Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
It-tmien leġislatura - Frar 2019
EPUB 157kPDF 1044k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 4 : MIŻURI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F'KAŻ TA' NUQQAS TA' OSSERVANZA TAL-ISTANDARDS TA' KONDOTTA TAL-MEMBRI

Artikolu 165 : Miżuri immedjati

1.   Il-President għandu jsejjaħ għall-ordni kwalunkwe Membru li jikser l-istandards ta' kondotta definiti fl-Artikolu 11 (3) jew (4).

2.   F'każ li ksur jiġi ripetut, il-President għandu jerġa' jsejjaħ lill-Membru għall-ordni għat-tieni darba, u l-fatt għandu jiġi rrapurtat fil-minuti.

3.   Jekk il-ksur ikompli, jew f'każ ta' ksur ulterjuri, il-President jista' jċaħħad lill-Membru kkonċernat mid-dritt li jitkellem u jkeċċih mill-Kamra għall-bqija tas-seduta. F'każijiet ta' serjetà eċċezzjonali, il-President jista' wkoll jirrikorri għal għat-tkeċċija tal-Membru kkonċernat għall-bqija tas-seduta minnufih u mingħajr it-tieni sejħa għall-ordni. Is-Segretarju Ġenerali għandu, mingħajr dewmien, jara li dawn il-miżuri dixxiplinari jitwettqu, bl-għajnuna tal-uxxiera u, jekk ikun meħtieġ, tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Parlament.

4.   Jekk it-tfixkil jhedded li jostakola l-ħidma tal-Kamra, il-President għandu jagħlaq jew jissospendi s-seduta għal żmien speċifiku sabiex jerġa' jġib l-ordni. Jekk ma jkunx jista' jsemma' lilu nnifsu, għandu jħalli s-Sedja; dan għandu jkollu l-effett ta' sospensjoni tas-seduta. Il-President għandu jerġa' jsejjaħ is-seduta.

5.   Il-President jista' jiddeċiedi li jinterrompi x-xandir dirett tas-seduta fil-każ ta' ksur minn Membru tal-Artikolu 11 (3) jew (4) minn Membru.

6.   Il-President jista' jordna t-tħassir mir-rekords awdjoviżivi tal-proċedimenti ta' dawk il-partijiet ta' diskors minn Membru li jiksru l-Artikolu 11 (3) jew (4).

Dik l-ordni għandu jkollha effett immedjat. Din għandha, madankollu, tkun suġġetta għal konferma mill-Bureau mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara li tittieħed, jew, jekk il-Bureau ma jiltaqax matul dak il-perjodu, fil-laqgħa tiegħu li jmiss.

7.   Is-setgħat stipulati fil-paragrafi 1 sa 6 għandhom jingħataw, mutatis mutandis, lill-uffiċjali li jippresiedu l-korpi, il-kumitati u d-delegazzjonijiet kif stipulat f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

8.   Fejn hu xieraq, u filwaqt li titqies is-serjetà tal-ksur tal-istandards ta' kondotta tal-Membri, il-Membru li jkun qed jippresiedi sessjoni parzjali, korp, kumitat jew delegazzjoni jista', sa mhux aktar tard mis-sessjoni parzjali li jkun imiss jew mil-laqgħa li jkun imiss tal-korp, kumitat jew delegazzjoni kkonċernati, jitlob lill-President biex japplika l-Artikolu 166.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Mejju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza