Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VII : SESSJONIJIET
KAPITOLU 5 : KWORUM, EMENDI U VOTAZZJONI

Artikolu 190 : Votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet (1)

1.   Barra mill-każi msemmijin f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura, il-votazzjoni għandha ssir b'sejħa tal-ismijiet jekk issir talba bil-miktub għal dan minn xi grupp politiku jew għadd ta' Membri li jilħqu tal-anqas il-limitu baxx u mhux aktar tard minn filgħaxija tal-ġurnata ta' qabel il-votazzjoni, ħlief fil-każ li l-President jistabbilixxi skadenza differenti.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 190 fuq votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet ma japplikawx għar-rapporti previsti fl-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 9(4), (7) u (9) fil-kuntest ta' proċeduri relatati mal-immunità ta' Membru.

2.   L-ebda grupp politiku ma jista' jqiegħed fuq il-Mejda aktar minn mitt talba għal votazzjonijiet b'sejħa tal-ismijiet għal kull sessjoni parzjali.

3.   Il-votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet għandha ssir permezz tas-sistema ta' votazzjoni elettronika.

Meta din ma tkunx tista' tintuża għal raġunijiet tekniċi, l-ismijiet jistgħu jissejħu f'ordni alfabetiku, u jibdew bl-isem ta' Membru li jittella' bil-polza. Il-President għandu jkun l-aħħar wieħed li jissejjaħ biex jivvota. Il-votazzjoni għandha ssir bil-fomm u għandha tiġi espressa permezz tal-kliem "Iva", "Le", jew "Nastjeni".

4.   Ir-riżultat tal-votazzjoni għandu jitniżżel fil-minuti tas-seduta skont il-grupp politiku fl-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-Membri, b'indikazzjoni ta' kif ivvutaw.

(1) L-Artikolu 190(3) u (4) japplika mutatis mutandis għall-kumitati (ara l-Artikolu 219).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali