Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament EwropewPDF
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU III  : RELAZZJONIJIET BARRANIN
KAPITOLU 1 : FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

Artikolu 108 : Ftehimiet internazzjonali

1.   Meta jkun hemm il-ħsieb li jinfetħu negozjati dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehim internazzjonali, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jfassal rapport jew b'xi mod ieħor jissorvelja l-fażi preparatorja. Huwa għandu jinforma lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati b'dik id-deċiżjoni.

2.   Il-kumitat responsabbli għandu, malajr kemm jista' jkun, jikseb tagħrif mill-Kummissjoni dwar il-bażi legali magħżula għall-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kumitat responsabbli għandu jivverifika l-bażi legali magħżula skont l-Artikolu 39.

3.   Il-Parlament jista', fuq proposta tal-kumitat responsabbli, ta' grupp politiku jew ta' għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, jitlob lill-Kunsill sabiex ma jawtorizzax il-ftuħ ta' negozjati qabel ma l-Parlament ikun iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-mandat ta' negozjar propost abbażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli.

4.   Fi kwalunkwe stadju tan-negozjati, u minn tmiem in-negozjati sal-konklużjoni tal-ftehim internazzjonali, il-Parlament jista', abbażi ta' rapport mill-kumitat responsabbli, imfassal minn dak il-kumitat fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew wara li jqis kwalunkwe proposta rilevanti mqiegħda fuq il-Mejda minn grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u jitlob li dawn jitqiesu qabel jiġi konkluż dak il-ftehim.

5.   Talbiet mill-Kunsill għal approvazzjoni jew opinjoni tal-Parlament għandhom jiġu riferuti mill-President lill-kumitat responsabbli biex jiġu eżaminati skont l-Artikolu 99 jew l-Artikolu 47(1).

6.   Fi kwalunkwe ħin qabel ma l-Parlament jivvota fuq talba għal approvazzjoni jew opinjoni, il-kumitat responsabbli jew mhux anqas minn wieħed minn kull għaxar Membri li jagħmlu parti mill-Parlament jistgħu jipproponu li l-Parlament jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompatibbiltà ta' ftehim internazzjonali mat-Trattati.

Qabel ma l-Parlament jivvota fuq dik il-proposta, il-President jista' jitlob l-opinjoni tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali, li għandu jirrapporta dwar il-konklużjonijiet tiegħu lill-Parlament.

Jekk il-Parlament japprova l-proposta li tintalab opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-votazzjoni fuq talba għal approvazzjoni jew opinjoni għandha tiġi differita sakemm il-Qorti tagħti l-opinjoni tagħha.

7.   Meta l-Kunsill jirrikjedi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehim internazzjonali, l-Parlament għandu jiddeċiedi permezz ta' votazzjoni waħdanija skont l-Artikolu 99.

Jekk il-Parlament ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, il-President għandu javża lill-Kunsill li l-ftehim ikkonċernat ma jistax issir, jiġġedded jew jiġi emendat.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 99(1b), il-Parlament jista' jiddeċiedi, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-kumitat responsabbli, li jissospendi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-proċedura ta' approvazzjoni għal żmien mhux itwal minn sena.

8.   Meta l-Kunsill jirrikjedi li l-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehim internazzjonali, l-ebda emenda għat-test tal-ftehim ma għandha tkun ammissibbli. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 170(1), emendi għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill għandhom ikunu ammissibbli.

Jekk dik l-opinjoni adottata mill-Parlament tkun waħda negattiva, il-President għandu jitlob lill-Kunsill sabiex ma jikkonkludix il-ftehim kkonċernat.

9.   Il-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitat responsabbli u ta' kwalunkwe kumitat assoċjat, għandhom, b'mod konġunt, jiċċekkjaw li, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jipprovdu lill-Parlament immedjatament u regolararment b'tagħrif sħiħ, jekk ikun meħtieġ b'mod kunfidenzjali, fl-istadji kollha tal-preparazzjonijiet għan-negozjar, in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inkluża informazzjoni dwar l-abbozz u t-test adottat finalment ta' direttivi ta' negozjar, kif ukoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-ftehimiet.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali