Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU II : PROĊEDURI LEĠIŻLATTIVI, TAL-BAĠIT, TAL-KWITTANZA U OĦRAJN
KAPITOLU 10 : ATTI DELEGATI U TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 112 : Atti u miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Meta l-Kummissjoni tgħaddi abbozz ta' att jew miżura ta' implimentazzjoni lill-Parlament, il-President għandu jirriferih lill-kumitat responsabbli għall-att leġiżlattiv ta' bażi, liema kumitat jista' jiddeċiedi li jinnomina wieħed mill-membri tiegħu għall-eżami ta' abbozz wieħed jew iżjed ta' atti jew miżuri ta' implimentazzjoni.

2.   Il-kumitat responsabbli jista' jressaq mozzjoni għal riżoluzzjoni motivata lill-Parlament li tindika li abbozz ta' att jew ta' miżura ta' implimentazzjoni jaqbeż is-setgħat ta' implimentazzjoni stipulati fl-att leġiżlattiv ta' bażi jew mhux konformi mal-liġi tal-Unjoni għal raġunijiet oħra.

3.   Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni tista' tinkludi talba lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz ta' att jew miżura ta' implimentazzjoni, biex temendah filwaqt li jitqiesu l-oġġezzjonijiet formulati mill-Parlament jew biex titressaq proposta leġiżlattiva ġdida. Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill u l-Kummissjoni bil-pożizzjoni li tittieħed.

4.   Jekk l-atti ta' implimentazzjoni previsti mill-Kummissjoni jaqgħu taħt il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (1), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet kumplimentari li ġejjin:

(a)   iż-żmien tal-iskrutinju għandu jibda jgħodd meta l-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni jkun tressaq lill-Parlament bil-lingwi uffiċjali kollha. Fejn japplikaw limiti ta' żmien ta' skrutinju applikati kif previst fl-Artikolu 5a(5)(b) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE u f'każijiet ta' urġenza stipulati fl-Artikolu 5a(6) ta’ dik id-Deċiżjoni, il-perjodu taż-żmien għall-iskrutinju għandu jibda jgħodd mid-data meta l-Parlament jirċievi l-abbozz aħħari tal-miżuri ta' implimentazzjoni fil-verżjonijiet lingwistiċi ppreżentati lill-membri tal-kumitat stabbilit skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ħlief jekk ikun hemm oġġezzjoni mill-president tal-kumitat responsabbli. L-Artikolu 167 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura m'għandux japplika fiż-żewġ każijiet imsemmija fis-sentenza preċedenti;

(b)   jekk l-abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni jkun ibbażat fuq il-paragrafu 5 jew 6 tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, li jistipula limiti ta' żmien imqassra għal oppożizzjoni mill-Parlament, tista' titqiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' miżura mill-president tal-kumitat responsabbli jekk dak il-kumitat ma jkunx seta' jiltaqa' fiż-żmien disponibbli;

(c)   il-Parlament, billi jaġixxi b'maġġoranza tal-Membri li jagħmlu parti minnu, jista' jadotta riżoluzzjoni li topponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' miżura ta' implimentazzjoni u li tindika li l-abbozz jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija fl-att ta' bażi, li mhux kompatibbli mal-għan jew il-kontenut tal-att ta' bażi jew li ma jirrispettax il-prinċipji tas-sussidjarjetà jew proporzjonalità;

   Jekk, għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tas-sessjoni parzjali li matulha l-jum tal-Erbgħa jaħbat qabel u l-eqreb għall-jum tal-iskadenza għall-oppożizzjoni taladozzjoni tal-abbozz tal-miżura ta' implimentazzjoni, il-kumitat responsabbli ma jkunx qiegħed fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar il-kwistjoni biex tiddaħħal fl-aġenda tas-sessjoni parzjali hawn fuq imsemmija.

(d)   fil-każ li l-kumitat responsabbli, jirrakkomanda permezz ta' ittra motivata lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati li l-Parlament jiddikjara li ma jopponix il-miżura proposta, qabel l-iskadenza tal-limitu taż-żmien normali stipulat fl-Artikolu 5a(3)(c) u/jew l-Artikolu 5a(4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 111(6) ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. (2)

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).
(2) L-Artikolu 112(4) għandu jitħassar mir-Regoli tal-Proċedura hekk kif il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun tneħħiet kompletament mill-leġiżlazzjoni eżistenti.
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali