l-kunsiderazzjoni primarja f'kull deċiżjoni relatata mat-tfal;

18. Jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh, li t-Turkija hija sħab fiha; jissottolinja li l-forzi tal-koalizzjoni u bi sħab mas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb id-Da'esh fis-Sirja, iżda jesprimi t-tħassib tiegħu li l-azzjoni militari unilaterali tat-Turkija qed tfixkel dan il-progress;

19. Jilqa' l-impenn tal-UE favur l-għajnuna umanitarja li qed tingħata bħalissa lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b'mod partikolari il-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija, l-Iraq u l-Eġittu, li qed ikomplu jospitaw miljuni ta' rifuġjati; iqis li huwa inaċċettabbli li l-President Tork Recep Tayyip Erdoğan qed juża lir-rifuġjati bħala arma u biex jirrikatta lill-UE; jistieden lill-Istati Membri juru impenn aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, sabiex ir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni ta' gwerra fis-Sirja jkunu jistgħu jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat immedjat permezz tar-risistemazzjoni; jenfasizza l-bżonn li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rispettat bis-sħiħ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu aktar finanzjament lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-Iraq biex jgħinuh ilaħħaq mal-influss ta' rifuġjati mis-Sirja;

20. Jirrikonoxxi l-fatt li t-Turkija għandha tħassib leġittimu dwar is-sigurtà, iżda jinsisti li dan it-tħassib għandu jiġi indirizzat b'mezzi politiċi u diplomatiċi, u mhux b'azzjoni militari, bi qbil mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju;

21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Turkija, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u jara li dan it-test jiġi tradott bl-Għarbi u bit-Tork.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2019)0215.

[2] Testi adottati, P8_TA(2019)0200).

[3] ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

[4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14).

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2019Avviż legali