Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 5 : KWORUM, EMENDI U VOTAZZJONI

Artikolu 181 : Ammissibilità ta' emendi (1)

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati fl-Artikolu 54(4) dwar rapporti ta' inizjattiva proprja u l-Artikolu 68(2) dwar emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, l-ebda emenda m'għandha tkun ammissibbli jekk:

(a)   ma jkollhiex x'taqsam direttament mat-test li tkun temenda;

(b)   tkun tħassar jew tissostitwixxi t-test sħiħ;

(c)   tkun temenda iżjed minn wieħed mill-artikoli jew paragrafi individwali tat-test li għalih tirreferi bl-eċċezzjoni ta’ emendi ta' kompromess u ta’ emendi li jfittxu li jagħmlu tibdil identiku f'xi espressjonijiet partikolari fit-test kollu;

(d)   hija maħsuba biex temenda proposta għall-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni; madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 109(3) għandu japplika mutatis mutandis;

(e)   hija intiża li temenda dawk il-partijiet ta' proposta li jinvolvu r-riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li jibqgħu l-istess f'tali proposta; madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 110(2) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 110(3) għandhom japplikaw mutatis mutandis;

(f)   hija intiża biss li tiżgura l-korrettezza lingwistika jew tindirizza l-konsistenza terminoloġika tat-test fil-lingwa li fiha l-emenda titqiegħed fuq il-Mejda; f'dan il-każ, il-President għandu, flimkien ma' min hu kkonċernat, ifittex li jsib rimedju lingwistiku xieraq.

2.   Il-President għandu jiddeċiedi jekk emendi humiex ammissibbli jew le.

Id-deċiżjoni tal-President skont il-paragrafu 2 dwar l-ammissibbiltà ta' emendi ma tkunx ibbażata esklużivament fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, imma fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta' Proċedura b'mod ġenerali.

3.   Grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx jistgħu jqiegħdu fuq il-Mejda mozzjoni għal riżoluzzjoni alternattiva li tfittex li tissostitwixxi mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva li tkun f'xi rapport ta' xi kumitat.

F'każ bħal dan, il-grupp jew il-Membri kkonċernati ma jistgħux iqiegħdu fuq il-Mejda emendi għall-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-kumitat responsabbli. Il-mozzjoni għal riżoluzzjoni alternattiva ma tistax tkun itwal mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-kumitat. Fuq din għandha tittieħed votazzjoni waħdanija fil-Parlament mingħajr emendi.

L-Artikolu 132(4) u (5) li jikkonċerna mozzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet konġunti għandu japplika mutatis mutandis.

4.   Bi ftehim mal-President, emendi jistgħu eċċezzjonalment jitqiegħdu fuq il-Mejda wara l-iskadenza għall-emendi jekk ikunu emendi ta' kompromess, jew jekk ikun hemm problemi tekniċi. Il-President għandu jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta' tali emendi. Il-President għandu jkollu l-approvazzjoni tal-Parlament sabiex jagħmel hekk qabel ma jqiegħed tali emendi għall-vot.

Il-kriterji ġenerali għall-ammissibbiltà tal-emendi ta' kompromess li ġejjin jistgħu jiġu applikati:

-   bħala regola ġenerali, l-emendi ta' kompromess jirrelataw ma partijiet mit-test li kienu s-suġġett ta' emendi qabel l-iskadenza sabiex l-emendi jitqiegħdu fuq il-Mejda;

-   bħala regola ġenerali, l-emendi ta' kompromess jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda minn gruppi politiċi li jirrappreżentaw maġġoranza fil-Parlament, mill-presidenti jew mir-rapporteurs f'isem il-kumitati kkonċernati jew l-awturi ta' emendi oħra;

-   bħala regola ġenerali, emendi ta' kompromess għandhom jirriżultaw fl-irtirar ta' emendi oħra għall-istess parti tat-test.

Il-President biss jista' jipproponi li emenda ta' kompromess tiġi kkunsidrata. Sabiex emenda ta' kompromess jittieħed vot fuqha, il-President jeħtieġlu jkollu l-approvazzjoni tal-Parlament billi jistaqsi jekk hemmx oġġezzjonijiet għal dik il-votazzjoni. Jekk ikun hemm oġġezzjoni, il-Parlament għandu jiddeċiedi fuq il-kwistjoni b'maġġoranza tal-voti mitfugħa.

(1) L-Artikolu 181 japplika mutatis mutandis għall-kumitati (ara l-Artikolu 219).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali