Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 1 : ĦATRIET

Artikolu 125 : Elezzjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-President għandu jistieden lill-President elett tal-Kummissjoni biex jgħarraf lill-Parlament dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet (portafolli) fil-Kulleġġ tal-Kummissarji propost f'konformità mal-linji gwida politiċi tal-President elett.

2.   Wara li jkun ikkonsulta mal-President elett tal-Kummissjoni, il-President għandu jitlob lill-persuni nominati għall-karigi differenti bħala Kummissarji mill-President elett tal-Kummissjoni u mill-Kunsill sabiex jidhru quddiem il-kumitati jew korpi parlamentari rispettivi skont l-oqsma li għalihom ġew nominati.

3.   Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu mmexxija mill-kumitati.B'mod eċċezzjonali, seduta ta' smigħ tista' ssir f'format differenti meta Kummissarju nnominat ikollu responsabbiltajiet li huma primarjament orizzontali, sakemm tali seduta ta' smigħ tinvolvi l-kumitati responsabbli.

Is-seduti ta' smigħ għandhom isiru fil-pubbliku

4.   Il-kumitat jew kumitati kompetenti għandhom jistiednu lill-Kummissarju nnominat biex jagħmel stqarrija u biex iwieġeb għall-mistoqsijiet. Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu organizzati b'tali mod li jippermetti li l-Kummissarji nnominati jagħtu lill-Parlament t-tagħrif kollu rilevanti. Id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta’ tali seduti ta' smigħ għandhom ikunu stipulati f'anness għal dawn ir-Regoli ta' Proċedura (1).

5.   Il-President elett għandu jiġi mistieden jippreżenta l-kulleġġ tal-Kummissarji u l-programm tagħhom f'seduta tal-Parlament. Il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kunsill għandhom ikunu mistiedna jattendu. L-istqarrija għandha tkun segwita minn dibattitu.

6.   Sabiex jingħalaq id-dibattitu, grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni. Għandu japplika l-Artikolu 132(3) sa (8).

7.   Wara l-votazzjoni fuq il-mozzjoni għal riżoluzzjoni, il-Parlament għandu jeleġġi jew jiċħad il-Kummissjoni b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, b'sejħa tal-ismijiet. Il-Parlament jista' jipposponi l-votazzjoni għas-seduta ta' wara.

8.   Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill bl-elezzjoni jew biċ-ċaħda tal-Kummissjoni.

9.   F'każ ta' bdil sostanzjali fil-portafolli jew bidla fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-mandat tal-Kummissjoni, il-Kummissarji kkonċernati jew kwalunkwe Kummissarju nnominat ieħor għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fi smigħ li jsir f'konformità mal-paragrafi 3 u 4.

10.   Fil-każ ta' bidla fil-portafoll tal-Kummissarju jew fl-interessi finanzjarji ta' Kummissarju matul il-mandat tiegħu jew tagħha, din is-sitwazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-Parlament skont l-Anness VII.

Jekk jiġi identifikat kunflitt ta' interessi matul il-mandat ta' Kummissarju, u l-President tal-Kummissjoni jonqos milli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-kunflitt ta' interessi, il-Parlament jista' jitlob lill-President tal-Kummissjoni biex ma jibqax jagħti fiduċja lill-Kummissarju msemmi, skont il-paragrafu 5 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u, fejn xieraq, jieħu azzjoni bl-għan li jċaħħad lill-Kummissarju msemmi mid-dritt tiegħu għal pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflok pensjoni f'konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 245 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(1) Ara l-Anness VII.
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali