Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B9-0197/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B9-0197/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt fuq l-agrikoltura Ewropea tad-deċiżjoni tad-WTO dwar it-tilwima li tikkonċerna l-Airbus

26.11.2019 - (2019/2895(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B9‑0197/2019 (ECR)
B9‑0198/2019 (S&D)
B9‑0201/2019 (PPE)
B9‑0203/2019 (Renew)

Juan Ignacio Zoido Álvarez, Herbert Dorfmann, Sven Simon, Christophe Hansen
f'isem il-Grupp PPE
Paolo De Castro, Clara Aguilera
f'isem il-Grupp S&D
Irène Tolleret, Ulrike Müller, Sheila Ritchie, Jérémy Decerle, Atidzhe Alieva‑Veli, Billy Kelleher, Marie‑Pierre Vedrenne, Jordi Cañas
f'isem il-Grupp Renew
Mazaly Aguilar, Nicola Procaccini, Carlo Fidanza
f'isem il-Grupp ECR
Tiziana Beghin, Daniela Rondinelli, Dino Giarrusso


Proċedura : 2019/2895(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B9-0197/2019
Testi mressqa :
RC-B9-0197/2019
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt fuq l-agrikoltura Ewropea tad-deċiżjoni tad-WTO dwar it-tilwima li tikkonċerna l-Airbus

(2019/2895(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ttieħdet mill-arbitru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fit-tilwima dwar is-sussidju tal-Airbus (DS316) fitt-2 ta' Ottubru 2019, li tawtorizza lill-Istati Uniti japplikaw kontromiżuri fuq l-esportazzjonijiet tal-UE għall-valur ta' USD 7,5 biljun (EUR 6,8 biljun),

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni formali meħuda mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fl-14 ta' Ottubru 2019 li ta l-approvazzjoni tiegħu għal dawk il-kontromiżuri,

 wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jintroduċu tariffa ġdida ta' 25 %  ad valorem fuq xi prodotti agroalimentari u xi prodotti mhux agrikoli u 10 % ad valorem fuq prodotti mhux agrikoli, sa mit-18 ta' Ottubru 2019,

 wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008[1] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar il-Promozzjoni") u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2019 dwar l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma għall-2020 ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi,

 wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli[2] (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS Unika)),

 wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Istati Uniti tal-Amerika huma d-destinazzjoni numru wieħed għall-esportazzjonijiet agrikoli mill-UE-28, li ammontaw għal EUR 22,3 biljun fl-2018 (16,2 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari kollha), u għalhekk jirrappreżentaw suq insostitwibbli f'termini kemm ta' valur kif ukoll ta' volum;

B. billi l-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE b'valur ta' EUR 4,3 biljun (60 % tal-valur totali tal-kontromiżuri) se jintlaqtu minn tariffi ġodda, li se jkunu ekwivalenti għal EUR 1,1 biljun;

C. billi r-Renju Unit, Franza, Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u l-Irlanda huma l-pajjiżi ewlenin li huma affettwati mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti, filwaqt li s-setturi agroalimentari ta' Stati Membri oħra tal-UE ukoll se jiġu affettwati b'mod negattiv;

D. billi l-prodotti agrikoli ewlenin fil-mira tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti se jkunu prodotti emblematiċi tal-UE b'valur miżjud għoli ħafna li ta' spiss huma protetti taħt l-iskemi tal-kwalità tal-UE (inbejjed u spirti bħal pereżempju s-"single malt whisky", iż-żejt taż-żebbuġa, u prodotti tal-ħalib bħall-butir u l-ġobon);

E. billi prodotti agroalimentari oħra, bħaż-żebbuġ tal-mejda, il-majjal, il-kafè, il-gallettini ħelwin, il-frott ipproċessat, il-frott taċ-ċitru, il-molluski, il-likuri u l-kaxmer huma wkoll fil-mira, għalkemm b'inqas intensità;

F. billi l-bdiewa u l-operaturi fil-katina agroalimentari huma għal darb'oħra, wara l-embargo Russu, vittmi ta' kunflitt kummerċjali mhux agrikolu li ma jaqax taħt l-influwenza tagħhom u billi d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li japplikaw dawn it-tariffi se tibqa' fis-seħħ indefinittivament sa meta l-Istati Membri jikkonformaw mar-riżoluzzjoni tad-WTO dwar it-tilwima tal-Airbus;

G. billi l-kontromiżuri tal-Istati Uniti se jżidu inċertezzi ekonomiċi u legali għall-produtturi Ewropej f'settur li huwa diġà volatili min-natura tiegħu stess, u se jżidu aktar instabbiltà fis-suq intern tal-UE, li diġà qed ikollu jħabbat wiċċu mad-disturb ikkawżat mill-embargo Russu u qed ikollu jipprepara ruħu għar-riperkussjonijiet ekonomiċi minħabba l-ħruġ potenzjali tar-Renju Unit mill-UE;

H. billi l-Istati Uniti tal-Amerika jistgħu, skont dispożizzjonijiet fil-liġi tal-Istati Uniti, jintroduċu l-hekk imsejjaħ karusell ta' tariffi li jkollu effett indirett fuq prodotti oħra, jamplifika l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kontromiżuri u jkollu impatt sproporzjonat fuq is-settur agroalimentari;

I. billi t-tilwima dwar is-sussidji tal-Boeing għadha pendenti quddiem id-WTO;

J. billi għal ftit setturi, bħal dak taż-żebbuġ tal-mejda (diġà affettwat mill-applikazzjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti sa minn Novembru 2017) u taż-żejt taż-żebbuġa, id-deċiżjoni tal-Istati Uniti se tkompli tipperikola aktar is-sitwazzjoni diġà fraġli tas-suq intern, filwaqt li għal setturi oħra bħal dawk tal-inbid, tal-whisky u tal-prodotti tal-ħalib, dan jirriskja li jikkawża disturbi serji fis-suq b'mod ġenerali; billi tali deċiżjoni għalhekk thedded it-tkabbir, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi u twassal għal telf sinifikanti ta' kompetittività u ta' sehem mis-suq – li ħadu s-snin biex jiġu stabbiliti u se jkun diffiċli li wieħed jirkupra minn dan it-telf;

K. billi t-tariffi se jwasslu għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet għall-konsumaturi u telf ekonomiku u telf ta' impjiegi għall-kumpaniji fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u fl-aħħar mill-aħħar huma l-produtturi li ma jiġux mill-UE u l-Istati Uniti li se jibbenefikaw minn dan;

L. billi skont ir-regoli attwali tal-UE, il-kampanji ta' promozzjoni li diġà ġew approvati u li għandhom is-suq tal-Istati Uniti fil-mira ma jistgħux jiġu pprogrammati mill-ġdid, u xi azzjonijiet li diġà ttieħdu għall-promozzjoni ta' prodotti ta' valur għoli ħafna jistgħu jkunu inutli jekk jiġu applikati t-tariffi tal-Istati Uniti;

M. billi l-agrikoltura tal-UE, li min-natura tagħha stess għandha sensitivitajiet partikolari, qed tiġi dejjem aktar integrata fis-swieq internazzjonali, u b'hekk tiġi enfasizzata l-importanza ta' relazzjonijiet kummerċjali kostruttivi b'mod ġenerali u ż-żamma ta' katina tal-provvista tal-ikel bi prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi;

1. Jesprimi tħassib kbir dwar il-ħsara kollaterali li s-settur agroalimentari tal-UE qed jiffaċċja tul il-katina agroalimentari kollha bħala konsegwenza tad-deċiżjoni meħuda mill-Istati Uniti li jimponu kontromiżuri fuq l-Unjoni Ewropea b'riżultat tat-tilwima tal-Airbus; iqis li mhuwiex aċċettabbli li s-settur agrikolu jkollu jħallas parti kbira mill-kost ta' tilwima legali li toriġina f'settur li m'għandu x'jaqsam xejn miegħu; jiddeplora d-deċiżjoni li jiġu imposti dazji fuq tant prodotti agrikoli;

 

2. Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Istati Uniti fir-rigward tat-tentattivi tal-UE biex tinstab soluzzjoni nnegozjata f'waqtha qabel l-applikazzjoni tat-tariffi; jissottolinja t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, s'issa, l-Istati Uniti rrifjutaw li jaħdmu mal-UE fuq soluzzjoni f'waqtha għall-industriji rispettivi tagħna tal-inġenji tal-ajru fil-kuntest tat-tilwima Airbus-Boeing li ilha teżisti;

3. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha u jħeġġiġha tkompli tipprova ssib soluzzjonijiet innegozjati biex tnaqqas it-tensjonijiet kummerċjali li hemm bħalissa bejn iż-żewġ partijiet;

4. Jenfasizza l-ħtieġa ta' tweġiba koordinata u magħquda tal-UE, speċjalment peress li t-tariffi tfasslu biex jolqtu lill-Istati Membri b'mod inugwali f'tentattiv biex tinħoloq firda fil-pożizzjoni tal-Unjoni;

5. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-suq agroalimentari tal-UE sabiex tidentifika, b'mod li jkun f'waqtu, id-disturbi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tariffi, l-effetti kumulattivi ma' żviluppi oħra tas-suq, inklużi dawk tal-embargo Russu li għadu għaddej, u l-effett indirett tal-prodotti spostati fuq il-katina tal-provvista tal-ikel;

6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-impatt li dawn il-kontromiżuri għandhom fuq is-setturi milquta u fuq is-suq intern, u fejn iġġustifikat, b'konformità mar-regoli tad-WTO u fil-limiti tal-baġit, timmobilizza appoġġ rapidu għas-setturi l-aktar milquta; jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' finanzjament xieraq għal dawn l-iskopijiet fil-baġit 2020;

7. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-użu ta' għodod taħt l-OKS Unika, bħalma huma l-iskemi ta' ħżin privat u l-irtirar mis-suq, u kwalunkwe strument ġdid jew strument ieħor disponibbli u miżuri rilevanti għat-trattament tad-disturbi li jirriżultaw fis-suq intern;

8. Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni sekondarja li hemm fis-seħħ koperta mill-OKS Unika biex tippermetti lill-operaturi jestendu d-durata tal-kampanji ta' promozzjoni fl-Istati Uniti biex tkun permessa aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-kampanji ta' promozzjoni li għaddejjin bħalissa f'pajjiżi terzi, sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jkunu reattivi u jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom fl-Istati Uniti u biex jiġġieldu l-impatt fuq il-konsumaturi, jew jiffukaw mill-ġdid, fejn meħtieġ, fuq swieq alternattivi billi jipprogrammaw mill-ġdid l-attivitajiet li diġà jkunu ġew approvati għas-suq tal-Istati Uniti; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi dawn il-modifiki kemm jista' jkun malajr u tadotta miżuri addizzjonali biex tipprovdi aktar flessibbiltà għall-ġestjoni tal-kampanji ta' promozzjoni skont ir-Regolament dwar il-Promozzjoni;

9. Jinsisti li s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti huma eċċezzjonali u ma setax ikun li jiġu mbassra u ġestiti mill-operaturi; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tadatta r-regoli ta' kontroll u verifika b'tali mod li l-operaturi ma jiġux ippenalizzati minħabba l-adattamenti inevitabbli li se jkollhom jagħmlu għall-azzjonijiet ta' promozzjoni jew għan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' azzjonijiet ta' promozzjoni li diġà ġew ippjanati;

10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq miżuri orizzontali ta' informazzjoni u promozzjoni li jistgħu jieħdu l-forma ta' missjonijiet ta' livell għoli, parteċipazzjoni f'fieri kummerċjali u f'wirjiet ta' importanza internazzjonali mmirati lejn it-titjib tal-immaġni u ż-żieda fil-promozzjoni tal-prodotti kkonċernati, b'konformità mal-Artikoli 2 u 9 tar-Regolament dwar il-Promozzjoni;

11. Jinnota li, minħabba din il-problema speċifika tas-suq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tuża d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament dwar il-Promozzjoni sabiex tappoġġja lill-operaturi li se jkollhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jidħlu fis-suq tal-Istati Uniti u biex tgħin ħalli jittaffew l-ostakli għal tali dħul;

12. Jitlob li l-Kummissjoni tapprova, fil-marġni disponibbli, sejħiet addizzjonali għal proposti akkumpanjati minn żieda fl-allokazzjonijiet għall-promozzjoni għall-2019, peress li l-baġit annwali diġà ġie impenjat, sabiex jiġi evitat kwalunkwe dewmien biex issir reazzjoni ta' malajr għall-kontromiżuri tal-Istati Uniti;

13. Jappoġġja t-tisħiħ tar-Regolament orizzontali dwar il-Promozzjoni, u li fl-istess ħin juża l-għarfien espert tal-uffiċċji nazzjonali għall-promozzjoni tal-kummerċ, sabiex jgħin lill-operaturi jkabbru u jikkonsolidaw il-pożizzjoni tagħhom fi swieq terzi u jsibu opportunitajiet ġodda għall-bejgħ tal-prodotti tal-UE fid-dawl tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u tar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar il-Promozzjoni;

14. Jenfasizza li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, huwa vitali li jiġi evitat aktar tnaqqis fil-baġit tal-PAK u li titkompla r-riforma tar-riżerva għall-kriżijiet tal-PAK, peress li s-settur agrikolu qiegħed kulma jmur jiġi aktar affettwat mill-volatilità u minn kriżijiet internazzjonali b'motivazzjoni politika li jeħtieġu tweġiba baġitarja b'saħħitha u effiċjenti;

15. Jenfasizza l-ħtieġa li s-swieq tal-esportazzjoni jiġu diversifikati u li jiġi żgurat l-aċċess għas-swieq għall-prodotti agroalimentari milquta mit-tariffi tal-Istati Uniti, billi jiġu eliminati l-ostakli tekniċi persistenti li żammew lill-operaturi milli jieħdu vantaġġ sħiħ tal-possibbiltajiet ta' esportazzjoni taħt ftehimiet kummerċjali oħra;

16. Itenni l-impenn tiegħu favur il-kummerċ ħieles u s-swieq miftuħa, peress li dawn kabbru l-opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjieg għal bosta intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fl-Istati Uniti u fl-UE, u jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet kummerċjali kostruttivi li jkunu ta' benefiċċju reċiproku għall-UE u għall-l-Istati Uniti;

17. Jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-preservazzjoni ta' sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli u għad-WTO bħala istituzzjoni, u fl-istess ħin jirrikonoxxi l-ħtieġa li ssir riforma komprensiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-Korp tal-Appell tad-WTO;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza