Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 5 : KWORUM, EMENDI U VOTAZZJONI

Artikolu 183 : Ordni tal-votazzjoni fuq emendi (1)

1.   L-emendi għandhom jieħdu prijorità fuq it-test li miegħu jkollhom x'jaqsmu u għandu jittieħed vot fuqhom qabel it-test.

2.   Jekk jitqiegħdu fuq il-Mejda żewġ emendi jew iżjed għall-istess parti ta' xi test li jkunu jeskludu lil xulxin, l-emenda li l-aktar titbiegħed mit-test oriġinali għandha tieħu l-prijorità u għandu jittieħed vot fuqha l-ewwel. Jekk tkun adottata, l-emendi l-oħra għandhom jitqiesu bħala miċħuda; jekk tkun miċħuda, għandu jittieħed vot fuq l-emenda li jkun imiss fil-prijorità, u imbagħad din il-proċedura tiġi ripetuta għal kull waħda mill-emendi li jkun fadal. Fejn ikun hemm dubju dwar il-prijorità, il-President għandu jiddeċiedi. Jekk l-emendi kollha jiġu miċħuda, it-test oriġinali għandu jitqies bħala adottat ħlief jekk tkun intalbet votazzjoni separata fl-iskadenza speċifikata.

3.   Madankollu, meta l-President iqis li dan jiffaċilita l-votazzjoni, hu jista' jqiegħed it-test oriġinali għall-vot l-ewwel, jew iqiegħed għall-vot, qabel l-emenda li l-aktar titbiegħed mit-test oriġinali, emenda li hija eqreb lejn it-test oriġinali.

Jekk xi waħda minn dawn iġib maġġoranza, l-emendi l-oħra kollha li jkunu tqiegħdu fuq il-Mejda għall-istess parti mit-test għandhom jaqgħu.

4.   Meta jittieħed vot fuq emendi ta' kompromess, dawn għandhom jingħataw prijorità fil-votazzjoni.

5.   Il-votazzjoni maqsuma mhijiex ammissibbli f'każ li jittieħed vot fuq emenda ta' kompromess.

6.   Meta l-kumitat responsabbli jkun qiegħed fuq il-Mejda sett ta' emendi għat-test li jkun is-suġġett tar-rapport, il-President għandu jqegħedhom għall-votazzjoni kollettiva, ħlief jekk fuq punti partikolari xi grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx ikunu talbu votazzjonijiet separati jew maqsuma jew ħlief fil-każ li jkunu tqiegħdu emendi oħra fuq il-Mejda li joħolqu kunflitt.

7.   Il-President jista' jqiegħed emendi oħra għall-vot b'mod kollettiv meta dawn l-emendi jkunu kumplimentari, sakemm grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx ma jkunux talbu votazzjonijiet separati jew maqsuma. L-awturi ta' emendi jistgħu jipproponu wkoll votazzjonijiet kollettivi fuq l-emendi tagħhom.

8.   Il-President jista' jiddeċiedi, wara l-adozzjoni jew iċ-ċaħda ta' xi emenda partikulari, li bosta emendi oħra li jkollhom kontenut simili jew li jkollhom l-istess għanijiet għandu jittieħed vot fuqhom b'mod kollettiv. Il-President jista' jitlob l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma jagħmel dan.

Sett ta' emendi ta' dan it-tip jista' jkun jirreferi għal partijiet differenti tat-test oriġinali.

9.   Meta żewġ emendi identiċi jew iżjed jitqiegħdu fuq il-Mejda minn awturi differenti, dawn għandu jittieħed vot fuqhom bħala emenda waħda.

10.   Emendi li għalihom tintalab votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet għandhom jiġu soġġetti għal votazzjoni separata minn emendi oħra.

(1) L-Artikolu 174 japplika mutatis mutandis għall-kumitati (ara l-Artikolu 209).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali