Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 5 : KWORUM, EMENDI U VOTAZZJONI

Artikolu 180 : Tqegħid ta' emendi fuq il-Mejda u l-preżentazzjoni tagħhom (1)

1.   Emendi biex jiġu eżaminati fil-Parlament jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda mill-kumitat responsabbli, minn grupp politiku jew minn għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx. L-ismijiet tal-kofirmatarji kollha għandhom jiġu ppubblikati.

Emendi għandhom jitqiegħdu fuq il-Mejda bil-miktub u għandhom ikunu ffirmati mill-awturi.

Emendi għal proposti għal atti legalment vinkolanti jista' jkollhom magħhom ġustifikazzjoni qasira. Tali ġustifikazzjonijiet għandhom ikunu r-responsabbiltà tal-awtur tagħhom u m'għandux jittieħed vot fuqhom.

2.   Suġġett għal-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 181, emenda jista' jkollha l-għan li tbiddel kwalunkwe parti ta’ test. Hija jista’ jkollha l-għan li tħassar, iżżid jew tissostitwixxi kliem jew numri.

F'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 181 il-kelma "test" tfisser it-test sħiħ ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni jew ta' abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva, ta' proposta għal deċiżjoni jew ta' proposta għal att legalment vinkolanti.

3.   Il-President għandu jistabbilixxi skadenza biex l-emendi jitqiegħdu fuq il-Mejda.

4.   Emenda tista' tiġi ppreżentata waqt id-dibattitu mill-awtur tagħha jew minn kwalunkwe Membru ieħor maħtur mill-awtur sabiex jissostitwih.

5.   Meta emenda tiġi rtirata mill-awtur tagħha, din għandha taqa' jekk ma titteħiedx minnufih minn xi Membru ieħor.

6.   L-emendi għandu jittieħed vot fuqhom biss wara li jkunu saru disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha, ħlief jekk il-Parlament jiddeċiedi mod ieħor. Il-Parlament ma jistax jiddeċiedi mod ieħor jekk joġġezzjonaw mhux anqas minn 40 Membru. Il-Parlament għandu jevita li jieħu deċiżjonijiet li jwasslu sabiex Membri li jużaw lingwa partikolari jkunu żvantaġġjati b'mod inaċċettabbli.

Meta jkun hemm anqas minn mitt Membru preżenti, il-Parlament ma jistax jiddeċiedi mod ieħor jekk mhux anqas minn wieħed minn kull għaxar Membri preżenti joġġezzjonaw.

Fuq proposta tal-President, emenda orali jew kwalunkwe modifika orali oħra għandha tiġi trattata bħal emenda mhux disponibbli fil-lingwi kollha uffiċjali. Jekk il-President jidhirlu li tali emenda jew modifika hija ammissibbli abbażi tal-Artikolu 181(2), sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni espressa skont l-Artikolu 180(6), għandu jittieħed vot fuqha skont l-ordni stabbilita għall-vot.

Fil-kumitat, in-numru ta' voti meħtieġ biex jiġi oppost it-teħid ta' vot fuq tali emenda jew modifika, huwa stabbilit abbażi tal-Artikolu 219 proporzjonalment għal dak li jipprevali fil-plenarja, aġġustat, jekk ikun il-każ, għall-eqreb numru sħiħ.

(1) L-Artikolu 180 japplika mutatis mutandis għall-kumitati (ara l-Artikolu 219).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali