Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 9 : PROĊEDURI OĦRA

Artikolu 110 : Riformulazzjoni

1.   Meta proposta għar-riformulazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiġi riferuta lill-Parlament, hija għandha tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali u l-kumitat responsabbli għas-suġġett.

2.   Il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali għandu jeżaminaha skont l-arranġamenti milħuqa fuq livell interistituzzjonali (1) sabiex jkun żgurat li l-proposta ma tinvolvix tibdiliet sostanzjali minbarra dawk identifikati bħala tali fil-proposta.

Għall-iskop ta' dan l-eżami, l-emendi għat-test tal-proposta m'għandhomx ikunu ammissibbli. Madankollu, l-Artikolu 109(3), it-tieni subparagrafu għandu japplika għad-dispożizzjonjiet li ma nbidlux fil-proposta għal riformulazzjoni.

3.   Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli għas-suġġett b'dan.

F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 180 u 181, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli fi ħdan il-kumitat responsabbli għas-suġġett biss jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet.

Madankollu, emendi ta' partijiet tal-proposta li ma nbidlux jistgħu jiġu aċċettati, fuq bażi eċċezzjonali u fuq bażi ta' każ b'każ, mill-president tal-kumitat responsabbli għas-suġġett inkwistjoni, jekk iqis/tqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet imperattivi li għandhom x'jaqsmu mal-koerenza interna tat-test jew għaliex l-emendi huma marbuta mill-qrib ma' emendi oħra li jkunu ammissibbli. Dawn ir-raġunijiet irid jitniżżlu f'ġustifikazzjoni bil-miktub tal-emendi.

4.   Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta tinkludi bidliet sostanzjali oħra minbarra dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jipproponi li l-Parlament jiċħad il-proposta u għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli għas-suġġett b'dan.

F'dan il-każ, il-President għandu jitlob lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħha. Jekk il-Kummissjoni tagħmel dan, il-President għandu jiddikjara li l-proċedura fil-Parlament hija superfluwa u għandu jgħarraf lill-Kunsill b’dan. Jekk il-Kummissjoni ma tirtirax il-proposta tagħha, il-Parlament għandu jerġa' jirriferiha lill-kumitat responsabbli għas-suġġett, sabiex jeżaminaha skont il-proċedura normali.

(1) Ftehim interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali, punt 9 (ĠU C 77, 28.3.2002, p.1).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali