Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament EwropewPDF
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 1 : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI - DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 42 : Eżami tal-osservanza tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità

1.   Waqt l-eżami ta' proposta għal att legislattiv, il-Parlament għandu jagħti attenzjoni partikulari jekk dik il-proposta tosservax il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.

2.   Il-kumitat responsabbli għall-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà biss jista' jiddeċiedi li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-kumitat responsabbli għas-suġġett fir-rigward ta' kwalunkwe proposta għal att leġiżlattiv.

3.   Ħlief fil-każijiet ta' urġenza stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, il-kumitat responsabbli għas-suġġett m'għandux jgħaddi għall-votazzjoni aħħarija tiegħu qabel l-iskadenza ta' tmien ġimgħat li hija stipulata fl-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.

4.   Jekk parlament nazzjonali jibgħat lill-President opinjoni motivata skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1, dak id-dokument għandu jiġi riferut lill-kumitat responsabbli għas-suġġett u mgħoddi, għall-informazzjoni, lill-kumitat responsabbli għall-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

5.   Meta l-opinjonijiet motivati dwar in-nuqqas ta' konformità ta' proposta għall-att leġiżlattiv mal-prinċipju ta' sussidjarjetà jirrappreżentaw mhux anqas minn terz tal-voti kollha allokati għall-parlamenti nazzjonali f’konformita’ mat-tieni subparagrafu tal-Article 7(1) tal-Protokoll Nru 2 jew kwart fil-każ ta' proposta għal att leġiżlattiv ippreżentata skont l-Artikolu 76 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament m'għandux jieħu deċiżjoni sakemm l-awtur tal-proposta jistipula kif ikun biħsiebu jipproċedi.

6.   Meta, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, opinjonijiet motivati li jallegaw in-nuqqas ta' konformità ta' proposta għal att leġiżlattiv mal-prinċipju ta' sussidjarjetà jirrappreżentaw mhux anqas minn maġġoranza sempliċi tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali, f’konformita’ mat-tieni subparagrafu tal-Article 7(1) tal-Protokoll Nru 2, il-kumitat responsabbli għas-suġġett, wara li jkun eżamina l-opinjonijiet motivati mressqa mill-parlamenti nazzjonali u mill-Kummissjoni, u wara li jkun sema' l-fehmiet tal-kumitat responsabbli għall-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, jista' jirrakkomanda lill-Parlament li jiċħad il-proposta abbażi ta' ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà jew jippreżenta lill-Parlament kwalunkwe rakkomandazzjoni oħra, li tista' tinkludi suġġerimenti għal emendi li jkollhom x'jaqsmu mal-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-opinjoni mogħtija mill-kumitat responsabbli għall-osservanza tal-prinċipju ta' sussidjarjetà għandha tkun annessa ma' kwalunkwe rakkomandazzjoni ta' dan it-tip.

Ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ippreżentata lill-Parlament għal dibattitu u għal votazzjoni. Jekk rakkomandazzjoni biex tkun miċħuda l-proposta tkun adottata b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, il-President għandu jiddikjara l-proċedura magħluqa. Meta l-Parlament ma jiċħadx il-proposta, il-proċedura għandha tkompli, filwaqt li jitqiesu kwalunkwe rakkomandazzjonijiet approvati mill-Parlament.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali