Preċedenti 
 Li jmiss 
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Id-disà leġislatura - Lulju 2019
EPUB 148kPDF 1205k
KONTENUT
NOTA LILL-QARREJ
KOMPENDJU TAL-ATTI LEGALI EWLENIN RELATATI MARREGOLI TA' PROĊEDURA

TITOLU XII : SETGĦAT U RESPONSABBILTAJIET LI JIKKONĊERNAW IL-PARTITI POLITIĊI EWROPEJ U L-FONDAZZJONIJIET POLITIĊI EWROPEJ

Artikolu 235 : Setgħat u responsabbiltajiet li jikkonċernaw il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1)

1.   Meta, skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-Parlament jiddeċiedi li jirriserva għalih innifsu d-dritt li jawtorizza n-nefqa, huwa għandu jaġixxi permezz tal-Bureau tiegħu.

Fuq din il-bażi, il-Bureau għandu jkun kompetenti biex jadotta deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18, 24, 27(3) u 30 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Id-deċiżjonijiet individwali adottati mill-Bureau abbażi ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu ffirmati mill-President f'ismu u għandhom jiġu nnotifikati lill-applikant jew lill-benefiċjarju skont l-Artikolu 297 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjonijiet individwali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 ta' dak it-Trattat.

Il-Bureau jista', fi kwalunkwe ħin, jikkonsulta l-Konferenza tal-Presidenti.

2.   Fuq talba ta' kwart mill-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament li jkunu jirrappreżentaw minn tal-anqas tliet gruppi politiċi, il-Parlament għandu jivvota dwar id-deċiżjoni li ssir talba, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, lill-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej biex tivverifika jekk partit politiku Ewropew irreġistrat jew fondazzjoni politika Ewropea rreġistrata jkunux konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

3.   Abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, grupp ta' mill-inqas 50 ċittadin jista' jissottometti talba motivata fejn jistieden lill-Parlament jitlob il-verifika msemmija fil-paragrafu 2. Dik it-talba motivata m'għandhiex titnieda jew tiġi ffirmata mill-Membri. Għandha tinkludi evidenza fattwali sostanzjali li turi li l-partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea inkwistjoni ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

Il-President għandu jibgħat talbiet ammissibbli minn gruppi ta' ċittadini lill-kumitat responsabbli għal eżami ulterjuri.

Wara dak l-eżami, li għandu jseħħ fi żmien erba' xhur mir-riferiment tal-President, il-kumitat responsabbli jista', permezz ta' maġġoranza tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw mill-inqas tliet gruppi politiċi, jippreżenta proposta għas-segwitu tat-talba u jinforma lill-President dwar dan.

Il-grupp ta' ċittadini għandu jiġi infurmat dwar l-eżitu tal-eżami tal-kumitat.

Malli jirċievi l-proposta tal-kumitat, il-President għandu jikkomunika t-talba lill-Parlament.

Wara din il-komunikazzjoni, il-Parlament għandu, b'maġġoranza tal-voti mitfugħa, jiddeċiedi jekk jippreżentax talba lill-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Il-kumitat għandu jadotta linji gwida għat-trattament ta' tali talbiet minn gruppi ta' ċittadini.

4.   Fuq talba ta' kwart mill-Membri li jagħmlu parti mill-Parlament li jkunu jirrappreżentaw minn tal-anqas tliet gruppi politiċi, il-Parlament għandu jivvota dwar proposta għal deċiżjoni motivata biex issir oġġezzjoni, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, għad-deċiżjoni tal-Awtorità għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li tħassar ir-reġistrazzjoni ta' partit politiku Ewropew jew fondazzjoni politika Ewropea fi żmien tliet xhur mill-komunikazzjoni tad-deċiżjoni.

Il-kumitat responsabbli għandu jressaq proposta għal deċiżjoni motivata. Jekk din il-proposta tiġi miċħuda, għandu jitqies li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kuntrarja.

5.   Abbażi ta' proposta mill-kumitat responsabbli, il-Konferenza tal-Presidenti għandha taħtar żewġ membri tal-kumitat magħmul minn persuni eminenti indipendenti skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.

(1) L-Artikolu 223a għandu japplika biss għall-partiti politiċi Ewropej u għall-fondazzjonijiet politiċi Ewropej skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) u (4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014.
(2) Fuq din il-bażi, il-Bureau għandu jkun kompetenti biex jadotta deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18, 24, 27(3) u 30 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ġunju 2019Avviż legali