Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament EwropewPDF
It-tmien leġislatura - Marzu 2019
EPUB 157kPDF 1046k
KONTENUT
APPENDIĊI
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

ANNESS VI : APPROVAZZJONI TAL-KUMMISSJONI U MONITORAĠĠ TAL-IMPENJI MOGĦTIJA WAQT IS-SEDUTI TA' SMIGĦ

Parti I    – Approvazzjoni tal-Parlament fir-rigward tal-Kulleġġ tal-Kummissjoni kollu kemm hu

Artikolu 1 : Bażi għall-evalwazzjoni

1.   Il-Parlament għandu jevalwa l-Kummissarji nnominati fuq il-bażi tal-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali tagħhom. Għandu jevalwa l-għarfien tal-portafoll li għalih qed ikunu proposti u l-ħiliet ta' komunikazzjoni tagħhom.

2.   Il-Parlament għandu joqgħod attent b'mod partikulari għall-bilanċ bejn is-sessi. Jista' jesprimi ruħu dwar l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet tal-portafolli mill-President elett..

3.   Il-Parlament jista' jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati. Huwa jistenna li t-tagħrif dwar l-interessi finanzjarji tagħhom ikun żevalat bis-sħiħ. Id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Kummissarji nnominati għandhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali.

Artikolu 2 : Eżami tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji

1.   Il-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali għandu jeżamina d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji u jivvaluta jekk il-kontenut tad-dikjarazzjoni magħmula minn Kummissarju nnominat hijiex preċiża u kompleta u jekk huwiex possibbli li jiġi dedott kunflitt ta' interessi.

2.   Il-konferma min-naħa tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali tal-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi tikkostitwixxi prerekwiżit essenzjali biex issir is-seduta ta' smigħ mill-kumitat responsabbli; Fin-nuqqas ta' tali konferma, il-proċedura għall-ħatra tal-Kummissarju nnominat għandha tkun sospiża waqt li tkun qed tiġi segwita l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3(c).

3.   Il-linji gwida li ġejjin għandhom ikunu applikati waqt l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji mill-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali:

(a)   jekk, matul l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji, il-Kumitat iqis, abbażi tad-dokumenti ppreżentati, li d-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji hija preċiża, kompluta u ma tinkludi l-ebda informazzjoni li tindika kunflitt ta' interess reali jew potenzjali b'rabta mal-portafoll tal-Kummissarju nnominat, il-president tiegħu għandu jibgħat ittra ta' konferma ta' dan lill-kumitati responsabbli mis-seduta ta' smigħ jew lill-kumitati involuti fil-każ ta' proċedura li tkun qed isseħħ waqt il-mandat ta' Kummissarju;

(b)   jekk il-Kumitat iqis li d-dikjarazzjoni tal-interessi ta' Kummissarju nnominat ikun fiha informazzjoni inkompleta jew kontradittorja, jew li hemm bżonn ta' informazzjoni addizzjonali, huwa għandu, b'konformità mar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, jitlob lill-Kummissarju nnominat jipprovdi informazzjoni supplementari mingħajr dewmien żejjed, u għandu jikkunsidraha u janalizzaha sew qabel jieħu d-deċiżjoni tiegħu; il-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali jista' jiddeċiedi, fejn xieraq, li jistieden lill-Kummissarju nnominat għal seduta ta' smigħ;

(c)   jekk il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jinnota li hemm kunflitt ta' interessi abbażi tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji jew tal-informazzjoni supplementari li jkun ipprovda l-Kummissarju nnominat, huwa għandu jfassal rakkomandazzjonijiet bl-għan li jiġi riżolt il-kunflitt ta' interessi; dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu r-rinunzja tal-interessi finanzjarji inkwistjoni jew tibdiliet mill-President tal-Kummissjoni fil-portafoll tal-Kummissarju nnominat; f'każijiet aktar serji, jekk ma tinstab l-ebda soluzzjoni għall-kunflitt ta' interessi, u bħala l-aħħfar għażla, il-Kumitat responsabbli għall-Affarijiet Legali jista' jikkonkludi li l-Kummissarju nnominat mhuwiex f'pożizzjoni li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu skont it-Trattati u l-Kodiċi ta' Kondotta; il-President tal-Parlament imbagħad għandu jsaqsi lill-President tal-Kummissjoni x'passi ulterjuri biħsiebu jieħu.

Artikolu 3 : Seduti ta' smigħ

1.   Kull Kummissarju nnominat għandu jkun mistieden jidher quddiem il-kumitat jew kumitati kompetenti għal seduta ta' smigħ waħda.

2.   Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu organizzati mill-Konferenza tal-Presidenti fuq rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Il-president u l-koordinaturi ta' kull kumitat għandhom ikunu responsabbli għall-arranġamenti dettaljati. Jistgħu jinħatru rapporteurs.

3.   Għandhom isiru arranġamenti xierqa biex ikunu assoċjati l-kumitati rilevanti meta l-portafolli jkunu mħallta. Hemm tliet għażliet:

(a)   jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' taħt il-mandat ta' kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dak il-kumitat biss (il-kumitat responsabbli);

(b)   jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' bejn wieħed u ieħor b'mod indaqs taħt il-mandat ta' iktar minn kumitat wieħed, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' minn dawn il-kumitati flimkien (kumitati konġunti); u

(c)   jekk il-portafoll tal-Kummissarju nnominat jaqa' primarjament taħt il-mandat ta' kumitat wieħed u sa ċertu punt biss taħt il-mandat ta' għall-inqas kumitat ieħor, il-Kummissarju nnominat għandu jinstema' mill-kumitat li għandu r-responsabilità ewlenija, bl-assoċjazzjoni tal-kumitat l-ieħor jew lill-kumitati l-oħra (kumitati assoċjati).

4.   Il-President elett tal-Kummissjoni għandu jkun ikkonsultat bis-sħiħ dwar l-arranġamenti.

5.   Il-kumitati għandhom iressqu mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarji nnominati kmieni biżżejjed qabel is-seduta. Għal kull Kummissarju nnominat għandhom jitfasslu żewġ mistoqsijiet komuni mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, l-ewwel waħda marbuta ma' kwistjonijiet ta' kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali, u t-tieni waħda marbuta mal-ġestjoni tal-portafoll u l-koperazzjoni mal-Parlament. Il-kumitat responsabbli għandu jressaq ħames mistoqsijiet oħra; m'għandhomx ikunu permessi sottomistoqsijiet. Fil-każ tal-kumitati konġunti, kull wieħed minnhom għandu jingħata d-dritt iressaq tliet mistoqsijiet.

Il-curriculum vitae tal-Kummissarji nnominati u t-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Parlament qabel ma ssir is-seduta ta' smigħ.

6.   Kull seduta ta' smigħ għandha tiġi skedata li ddum tliet sigħat. Is-seduti ta' smigħ għandhom isiru f'ċirkostanzi, u skont kundizzjonjiet, li fihom il-Kummissarji nnominati jgawdu minn opportunità ugwali u ġusta biex jippreżentaw lilhom infushom u l-fehmiet tagħhom.

7.   Il-Kummissarji nnominati għandhom ikunu mistiedna biex jagħmlu stqarrija tal-bidu bil-fomm ta' mhux aktar minn 15-il minuta. Matul is-seduta ta' smigħ għandhom isiru sa 25 mistoqsija, miġbura flimkien skont it-tema kull meta jkun possibbli. Tista' ssir mistoqsija ta' segwitu waħda immedjatament fiż-żmien allokat. Il-maġġoranza tal-ħin għad-diskors għandu jkun allokat lill-gruppi politiċi, f'konformità mal-Artikolu 162 mutatis mutandis. It-tmexxija tas-seduti ta' smigħ għandha ssir bl-għan li jkun żviluppat djalogu politiku pluralistiku bejn il-Kummissarji nnominati u l-Membri. Qabel tmiem is-seduta ta' smigħ, il-Kummissarji nnominati għandu jkollhom l-opportunità li jagħmlu stqarrija qasira tal-għeluq.

8.   Għandu jkun hemm trażmissjoni awdjoviżiva diretta tas-seduti ta' smigħ li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-midja mingħajr ħlas. Għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku reġistrazzjoni indiċizzata tas-seduti ta' smigħ fi żmien 24 siegħa.

Artikolu 4 : Evalwazzjoni

1.   Il-President u l-koordinaturi għandhom jiltaqgħu mingħajr dewmien wara s-seduta ta' smigħ biex jevalwaw kull wieħed mill-Kummissarji nnominati. Dawk il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq. Il-koordinaturi għandhom ikunu mistiedna biex jgħidu jekk, fil-fehma tagħom, il-Kummissarji nnominati humiex ikkwalifikati kemm biex ikunu membri tal-kulleġġ u biex iwettqu d-dmirijiet partikolari assenjati lilhom. Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati għandha tfassal mudell pro forma biex tassisti l-evalwazzjoni.

2.   Fil-każ ta' kumitati konġunti, il-president u l-koordinaturi tal-kumitati kkonċernati għandhom jaġixxu b'mod konġunt waqt il-proċedura kollha.

3.   Għandu jkun hemm ittra ta' evalwazzjoni waħda għal kull Kummissarju nnominat. L-opinjonijiet tal-kumitati kollha assoċjati mas-smigħ għandhom jiġu inklużi.

4.   Il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw għall-evalwazzjoni tal-koordinaturi:

(a)   Jekk il-koordinaturi japprovaw b'mod unanimu l-Kummissarju nnominat, il-president għandu jressaq ittra ta' approvazzjoni f'isimhom.

(b)   Jekk il-koordinaturi japprovaw b'mod unanimu l-Kummissarju nnominat, il-president għandu jressaq ittra ta' approvazzjoni f'isimhom.

(c)   Jekk il-koordinaturi li jirrappreżentaw maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat japprovaw il-Kummissarju nnominat, il-president għandu jressaq ittra f'isimhom li tiddikjara li maġġoranza kbira tapprova lill-Kummissarju nnominat. Il-fehmiet tal-minoranza għandhom jissemmew fuq talba.

(d)   Jekk il-koordinaturi ma jistgħux jilħqu maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat biex japprovaw il-kandidat, huma għandhom

-   l-ewwel jitolbu informazzjoni addizzjonali permezz ta' mistoqsijiet bil-miktub ulterjuri;
-   jekk il-koordinaturi xorta waħda jibqgħu mhux sodisfatti, għandhom jitolbu li terġa' ssir seduta ta' smigħ ta' siegħa u nofs oħra suġġett għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti;

(e)   Jekk, wara l-applikazzjoni tal-punt (d), il-koordinaturi li jirrappreżentaw maġġoranza ta' mill-inqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat japprovaw lill-Kummissarju nnominat, il-president għandu jressaq ittra f'isimhom li tiddikjara li maġġoranza kbira tapprova lill-Kummissarju nnominat. Il-fehmiet tal-minoranza għandhom jissemmew fuq talba.

(f)   Jekk, wara l-applikazzjoni tal-punt (d), ikun għad m'hemmx maġġoranza tal-koordinaturi li jirrappreżentaw tal-inqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat biex japprovaw lill-Kummissarju nnominat, il-president għandu jsejjaħ laqgħa u jressaq għall-votazzjoni ż-żewġ mistoqsijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-president għandu jressaq ittra li tiddikjara l-evalwazzjoni tal-kumitat.

5.   L-ittri ta' evalwazzjoni tal-kumitati għandhom jiġu trażmessi fi żmien 24 siegħa wara li jkun tlesta għalkollox il-proċess ta' evalwazzjoni. L-ittri għandhom jiġu eżaminati mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u sussegwentement mibgħuta lill-Konferenza tal-Presidenti. Ħlief jekk tiddeċiedi li tfittex tagħrif ulterjuri, il-Konferenza tal-Presidenti, wara skambju ta' fehmiet, għandha tiddikjara s-seduti ta' smigħ magħluqa u tawtorizza l-pubblikazzjoni tal-ittri ta' evalwazzjoni kollha.

Artikolu 5 : Preżentazzjoni tal-kulleġġ

1.   Il-President elett tal-Kummissjoni għandu jiġi mistieden jippreżenta l-Kulleġġ sħiħ tal-Kummissarji nnominati u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament li għaliha għandhom ikunu mistiedna jattendu l-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill. Wara l-preżentazzjoni għandu jsir dibattitu. Sabiex jingħalaq id-dibattitu, grupp politiku jew numru ta’ Membri li jilħqu l-limitu baxx jistgħu jressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni. Għandu japplika l-Artikolu 123(3) sa (8).

2.   Wara l-votazzjoni dwar il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, il-Parlament għandu jivvota dwar jekk jagħtix jew le l-approvazzjoni tiegħu għall-ħatra, bħala korp, tal-President elett u l-Kummissarji nnominati. Il-Parlament għandu jiddeċiedi b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, permezz ta' sejħa tal-ismijiet. Huwa jista' jiddifferixxi l-votazzjoni għas-seduta li jkun imiss.

Artikolu 6 : Monitoraġġ tal-impenji mogħtija waqt is-seduti ta' smigħ

L-impenji mogħtija u l-prijoritajiet imsemmija mill-Kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ għandhom jiġu rieżaminati, matul il-mandat kollu tiegħu, mill-kumitat responsabbli fil-kuntest tad-djalogu strutturat annwali mal-Kummissjoni li jsir skont il-paragrafu 1 tal-Anness 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

Parti II    – Bdil sostanzjali fil-portafoll jew bdil fil-kompożizzjoni tal-Kulleġġ tal- Kummissarji matul il-mandat tiegħu

Artikolu 7 : Post vakanti

Meta post vakanti maħluq minħabba riżenja, irtirar mandatorju jew mewt ikun irid jimtela, il-Parlament, malajr u b'mod effettiv, għandu jistieden lill-Kummissarju nnominat biex jieħu sehem f'seduta ta' smigħ bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-Parti I.

Artikolu 8 : Adeżjoni ta' Stat Membru ġdid

Fil-każ tal-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid, il-Parlament għandu jistieden lill-Kummissarju nnominat biex jieħu sehem f'seduta ta' smigħ bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-Parti I.

Artikolu 9 : Bdil Sostanzjali tal-portafolli

Fil-każ ta' bdil sostanzjali tal-portafolli matul il-mandat tal-Kummissjoni, il-Kummissarji milquta għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw f'seduta ta' smigħ taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-Parti I qabel ma jieħdu r-responsabilitajiet il-ġodda tagħhom.

Artikolu 10 : Votazzjoni fil-plenarja

B'deroga mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 118(7), meta l-votazzjoni fil-plenarja tikkonċerna l-ħatra ta' Kummissarju wieħed, il-vot għandu jkun sigriet.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Mejju 2019Avviż legali