Regoli ta' Proċedura tal-Parlament EwropewPDF
It-tmien leġislatura - Lulju 2018
EPUB 197kPDF 1110k
KONTENUT
APPENDIĊI
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

APPENDIĊI : VERZJONI TAL-ARTIKOLI 196 SA 200 U TAL-ARTIKOLU 212 APPLIKABBLI MILL-FTUĦ TAS-SESSJONI PARZJALI TA’ LULJU 2019 (SKONT ID-DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW TAT-13 TA' DIĊEMBRU 2016)

Artikolu 196 : Twaqqif ta' Kumitati Permanenti

Il-Parlament għandu, fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, iwaqqaf kumitati permanenti. Ir-responsabbiltajiet tagħhom għandhom ikunu stabbiliti f'anness għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura(1). Dak l-Anness għandu jiġi adottat minn maġġoranza tal-voti mitfugħa. Il-membri tagħhom għandhom ikunu maħtura fl-ewwel sessjoni parzjali wara l-elezzjoni ta' Parlament ġdid u mill-ġdid sentejn u nofs wara.

Ir-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti jistgħu wkoll jiġu stabbiliti f'ħin differenti mill-ħin meta l-kumitat ikun qed jitwaqqaf.

Artikolu 197 : Kumitati Speċjali

1.   Il-Parlament jista' f'kull ħin, fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti, iwaqqaf kumitati speċjali, li r-responsabbiltajiet, is-saħħa numerika u l-mandat tagħhom għandhom ikunu stabbiliti fl-istess ħin li tittieħed id-deċiżjoni li jitwaqqfu.

2.   Il-mandat tal-kumitati speċjali m'għandux jeċċedi t-tnax-il xahar, ħlief meta l-Parlament jestendi dak il-mandat qabel ma jiskadi. Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor fid-deċiżjoni tal-Parlament li biha jitwaqqaf il-kumitat speċjali, il-mandat tal-imsemmi kumitat speċjali għandu jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa kostitwenti tiegħu.

3.   Il-kumitati speċjali ma jistgħux jagħtu opinjonijiet lil kumitati oħra.

Artikolu 198 : Kumitati ta' inkjesta

1.   Skont l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(2), il-Parlament jista', fuq talba ta' kwart tal-Membri tiegħu, iwaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga allegazzjoni ta' ksur jew amministrazzjoni ħazina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jkunu jidhru li jkunu atti ta' xi istituzzjoni jew korp tal-Komunitajiet Ewropej, ta' xi korp ta' amministrazzjoni pubblika ta' xi Stat Membru, jew ta' persuni li għandhom setgħa mogħtija mil-liġi tal-Unjoni sabiex jimplimentaw dik il-liġi.

Is-suġġett tal-inkjesta, kif definit minn kwart tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament, u l-perjodu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 11 m'għandhomx ikunu jistgħu jiġu emendati.

2.   Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta għandha tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahar minn meta tittieħed.

3.   Il-modus operandi ta' kumitat ta' inkjesta għandu jkun regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura dwar il-kumitati, ħlief jekk ikun stipulat speċifikament mod ieħor f'dan l-Artikolu u fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA.

4.   It-talba sabiex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta trid tispeċifika b'mod preċiż is-suġġett tal-inkjesta u tinkludi stqarrija dettaljata tar-raġunijiet għala qed issir. Il-Parlament, fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti, għandu jiddeċiedi jekk għandux jitwaqqaf kumitat u, jekk jiddeċiedi li dan għandu jitwaqqaf, għandu jiddeċiedi dwar is-saħħa numerika tiegħu.

5.   Il-kumitati ta' inkjesta ma jistgħux jagħtu opinjonijiet lil kumitati oħra.

6.   Fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tiegħu, huma biss il-membri sħaħ jew, fl-assenza tagħhom, is-sostituti li jkollhom id-dritt jivvutaw f'kumitat ta' inkjesta.

7.   Kumitat ta' inkjesta għandu jeleġġi l-president u l-viċi presidenti tiegħu u jaħtar rapporteur wieħed jew iżjed. Il-kumitat jista' wkoll jassenja responsabbiltajiet, dmirijiet u doveri speċifiċi lill-Membri tiegħu li mbagħad ikunu jridu jibdew jagħtu rapporti dettaljati lill-kumitat.

8.   Fl-intervall bejn laqgħa u oħra, il-koordinaturi tal-kumitat għandhom, f'każi ta' urġenza jew ħtieġa, jeżerċitaw is-setgħat tal-kumitat, azzjoni li tkun suġġetta għar-ratifika tal-kumitat fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu.

9.   Fir-rigward tal-lingwi użati, kumitat ta' inkjesta għandu japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 158. Madankollu, il-bureau tal-kumitat:

-   jista' jillimita l-interpretazzjoni għal-lingwi uffiċjali tal-membri tal-kumitat li għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, jekk iqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità,

-   għandu jiddeċiedi dwar it-traduzzjoni ta' dokumenti li jkun irċieva, b'mod li jiżgura li l-kumitat ikun jista' jwettaq id-deliberazzjonijiet tiegħu b'mod effiċjenti u malajr, kif ukoll jiżgura li s-segretezza u l-kunfidenzjalità rikjesti jkunu rispettati.

10.   Meta l-allegati ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jissuġġerixxu li korp jew awtorità ta' Stat Membru jistgħu jkunu responsabbli, il-kumitat ta' inkjesta jista' jitlob lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jikkoopera fl-investigazzjoni.

11.   Kumitat ta' inkjesta għandu jtemm xogħlu bil-preżentazzjoni lill-Parlament ta' rapport dwar ir-riżultati tax-xogħol tiegħu fi żmien ta' mhux aktar minn tnax-il xahar mil-laqgħa kostitwenti tiegħu. Il-Parlament jista' jiddeċiedi, għal darbtejn, li jestendi dan il-perjodu bi tliet xhur kull darba. Jekk ikun xieraq, ir-rapport jista' jkun fih pożizzjonijiet tal-minoranza skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 52a. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

Fuq talba tal-kumitat ta' inkjesta l-Parlament għandu jagħmel dibattitu dwar ir-rapport fis-sessjoni parzjali li jkun imiss wara li jiġi ppreżentat.

12.   Il-kumitat jista' wkoll jippreżenta lill-Parlament abbozz ta' rakkomandazzjoni indirizzat lil istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea jew lill-Istati Membri.

13.   Il-President għandu jagħti struzzjonijiet lill-kumitat responsabbli skont l-Anness VI sabiex jissorvelja l-azzjonijiet li ttieħdu bħala riżultat tax-xogħol tal-kumitat ta' inkjesta u, jekk ikun il-każ, sabiex jirraporta dwar dan. Il-President għandu jieħu kwalunkwe pass ieħor li jidhirlu xieraq sabiex jiżgura li l-konklużjonijiet tal-inkjesta jitpoġġew fil-prattika.

Artikolu 199 : Kompożizzjoni tal-kumitati

1.   Membri tal-kumitati, tal-kumitati speċjali u tal-kumitati ta' inkjesta għandhom jinħatru mill-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati.

Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tistabbilixxi skadenza li fiha l-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati għandhom jikkomunikaw il-ħatriet tagħhom lill-President, li mbagħad għandu jħabbarhom lill-Parlament.

2.   Il-kompżizzjoni tal-kumitati għandha tirrifletti, sa fejn ikun possibbli, il-kompożizzjoni tal-Parlament. It-tqassim tas-siġġijiet tal-kumitati fost il-gruppi politiċi għandu jkun l-eqreb numru sħiħ 'il fuq jew l-eqreb numru sħiħ 'l isfel mill-kalkolu proporzjonali.

Meta ma jkun hemm l-ebda qbil fost il-gruppi politiċi dwar il-piż proporzjonali tagħhom fi ħdan kumitat speċifiku wieħed jew aktar, hija l-Konferenza tal-Presidenti li għandha tiddeċiedi.

3.   Jekk grupp politiku jiddeċiedi li ma jokkupax siġġijiet f'kumitat, jew jonqos milli jaħtar il-membri tiegħu fl-iskadenza stabbilita mill-Konferenza tal-Presidenti, dawn is-siġġijiet għandhom jibqgħu battala. L-iskambju ta' siġġijiet bejn il-gruppi politiċi mhuwiex permess.

4.   Meta l-fatt li Membru jibdel il-grupp politiku tiegħu jkollu l-effett li jħarbat id-distribuzzjoni proporzjonali tas-siġġijiet tal-kumitat kif definita fil-paragrafu 2, u ma jkun hemm l-ebda ftehim fost il-gruppi politiċi biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fih, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.

5.   Kwalunkwe modifika li tiġi deċiża għall-ħatriet mill-gruppi politiċi u mill-Membri mhux affiljati għandha tiġi kkomunikata lill-President, li għandu jħabbarha lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-bidu tas-seduta li jkun imiss. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ mill-jum tat-tħabbira.

6.   Il-gruppi politiċi u l-Membri mhux affiljati jistgħu jaħtru numru ta' sostituti għal kull kumitat li m'għandux jaqbeż in-numru ta' membri sħaħ li l-grupp politiku jew il-Membri mhux affiljati jkollhom il-jedd li jaħtru fil-kumitat. Il-President għandu jkun infurmat b'dan. Dawn is-sostituti għandu jkollhom il-jedd li jattendu u li jitkellmu fil-laqgħat tal-kumitat u, jekk il-membru sħiħ ikun assenti, li jieħdu sehem fil-votazzjonijiet.

7.   F'każ ta' assenza tal-membru sħiħ u meta ma jkunux inħatru sostituti jew dawn tal-aħħar ikunu assenti, il-membru sħiħ jista' jagħmel arranġamenti sabiex ikun rappreżentat fil-laqgħat minn membru ieħor tal-istess grupp politiku, jew, meta l-membru jkun Membru mhux affiljat, minn Membru mhux affiljat ieħor, li għandu jkollu l-jedd li jivvota. Il-president tal-kumitat għandu jiġi notifikat sa mhux aktar tard mill-bidu tas-sessjoni tal-votazzjoni.

In-notifika bil-quddiem imsemmija fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 7 għandha tingħata qabel tmiem id-dibattitu jew qabel il-ftuħ tal-votazzjoni fuq il-punt jew il-punti li fir-rigward tagħhom il-membru sħiħ għandu jiġi sostitwit.

Skont dan l-Artikolu:

–   l-istatus ta' membru sħiħ jew ta' membru sostitut ta' kumitat jiddependi esklużivament minn jekk wieħed ikunx membru ta' grupp politiku partikulari;

–   jekk in-numru ta' membri sħaħ ta' grupp politiku f'kumitat jinbidel, l-akbar numru ta' sostituti permanenti li jista' jaħtar fuq dak il-kumitat għandu jinbidel bl-istess mod;

–   il-Membri li jibdlu l-grupp politiku tagħhom ma jistgħux iżommu l-istatus ta' membru sħiħ jew ta' membru sostitut ta' kumitat li kellhom bħala membru tal-grupp oriġinali tagħhom;

–   membru ta' kumitat ma jistax, taħt l-ebda ċirkustanza, ikun sostitut għal kollega li jkun jappartjeni għal grupp politiku ieħor.

Artikolu 200 - Sostituti : (imħassar)

Artikolu 212 : Twaqqif u dmirijiet ta' delegazzjonijiet interparlamentari

1.   Fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, il-Parlament għandu jwaqqaf delegazzjonijiet interparlamentari permanenti u, filwaqt li jqis id-dmirijiet tagħhom, jiddeċiedi dwar in-natura tagħhom u dwar in-numru ta' membri li jiffurmawhom. Il-membri għandhom jinħatru mill-gruppi politiċi u mill-Membri mhux affiljati matul l-ewwel jew fit-tieni sessjoni parzjali wara li l-Parlament jerġa' jiġi elett u l-elezzjoni tagħhom tkun tgħodd għal-leġiżlatura sħiħa.

2.   Il-gruppi politiċi għandhom jiżguraw sa fejn hu possibbli li l-Istati Membri, il-fehmiet politiċi u l-ġeneri huma rrappreżentati b'mod ġust. Ma għandux ikun permess li aktar minn terz tal-membri ta' delegazzjoni jkollhom l-istess nazzjonalità. L-Artikolu 199 għandu japplika mutatis mutandis.

3.   Il-bureaux tad-delegazzjonijiet għandhom jitwaqqfu skont il-proċedura stabbilita għall-kumitati permanenti skont l-Artikolu 204.

4.   Il-Parlament għandu jistabbilixxi s-setgħat ġenerali tad-delegazzjonijiet individwali. Huwa jista' f'kull ħin jiddeċiedi li jżid jew inaqqas dawn is-setgħat.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni meħtieġa sabiex id-delegazzjonijiet ikunu jistgħu iwettqu xogħolhom għandhom ikunu adottati mill-Konferenza tal-Presidenti fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti tad-Delegazzjonijiet.

6.   Il-president ta' delegazzjoni għandu jippreżenta rapport dwar l-attivitajiet tad-delegazzjoni lill-kumitat responsabbli għall-affarijiet barranin u s-sigurtà.

7.   Il-president ta' delegazzjoni għandu l-possibilita’ li jinstema' minn kumitat meta fl-aġenda jkun hemm punt li jikkonċerna l-qasam ta' responsabbiltà tad-delegazzjoni. Dan għandu japplika ukoll għall-president jew għar-rapporteur ta' dak il-kumitat f'laqgħat tad-delegazzjoni.

(1)Ara l-Anness V.
(2)Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali