Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2728(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0007/2014

Dibattiti :

PV 17/07/2014 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2014)0007

Testi adottati
PDF 242kWORD 79k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu
P8_TA(2014)0007RC-B8-0007/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fl-Eġittu (2014/2728(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012"(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar l-Eġittu, u b'mod partikolari l-kummenti tagħha wara l-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar is-sentenzi għall-ġurnalisti ta' Al Jazeera u s-sentenzi tal-mewt għal aktar minn 180 persuna f'Minya,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tad-29 ta' Mejju 2014 tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Mejju 2014 mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Ġunju 2014 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, dwar is-sentenzi ta' ħabs għal diversi ġurnalisti u l-konferma tas-sentenzi tal-mewt għal diversi membri tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, imsaħħaħ mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007, u r-rapport ta’ progress tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar l-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata permezz ta' referendum fl-14-15 ta' Jannar 2014, speċjalment l-Artikoli 65, 70, 73, 75 u 155 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Liġi 107 tal-Eġittu dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi tal-24 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li tiegħu l-Eġittu huwa parti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja huma elementi vitali għad-demokrazija u soċjetà miftuħa; billi fil-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda;

B.  billi l-ksur tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem – fosthom vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni u ċensura, kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindikalisti, attivisti tas-soċjetà ċivili u minoritajiet min-naħa ta' awtoritajiet tal-istat, forzi tas-sigurtà u servizzi u gruppi oħra – għadu mifrux fl-Eġittu; billi l-libertajiet tal-assoċjazzjoni, l-għaqda u l-espressjoni ilhom oqsma ta' tħassib partikolari minn Lulju 2013; billi l-Eġittu huwa kklassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport tal-2014 Freedom in the World ippubblikat minn Freedom House;

C.  billi l-istampa, il-midja u l-libertajiet diġitali kienu qed jiġu attakkati b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-Gvern Eġizzjan; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet, il-midja soċjali u l-internet ġew attakkati jew iċċensurati; billi hemm polarizzazzjoni estrema tal-midja Eġizzjana f'fazzjonijiet favur u kontra Morsi, li qed issaħħaħ il-polarizzazzjoni Eġizzjana; billi, skont Reporters without Borders, tal-anqas 65 ġurnalist ġew arrestati u 17 minnhom għadhom detenuti; billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu tal-inqas sitt ġurnalisti fl-Eġittu;

D.  billi fit-23 ta' Ġunju 2014, 20 ġurnalist Eġizzjan u barrani, fosthom tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera – l-Awstraljan Peter Greste, il-Kanadiż-Eġizzjan Mohamed Fahmy u l-Eġizzjan Baher Mohamed – u, in absentia, iċ-ċittadina Olandiża Rena Netjes, ingħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn 7 u 10 snin; billi ġew akkużati li "ffalsifikaw l-aħbarijiet" u li jappartjenu fi grupp terrorista jew li qed jgħinuh; billi l-ġurnalisti qed jintbagħtu l-ħabs u jiġu akkużati li huma kriminali jew "terroristi" sempliċiment għax qed jagħmlu xogħolhom; billi Rena Netjes ġiet akkużata b'mod falz li qed taħdem għal Al Jazeera;

E.  billi, skont ħafna xhud, ġew osservati diversi irregolaritajiet u eżempji ta' nuqqas ta' abilità matul il-proċedimenti ta' proċess; billi osservaturi internazzjonali, fosthom ambaxxati ta' ċerti Stati Membri, attendew dan il-proċess; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, iddenunzjat dawn il-proċedimenti legali għaliex kienu "kkaratterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u kienu jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem"; billi l-President Eġizzjan Abdul Fattah al-Sisi riċentement irrikonoxxa li dawn is-sentenzi kellhom konsegwenzi negattivi u qal li xtaq li l-akkużati ġew deportati minnufih wara l-arrest tagħhom minflok ma tressqu l-qorti; billi jista' jsir appell kontra dawn is-sentenzi, fi proċess li jista' jdum ix-xhur;

F.  billi eluf ta' persuni li pprotestaw u priġunieri ta' kuxjenza ġew detenuti fl-Eġittu minn mindu l-armata Eġizzjana ħadet il-poter f'Ġunju 2013; billi arresti u każijiet ta' detenzjoni arbitrarja tkomplew sa mill-elezzjoni tal-President al-Sisi f'Mejju 2014; billi fil-11 ta' Ġunju 2014 qorti kkundannat lil Alaa Abdul Fattah, attivist prominenti li kellu rwol ewlieni fir-rivoluzzjoni tal-2011, u oħrajn għal 15-il sena ħabs fuq akkużi li kiser il-Liġi 107 tal-2013 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti); billi attivisti prominenti oħra, fosthom Mohamed Adel, Ahmed Douma, Mahienour El-Massry u Ahmed Maher, kif ukoll difensuri ewlenin tad-drittijiet tan-nisa, bħal pereżempju Yara Sallam u Sana Seif, għadhom detenuti; billi fit-28 ta' April 2014, il-Qorti tal-Kajr għall-Kwistjonijiet Urġenti ddeċidiet favur il-projbizzjoni tal-Moviment taż-Żgħażagħ tas-6 ta' April;

G.  billi uffiċjali tal-gvern irrikonoxxu li minn Jannar 2014 l-awtoritajiet żammew f'detenzjoni tal-inqas 16 000 individwu, fosthom 1 000 persuna li pprotestat, u li ħafna minn dawk detenuti ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-għaqda, l-assoċjazzjoni u l-espressjoni, jew għal allegata affiljazzjoni mal-Aħwa Musulmani; billi mijiet ta' studenti ġew arrestati wkoll waqt protesti u taqbidiet;

H.  billi minn Lulju 2013 s'issa nqatlu madwar 1 400 persuna li pprotestat minħabba użu eċċessiv u arbitrarju tal-forza mill-forzi tas-sigurtà; billi ma nżamm responsabbli l-ebda uffiċjal tas-sigurtà għal dawn l-atti jew abbużi oħra kontra persuni li pprotestaw matul din l-aħħar sena; billi l-kumitat għas-sejbien tal-fatti stabbilit f'Diċembru 2013 tqies b'mod ġenerali li s'issa naqas milli jipprovdi investigazzjoni bir-reqqa, kredibbli u imparzjali tal-inċidenti vjolenti li ġraw minn Lulju 2013 s'issa;

I.  billi l-Artikolu 65 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li l-libertà tal-ħsieb u tal-opinjoni hija garantita, u li kull persuna għandu jkollha d-dritt li tesprimi l-opinjoni tagħha verbalment, bil-miktub, permezz ta' imaġini, jew permezz ta' kull mod ieħor ta' espressjoni u pubblikazzjoni; billi, fid-dikjarazzjoni preliminari tagħha, il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-Eġittu ta' Mejju 2014 qalet li minkejja li l-kostituzzjoni ġdida stabbilixxiet lista estensiva ta' drittijiet fundamentali, ir-rispett għal dawn id-drittijiet ma ssodisfax il-prinċipji ġenerali, u li klima ġenerali ta' liberta limitata ta' espressjoni, li wasslet għal awtoċensura mill-ġurnalisti, setgħet tiġi osservata fil-pajjiż;

J.  billi l-Artikolu 73 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jorganizzaw laqgħat pubbliċi, parati, dimostrazzjonijiet u l-forom kollha ta' protesti paċifiċi, mingħajr ma jġorru armi ta' kwalunkwe tip, billi jservu notifika kif tkun irregolata mil-liġi, u li d-dritt għal għaqda paċifika u privata hija garantita mingħajr il-ħtieġa ta' notifika minn qabel, filwaqt li l-forzi tas-sigurtà ma jkollhomx il-permess li jattendu, jissorveljaw jew jissemmgħu tali laqgħat; billi l-adozzjoni f'Novembru 2013 tal-Liġi 107 dwar id-Dritt ta' Laqgħat Pubbliċi, Purċissjonijiet u Dimostrazzjonijiet Paċifiċi (Liġi dwar il-Protesti), li timponi restrizzjonijiet fuq laqqħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet u tagħti l-liċenzja lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza eċċessiva kontra l-persuni li jipprotestaw, tirrappreżenta theddida serja għal-libertà tal-għaqda;

K.  billi protesti paċifiċi ġew sfrattati u ħafna persuni li kienu qed jipprotestaw ġew arrestati u detenuti skont il-Liġi dwar il-Protesti matul dawn l-aħħar xhur; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, il-pulizija sfrattaw parata paċifika f'Heliopolis fejn kien qed jintalab it-tħassir tal-Liġi dwar il-Protesti u r-rilaxx ta' dawk detenuti taħtha, u arrestaw aktar minn 50 persuna b'rabta ma' dan l-avveniment fl-istess ġurnata; billi aktar minn 20 minn dawk arrestati baqgħu detenuti u qed jiffaċċjaw proċess;

L.  billi l-Artikolu 75 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux governattivi fuq bażi demokratika; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Eġizzjani riċentement esprimew it-tħassib profond tagħhom dwar l-aħħar abbozz tal-liġi dwar l-NGOs, li jimponi kontroll sħiħ fuq gruppi ċiviċi u li jkunu subordinati għal korpi ta' sigurtà u amministrattivi, kif ukoll jippermetti li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw kundanna;

M.  billi f'Settembru 2013, l-awtoritajiet interim Eġizzjani pprojbixxu l-Aħwa Musulmani, xeħtu lill-mexxejja tagħhom il-ħabs, ħatfu l-beni tagħhom, għalqulhom il-mezzi tal-midja, u kkriminalizzaw is-sħubija magħhom; billi fil-21 ta' Ġunju 2014, qorti Eġizzjana kkonfermat is-sentenzi tal-mewt għal 183 membru tal-Aħwa Musulmani u persuni li jappoġġawhom, li ġew ikkundanati fi proċess tal-massa aktar qabel; billi dawn is-sentenzi huma l-aktar riċenti f'sensiela ta' prosekuzzjonijiet u proċeduri tal-qorti li kienu karatterizzati minn irregolaritajiet proċedurali u li kienu jiksru d-dritt internazzjonali;

N.  billi prattiki ġudizzjarji riċenti jpoġġu f'dubju serju l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-abilità tagħha li tiżgura r-responsabilità; billi, b'mod partikolari, dawn is-sentenzi li jwasslu għal piena tal-mewt għandhom ir-riskju li jdgħajfu l-prospetti għal stabilità fit-tul fl-Eġittu;

O.  billi l-Artikolu 155 tal-Kostituzzjoni tal-Eġittu jiddikjara li, wara konsultazzjoni mal-Kabinett, il-President tar-Repubblika jista' jagħti maħfra jew inaqqas sentenza;

P.  billi l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġustizzja soċjali u standard ogħla tal-ħajja għaċ-ċittadini, huma dimensjonijiet kruċjali tat-tranżizzjoni lejn soċjetà Eġizzjana miftuħa, ħielsa, demokratika u prospera; billi t-trejdjunjins indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali f'dan il-proċess, u l-midja ħielsa tifforma parti kruċjali mis-soċjetà fi kwalunkwe demokrazija; billi n-nisa Eġizzjani għadhom f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli fiż-żmien attwali ta' tranżizzjoni politika u soċjali fil-pajjiż;

Q.  billi, f'konformità mal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta tagħha u speċjalment l-approċċ "aktar għal aktar", il-livell u l-ambitu tal-impenn tal-UE mal-Eġittu għandhom ikunu bbażati fuq inċentivi u għalhekk dipendenti fuq il-progress tal-pajjiż fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa, u jappella li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni jew ċensura kontra avversarji politiċi, dawk li jipprotestaw b'mod paċifiku, ġurnalisti, bloggers, sindakalisti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili u minoranzi min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni politika jew it-twemmin politiku tagħhom, u li jiggarantixxi li l-libertajiet tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-istampa jkunu jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjonijiet arbitrarji u ċensura fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieħdu impenn favur id-djalogu u n-nonvjolenza kif ukoll favur il-governanza inklużiva;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar sensiela ta' deċiżjonijiet reċenti tal-qrati fl-Eġittu, inklużi s-sentenzi twal ta' priġunerija mogħtija fit-23 ta' Ġunju 2014 lil tliet ġurnalisti ta' Al Jazeera u lil 11-il imputat ieħor li l-proċess tagħhom sar in absentia, kif ukoll il-konferma tal-piena ta' mewt għal 183 persuna;

3.  Jesprimi l-allarm tiegħu dwar it-trażżin u l-attakki fiżiċi li qed isiru aktar ħorox kemm fuq il-midja kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili fl-Eġittu, li qed ixekklu l-abbiltà tagħhom li joperaw liberament; jikkundanna l-fastidju, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġurnalisti nazzjonali u internazzjonali u ta' atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi bloggers, sempliċement talli għamlu xogħolhom; itenni l-appell tiegħu għal investigazzjonijiet minnufih, indipendenti, serji u imparzjali dwar każijiet ta' użu sproporzjonat ta' forza, jew ta' detenzjoni arbitrarja min-naħa tal-forzi tas-sigurtà u l-awtoritajiet tal-istat, u biex dawk responsabbli jwieġbu ta' għemilhom;

4.  Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ċensura tal-midja u l-internet u għall-fatt li l-aċċess għal xi blogs u netwerks soċjali huwa limitat; jikkundanna l-fastidju mġarrab minn għadd ta' gazzetti u kumpaniji tal-midja awdjoviżiva;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrilaxxaw minufih u bla kundizzjonijiet lil dawk kollha detenuti, misjubin ħatja u/jew li ngħataw sentenza ta' ħabs talli eżerċitaw paċifikament id-drittijiet tagħhom ta' libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-ġudikatura Eġizzjan tiżgura li l-proċedimenti kollha tal-qrati fil-pajjiż jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' proċess liberu u ġust u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-imputati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkummissjonaw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' trattament ħażin u jiżguraw li d-detenuti kollha jkollhom aċċess għal kull kura medika li jista' jkollhom bżonn;

6.  Jenfasizza li l-liġi kontra t-terroriżmu tal-Eġittu ntużat ukoll biex l-imputati jinstabu ħatja f'għadd ta' proċessi; iħeġġeġ lill-President jaġixxi bla dewmien, anke permezz tad-dritt kostituzzjonali tiegħu li jagħti l-maħfriet, biex ikun żgurat li ma titwettaq l-ebda sentenza tal-mewt u li ħadd ma jkun jista' jiġi detenut fl-Eġittu b'verdett mogħti fi proċess fil-qorti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu minnufih moratorju uffiċjali fuq l-eżekuzzjonijiet bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani biex jirrevokaw jew jemendaw il-Liġi dwar il-Protesti u biex jirrieżaminaw l-abbozz ta' liġi l-ġdid dwar l-NGOs imressaq mill-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali, b'konformità mal-Artikoli 65, 73 u 75 tal-Kostituzzjoni Eġizzjana, l-istandards internazzjonali u l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż, u biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti u futura kollha fil-pajjiż tkun konformi mal-kostituzzjoni u ma' dawk l-istandards u l-obbligi;

8.  Ifakkar li l-Kostituzzjoni Eġizzjana li għadha kif ġiet adottata wittiet it-triq biex jinbena pajjiż li jirrispetta l-libertà u d-demokrazija u li fih id-drittijiet u l-ġustizzja jkunu parti integrali mill-ħajja ta' kuljum; ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà diġitali, kif ukoll id-dritt tal-parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, huma drittijiet tal-bniedem fundamentali f'demokrazija, kif rikonnoxuti fil-Kostituzzjoni Eġizzjana l-ġdida;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fl-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistieden lill-President al-Sisi u lill-Gvern Eġizzjan jagħtu prijorità lill-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw ir-responsabbiltà f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani jdawru r-rotta u jieħdu passi konkreti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, jiġu implimentati bis-sħiħ, biex b'hekk juru li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u għandhom jibdew billi jirrilaxxaw minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri tal-kuxjenza;

11.  Jisħaq fuq l-importanza tas-separazzjoni tal-poteri bħala prinċipju fundamentali tad-demokrazija, u tal-fatt li l-ġudikatura ma tistax tintuża bħala strument ta' persekuzzjoni politika u trażżin politiku, u jissuġġerixxi li l-liġi dwar l-awtoritajiet ġudizzjarji tiġi riformata biex tiġi żgurata separazzjoni tal-poteri ġenwina li twassal għall-amministrazzjoni indipendenti u imparzjali tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

12.  Iħeġġeġ lir-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-Kajr biex ikunu preżenti waqt il-proċessi legali politikament sensittivi ta' ġurnalisti, bloggers, trejdunjonisti u attivisti tas-soċjetà ċivili, Eġizzjani u barranin.

13.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-liġi ġdida dwar il-fastidju sesswali, il-vjolenza kontra n-nisa kompliet tmur għall-agħar, speċjalment fl-isfera pubblika, fejn għexieren ta' każijiet ta' stupru u vjolenza sesswali qegħdin iseħħu waqt il-protesti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu jikkriminalizzaw persuni LGBT minħabba li esprimew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom u d-dritt għal assemblea paċifika, abbażi 'tal-liġi debauchery', u biex jeħilsu l-persuni LGBT kollha li ġew arrestati u li ntbagħtu l-ħabs skont dik il-liġi; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jadotta strateġiji nazzjonali għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u persuni LGBT u biex jelimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u jiżgura l-konsultazzjoni u l-involviment effettiv tan-nisa u ta' gruppi għad-drittijiet LGBT u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili matul il-proċess;

14.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-istampa u l-midja huma elementi essenzjali għal demokrazija u soċjetà miftuħa, u li bħala tali għandhom ikunu fost il-punti fokali ta' azzjoni tal-UE dwar l-Eġittu, bħala parti minn strateġija aktar wiesgħa u koerenti tal-UE li għandha tiffoka fuq it-titjib tad-drittijiet, tal-libertajiet u tal-opportunitajiet tal-Eġizzjani hekk kif l-UE qed tiżviluppa relazzjonijiet mal-pajjiż;

15.  Jesprimi, għal darba oħra, is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Eġizzjan f'dan il-mument ta' tranżizzjoni f'pajjiżhom; jitlob strateġija komuni fost l-Istati Membri fir-rigward tal-Eġittu; iħeġġeġ, għal darba oħra, lill-Kunsill, lill-VP/HR u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'mod attiv fuq il-bażi tal-prinċipju tal-kundizzjonalità ("aktar għal aktar"), u b'kunsiderazzjoni għall-isfidi ekonomiċi serji li qed jaffaċċja l-Eġittu, fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni u l-appoġġ finanzjarju għall-pajjiż; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu għal punti referenzjarji ċari u miftehma konġuntament; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jgħin lill-poplu Eġizzjan fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn riforma demokratika u ekonomika;

16.  Jistieden lill-VP/HR jiċċara l-miżuri speċifiċi li ttieħdu bħala rispons għad-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin biex jeżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; jitlob, b'mod partikolari, kjarifika tal-istatus ta': (i) il-programm ippjanat dwar ir-Riforma tal-ġustizzja; (ii) il-programmi għall-appoġġ tal-baġit tal-UE; (iii) il-programm għat-tisħiħ domestiku u kummerċjali; u (iv) il-parteċipazzjoni tal-Eġittu fi programmi reġjonali tal-UE bħall-Euromed Pulizija u Euromed Ġustizzja;

17.  Jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' teknoloġiji ta' intrużjoni u sorveljanza li jistgħu jintużaw għal skopijiet ta' spjunaġġ u għar-ripressjoni taċ-ċittadini, u għal projbizzjoni, f'konformità mal-Arranġament Wassenaar, fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà jew għajnuna militari li jistgħu jintużaw għas-soppressjoni ta' protesti paċifiċi;

18.  Iħeġġeġ lill-VP/HR jiġġenera appoġġ għall-UE favur riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li se, fost affarijiet oħra, tagħti bidu għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta' dimostranti u allegazzjonijiet ta' tortura u trattament ħażin mill-forzi tas-sigurtà matul is-sena li għaddiet;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-President tar-Reppubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-gvern interim tiegħu.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2014)0100.
(2) Testi Adottati, P7_TA(2013)0470.
(3) Testi Adottati, P7_TA(2013)0274.
(4) Testi Adottati, P7_TA(2013)0446.

Avviż legali