Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Lulju 2018
EPUB 197kPDF 1110k
KONTENUT
APPENDIĊI
INDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 6 : PROĊEDURI TAL-BAĠIT

Artikolu 88 : Pożizzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz tal-baġit

1.   Membri individwali jistgħu jqegħdu fuq il-Mejda emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit fil-kumitat responsabbli.

Grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jew kumitat jistgħu jqegħdu fuq il-Mejda emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit.

2.   L-emendi għandhom jitressqu u jiġu ġġustifikati bil-miktub, għandhom jinkludu l-firma tal-awturi tagħhom u jispeċifikaw il-linja baġitarja li jirreferu għaliha.

3.   Il-President għandu jiffissa l-iskadenza biex l-emendi jitqiegħdu fuq il-Mejda.

4.   Il-kumitat responsabbli għandu jivvota dwar l-emendi qabel ma jiġu diskussi fil-Parlament.

5.   Jista' jittieħed vot fuq emendi li jitressqu fil-Parlament li jiġu miċħuda mill-kumitat responsabbli unikament jekk issir talba bil-miktub għal dan minn kumitat jew minn grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, qabel ma jiskadi ż-żmien iffissat mill-President. Dik l-iskadenza m'għandha fl-ebda każ tkun ta' anqas minn 24 siegħa qabel ma tibda l-votazzjoni.

6.   Fil-każ ta’ emendi għall-estimi tal-Parlament li jkunu simili għal dawk li jkunu diġà ġew miċħuda mill-Parlament fiż-żmien meta tfasslu l-estimi, li-Parlament għandu jidddiskutihom biss jekk il-kumitat responsabbli ikun ta opinjoni favorevoli.

7.   Il-Parlament għandu jieħu votazzjonijiet suċċessivi fuq:

-   l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit, skont it-taqsima,

-   mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar l-abbozz tal-baġit.

Madankollu, għandhu japplika l-Artikolu 174(4) sa (10).

8.   L-artikoli, il-kapitoli, it-titoli u t-taqsimiet tal-abbozz tal-baġit li dwarhom ma tqiegħdet fuq il-Mejda l-ebda emenda għandhom jitqiesu bħala li ġew adottati.

9.   Skont l-Artikolu 314(4)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex jiġu adottati, l-emendi għandhom jiksbu l-voti tal-maġġoranza tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament.

10.   Jekk il-Parlament ikun emenda l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit, il-pożizzjoni kif emendata għandha tiġi mgħoddija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet u l-minuti tas-seduta li fiha l-emendi jkunu ġew adottati.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza