Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament EwropewPDF
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 3 : MISTOQSIJIET PARLAMENTARI

Artikolu 130b : Interpellanzi maġġuri għal tweġiba bil-miktub

1.   L-interpellanzi maġġuri għandhom jikkonsistu f'mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub li jsiru lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà minn grupp politiku.

2.   L-interpellanza maġġuri għandha tkun ta' interess ġenerali u għandha tintbagħat bil-miktub lill-President. Din m'għandhiex taqbeż il-500 kelma. Dment li l-interpellanza maġġuri tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura b'mod ġenerali, il-President għandu minnufih jittrażmettiha lid-destinatarju għal tweġiba bil-miktub.

3.   Għandu jkun hemm massimu ta' 30 interpellanza maġġuri kull sena. Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tiżgura distribuzzjoni ġusta ta' dawn l-interpellazzjonijiet fost il-gruppi politiċi, u l-ebda grupp politiku m'għandu jibgħat iktar minn waħda kull xahar.

4.   Jekk id-destinatarju jonqos milli jwieġeb għall-interpellanza maġġuri fi żmien sitt ġimgħat minn meta tiġi trażmessa lilu, l-interpellanza għandha, fuq it-talba tal-awtur, titqiegħed fuq l-abbozz tal-aġenda finali skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 149 u soġġetta għall-paragrafu 6.

5.   Malli tasal it-tweġiba bil-miktub, jekk il-Membri jew grupp politiku jew gruppi politiċi li jilħqu tal-anqas il-limitu medju jitolbu dan, l-interpellanza maġġuri għandha titqiegħed fuq l-abbozz tal-aġenda finali tal-Parlament skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 149 u soġġetta għall-paragrafu 6.

6.   In-numru ta' interpellanzi maġġuri diskussi matul l-istess sessjoni parzjali m'għandux ikun aktar minn tlieta. Jekk jintalbu dibattiti għal aktar minn tliet interpellanzi maġġuri matul l-istess sessjoni parzjali, il-Konferenza tal-Presidenti għandha tinkludihom fl-abbozz finali tal-aġenda fl-ordni li tkun irċeviet dawk it-talbiet għal dibattitu.

7.   Membru nnominat minn qabel mill-awtur, jew minn dawk li jitolbu d-dibattitu skont il-paragrafu 5, għandu jiżviluppa l-interpellanza maġġuri fil-Parlament. Jekk dak il-Membru ma jkunx preżenti, l-interpellanza maġġuri għandha taqa'. Id-destinatarju għandu jwieġeb.

L-Artikolu 123(2) sa (8) li jikkonċerna t-tqegħid fuq il-Mejda u l-votazzjoni ta' mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet għandu japplika mutatis mutandis.

8.   Tali interpellanzi kif ukoll it-tweġibiet għalihom għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Parlament.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali