Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU VIII : KUMITATI U DELEGAZZJONIJIET
KAPITOLU 1 : KUMITATI

Artikolu 208 : Kumitati ta' inkjesta

1.   Skont l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1), il-Parlament jista', fuq talba ta' kwart tal-Membri tiegħu, iwaqqaf kumitat ta' inkjesta biex jinvestiga allegazzjoni ta' ksur jew amministrazzjoni ħazina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni li jkunu jidhru li jkunu atti ta' xi istituzzjoni jew korp tal-Komunitajiet Ewropej, ta' xi korp ta' amministrazzjoni pubblika ta' xi Stat Membru, jew ta' persuni li għandhom setgħa mogħtija mil-liġi tal-Unjoni sabiex jimplimentaw dik il-liġi.

Is-suġġett tal-inkjesta, kif definit minn kwart tal-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament, u l-perjodu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 11 m'għandhomx ikunu jistgħu jiġu emendati.

2.   Id-deċiżjoni li jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta għandha tkun ippubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahar minn meta tittieħed.

3.   Il-modus operandi ta' kumitat ta' inkjesta għandu jkun regolat mid-dispożizzjonijiet ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura dwar il-kumitati, ħlief jekk ikun stipulat speċifikament mod ieħor f'dan l-Artikolu u fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA.

4.   It-talba sabiex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta trid tispeċifika b'mod preċiż is-suġġett tal-inkjesta u tinkludi stqarrija dettaljata tar-raġunijiet għala qed issir. Il-Parlament, fuq proposta mill-Konferenza tal-Presidenti, għandu jiddeċiedi jekk għandux jitwaqqaf kumitat u, jekk jiddeċiedi li dan għandu jitwaqqaf, għandu jiddeċiedi dwar is-saħħa numerika tiegħu.

5.   Il-kumitati ta' inkjesta ma jistgħux jagħtu opinjonijiet lil kumitati oħra.

6.   Fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti tiegħu, huma biss il-membri sħaħ jew, fl-assenza tagħhom, is-sostituti li jkollhom id-dritt jivvutaw f'kumitat ta' inkjesta.

7.   Kumitat ta' inkjesta għandu jeleġġi l-president u l-viċi presidenti tiegħu u jaħtar rapporteur wieħed jew iżjed. Il-kumitat jista' wkoll jassenja responsabbiltajiet, dmirijiet u doveri speċifiċi lill-Membri tiegħu li mbagħad ikunu jridu jibdew jagħtu rapporti dettaljati lill-kumitat.

8.   Fl-intervall bejn laqgħa u oħra, il-koordinaturi tal-kumitat għandhom, f'każi ta' urġenza jew ħtieġa, jeżerċitaw is-setgħat tal-kumitat, azzjoni li tkun suġġetta għar-ratifika tal-kumitat fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu.

9.   Fir-rigward tal-lingwi użati, kumitat ta' inkjesta għandu japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 167. Madankollu, il-bureau tal-kumitat:

-   jista' jillimita l-interpretazzjoni għal-lingwi uffiċjali tal-membri tal-kumitat li għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet, jekk iqis li dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità,

-   għandu jiddeċiedi dwar it-traduzzjoni ta' dokumenti li jkun irċieva, b'mod li jiżgura li l-kumitat ikun jista' jwettaq id-deliberazzjonijiet tiegħu b'mod effiċjenti u malajr, kif ukoll jiżgura li s-segretezza u l-kunfidenzjalità rikjesti jkunu rispettati.

10.   Meta l-allegati ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni jissuġġerixxu li korp jew awtorità ta' Stat Membru jistgħu jkunu responsabbli, il-kumitat ta' inkjesta jista' jitlob lill-parlament tal-Istat Membru kkonċernat jikkoopera fl-investigazzjoni.

11.   Kumitat ta' inkjesta għandu jtemm xogħlu bil-preżentazzjoni lill-Parlament ta' rapport dwar ir-riżultati tax-xogħol tiegħu fi żmien ta' mhux aktar minn tnax-il xahar mil-laqgħa kostitwenti tiegħu. Il-Parlament jista' jiddeċiedi, għal darbtejn, li jestendi dan il-perjodu bi tliet xhur kull darba. Jekk ikun xieraq, ir-rapport jista' jkun fih pożizzjonijiet tal-minoranza skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 55. Ir-rapport għandu jkun ippubblikat.

Fuq talba tal-kumitat ta' inkjesta l-Parlament għandu jagħmel dibattitu dwar ir-rapport fis-sessjoni parzjali li jkun imiss wara li jiġi ppreżentat.

12.   Il-kumitat jista' wkoll jippreżenta lill-Parlament abbozz ta' rakkomandazzjoni indirizzat lil istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea jew lill-Istati Membri.

13.   Il-President għandu jagħti struzzjonijiet lill-kumitat responsabbli skont l-Anness VI sabiex jissorvelja l-azzjonijiet li ttieħdu bħala riżultat tax-xogħol tal-kumitat ta' inkjesta u, jekk ikun il-każ, sabiex jirraporta dwar dan. Il-President għandu jieħu kwalunkwe pass ieħor li jidhirlu xieraq sabiex jiżgura li l-konklużjonijiet tal-inkjesta jitpoġġew fil-prattika.

(1) Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1).
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali