Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU I : MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 1 : MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 5 : Privileġġi u immunitajiet

1.   Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

2.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha toħroġ laissez-passer tal-Unjoni Ewropea lil Membru, fuq talba tiegħu u b’kundizzjoni li l-President tal-Parlament jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu,  li jippermetti lill-Membru jiċċirkola bla xkiel fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra li jirrikonoxxu dan il-laissez-passer bħala dokument tal-ivjaġġar validu.

4.   Għall-fini tal-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom, il-Membri kollha għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tal-Parlament skont id-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

5.   Il-Membri għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw il-fajls miżmuma mill-Parlament jew minn xi kumitat, ħlief fajls personali u ta' kontabbiltà li l-Membri konċernati biss jingħatalhom il-permess li jispezzjonawhom. Eċċezzjonijiet għal din ir-regola, rigward l-immaniġġjar ta' dokumenti li l-aċċess għalihom jista' jiġi miċħud, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandhom jitniżżlu fl-Artikolu 221 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

Bl-approvazzjoni tal-Bureau, Membru jista', abbażi ta' deċiżjoni motivata, jiġi mċaħħad mid-dritt li jispezzjona dokument Parlamentari jekk, wara li jkun instema' l-Membru kkonċernat, il-Bureau jasal għall-konklużjoni li tali spezzjoni tista' toħloq ħsara mhux aċċettabbli għall-interessi istituzzjonali tal-Parlament jew għall-interess pubbliku, u li l-Membru kkonċernat ikun qed ifittex li jispezzjona d-dokument għal raġunijiet privati u personali. Il-Membru jista' jressaq appell bil-miktub kontra tali deċiżjoni fi żmien xahar minn meta tiġi notifikata. Biex ikunu ammissibbli, l-appelli bil-miktub iridu jinkludi r-raġunijiet. Il-Parlament għandu jasal għal deċiżjoni dwar l-appell mingħajr dibattitu waqt is-sessjoni parzjali li tiġi wara t-tressiq tiegħu.

L-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali hija suġġetta għar-regoli stipulati fil- ftehimiet interistituzzjonali konklużi mill-Parlament rigward it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali (2) u għar-regoli interni għall-implimentazzjoni tagħhom adottati mill-korpi kompetenti tal-Parlament (3).

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokument tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(2) Ftehim Interistituzzjonali ta' l-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1). Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47). Ftehim Interistituzzjonali tat-12 ta' Marzu 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasmissjoni lil u t-trattament mill-Parlament Ewropew ta' informazzjoni klassifikata miżmuma mill-Kunsill dwar kwistjonijiet apparti dawk fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (ĠU C 95, 1.4.2014, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni ta' Ftehim Interistituzzjonali li tirregola l-aċċess tal-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u d-difiża (ĠU C 298, 30.11.2002, p. 4). Deċiżjoni tal-Bureau tal-15 ta' April 2013 rigward it-trattament ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Parlament Ewropew (ĠU C 96, 1.4.2014, p. 1).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali