Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1 : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 3 : Verifika ta' kredenzjali

1.   Wara l-elezzjonijiet ġenerali għall-Parlament Ewropew, il-President għandu jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jgħaddu lill-Parlament mingħajr dewmien l-ismijiet tal-Membri eletti sabiex il-Membri kollha jkunu jistgħu jieħdu s-siġġijiet tagħhom fil-Parlament b'effett mill-ftuħ tal-ewwel seduta wara l-elezzjonijiet.

Fl-istess ħin, il-President għandu jiġbed l-attenzjoni ta' dawk l-awtoritajiet għad-dispożizzjoniiet rilevanti tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 u jistedinhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw kull inkompatibbiltà mal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew.

2.   Kull Membru li l-elezzjoni tiegħu jiġi mgħarraf biha l-Parlament għandu jagħmel dikjarazzjoni bil-miktub, qabel jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament, li huwa ma għandu ebda kariga inkompatibbli mal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 7(1) u (2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976. Wara l-elezzjonijiet ġenerali, din id-dikjarazzjoni għandha ssir, fejn hu possibbli, mhux aktar tard minn sitt ijiem qabel is-seduta kostituttiva tal-Parlament wara l-elezzjonijiet. Sakemm il-kredenzjali ta' Membru jkunu ġew ivverifikati jew tkun ingħatat deċiżjoni fuq kwalunkwe tilwima u kemm-il darba jkun iffirma minn qabel id-dikjarazzjoni bil-miktub imsemmija aktar 'l fuq, il-Membru għandu jieħu s-siġġu tiegħu fil-Parlament u fil-korpi tiegħu u għandu jgawdi mid-drittijiet kollha marbuta ma' dak is-siġġu.

Fejn ikun stabbilit minn fatti vverifikati minn sorsi disponibbli għall-pubbliku li Membru jkollu kariga inkompatibbli mal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976, il-Parlament, abbażi ta' tagħrif provdut mill-President tiegħu, għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta' post vakanti.

3.   Abbażi ta' rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika l-kredenzjali mingħajr dewmien u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta' kull wieħed mill-Membri tiegħu li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar kwalunkwe kontestazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976, għajr dawk li, skont dak l-Att, jaqgħu esklużivament taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom jirreferi dak l-Att.

Ir-rapport tal-kumitat għandu jkun ibbażat fuq in-notifika uffiċjali tar-riżultati sħaħ tal-elezzjoni min-naħa ta' kull Stat Membru. Fin-notifika għandhom ikunu speċifikati l-ismijiet tal-kandidati eletti u l-ismijiet ta' kwalunkwe sostituti flimkien mal-ordni tagħhom skont ir-riżultat tal-votazzjoni.

Il-validità tal-mandat ta' Membru ma tistax tiġi kkonfermata jekk ma jkunux saru d-dikjarazzjonijiet bil-miktub rikjesti taħt dan l-Artikolu u l-Anness I ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

4.   Abbażi ta' proposta tal-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu, mingħajr dewmien, jivverifika l-kredenzjali tal-Membri individwali li jkunu qed jieħdu post Membri li jkunu temmew il-mandat tagħhom u jista' f'kull ħin jieħu deċiżjoni dwar xi kontestazzjoni tal-validità tal-mandat ta' kwalunkwe wieħed mill-Membri tiegħu.

5.   Meta l-ħatra ta' Membru sseħħ minħabba l-irtirar ta' kandidati mill-istess lista, il-kumitat responsabbli għandu jiżgura li l-irtirar ikkonċernat ikun sar skont l-ispirtu u l-kelma tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 u tal-Artikolu 4(2) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

6.   Il-kumitat responsabbli għandu jiżgura li kull informazzjoni li tista' taffettwa l-eliġibbiltà ta' xi Membru jew l-eliġibbiltà jew l-ordni tas-sostituti tintbagħat minnufih lill-Parlament mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew tal-Unjoni, b'indikazzjoni, fil-każ ta’ ħatra, tad-data tad-dħul fi-seħħ.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista' twassal għall-iskwalifika ta' Membru milli jieħu l-mandat, il-President għandu jitlobhom biex iżommuh infurmat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura. Huwa għandu jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat responsabbli. Fuq proposta ta' dak il-kumitat, il-Parlament jista' jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali