Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU V : RELAZZJONIJIET MA’ ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRA
KAPITOLU 1 : ĦATRIET

Artikolu 131 : Ħatriet f'korpi ta' governanza ekonomika

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-ħatra ta':

-   il-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku;

-   il-President, il-Viċi President u l-Membri full-time tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni;

-   il-Presidenti u d-Diretturi Eżekuttivi tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); u

-   id-Direttur Maniġerjali u l-Viċi Direttur Maniġerjali tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.

2.   Kull kandidat għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat responsabbli u jwieġeb mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

3.   Il-kumitat responsabbli għandu jagħmel rakkomandazzjoni lill-Parlament dwar kull ħatra proposta.

4.   Il-vot għandu jittieħed fi żmien xahrejn minn meta tasal il-proposta għall-ħatra ħlief jekk il-Parlament, fuq talba tal-kumitat responsabbli, ta' grupp politiku jew ta' għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx, jiddeċiedi mod ieħor. Il-Parlament għandu jivvota b'mod sigriet separatament għal kull ħatra.

5.   Jekk id-deċiżjoni adottata mill-Parlament dwar proposta għal ħatra tkun negattiva, il-President għandu jitlob l-irtirar tagħha u l-preżentazzjoni ta' proposta ġdida lill-Parlament.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali