Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2729(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0016/2014

Dibattiti :

PV 17/07/2014 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 17/07/2014 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2014)0008

Testi adottati
PDF 226kWORD 60k
Il-Ħamis, 17 ta' Lulju 2014 - Strasburgu
Niġerja, attakki reċenti minn Boko Haram
P8_TA(2014)0008RC-B8-0016/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Lulju 2014 dwar in-Niġerja – attakki reċenti mill-Boko Haram (2014/2729(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, inklużi dawk tal-4 ta' Lulju 2013(1) u tal-15 ta' Marzu 2012(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Catherine Ashton dwar in-Niġerja inklużi dawk tas-26 ta’ Ġunju 2014 u tal-15 ta’ April 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sekwestri fin-Niġerja tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliema tas-SEAE dwar in-Niġerja tas-26 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliema tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-30 ta' Ġunju 2014,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar it-Tfal Affettwati mill-Konflitti Armati (CAAC) ippubblikat fl-1 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2014 fid-diskussjoni tal-panel li mmarkat Jum it-Tfal Afrikani (Day of the African Child),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Attivitajiet ta' Eżami Preliminari tal-2013 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Boko Haram huwa theddida dejjem tikber għall-istabilità tan-Niġerja, l-Afrika tal-Punent u r-reġjun tas-Saħel; billi l-vjolenza instigata minn din l-organizzazzjoni estremista jihadista Islamika kkawżat eluf ta' mwiet f'dawn l-aħħar għaxar snin; billi l-organizzazzjoni, b'mod indiskriminat, għandha fil-mira tagħha l-Insara, il-Musulmani moderati, il-persunal tal-gvern u l-istituzzjonijiet u filfatt kull min ma jaqbilx mat-twemmin dommatiku u estrem tagħha;

B.  billi fil-lejl tal-14-15 ta' April 2014, 276 studenta femminili nħatfu mill-Boko Haram mill-Iskola Sekondarja tal-Gvern fil-belt ta' Chibok fl-Istat ta' Borno; billi s'issa iktar minn 200 student għadhom neqsin; billi hemm rapporti li l-forzi tas-sigurtà tan-Niġerja ma aġixxewx għal twissija minn qabel; billi kien hemm iktar ħtif ta' tfal tal-iskola wara l-attakk ta' Chibok;

C.  billi t-tfajliet li nħatfu qed jaffaċċaw theddid serju ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwieġ furzata;

D.  billi dawn is-sekwestri wasslu għal rispons qawwi mis-soċjetà ċivili fin-Niġerja u madwar id-dinja, fejn il-Gvern Niġerjan intalab jieħu azzjoni effikaċi biex 'iġib lura l-bniet tagħna', jiżgura l-protezzjoni tat-tfal tal-iskola u jimmaniġġja l-firxa tal-Boko Haram;

E.  billi kien hemm rapporti allarmanti, inkluż mis-SEAE u sorsi tal-gvern, dwar il-vjolenza indiskriminata bħala parti mir-rispons mill-gvern, inkluż mit-Task Force Konġunta Niġerjana tal-unitajiet militari u tal-pulizija, imwaqqfa f'Mejju 2013 biex tiġġieled lill-Boko Haram;

F.  billi f'dawn l-aħħar xhur, ir-rata tal-attakki mill-Boko Haram żdiedet b'mod drammatiku u qed isiru dejjem iktar vjolenti, b'iktar minn 4 000 midruba fis-sena s'issa f'attakki fuq knejjes, skejjel, swieq u rħula kif ukoll istallazzjonijiet tas-sigurtà; billi l-Boko Haram bħalissa qed jestendi ż-żona ta' operazzjonijiet tiegħu biex ikopri n-nofs tat-Tramuntana tan-Niġerja kollu kif ukoll iż-żoni li jmissu ma din iż-żona fil-pajjiżi ġirien;

G.  billi l-Boko Haram kien responsabbli għal tal-inqas 18-il attakk fuq il-popolazzjoni ċivili fit-Tramuntana tan-Niġerja f'dawn l-aħħar ġimagħtejn, flimkien ma' tensjonijiet politiċi dejjem jikbru qabel l-elezzjonijiet ġenerali ppjanati għall-2015;

H.  billi l-attakki tal-Boko Haram u r-rispons tal-gvern taw bidu għal kriżi ta' rifuġjati, b'iktar minn 10 000 persuni jfittxu r-rifuġju barra pajjiżhom, l-iktar fin-Niġer u l-Kamerun, u ħafna iktar Persuni Spostati f'Pajjiżhom, skont l-UNHCR; billi dan jikkawża iktar tensjoni għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel wara snin ta' nixfa;

I.  billi s-sitwazzjoni umanitarja ta' parti kbira mill-popolazzjoni għadha kritika, fejn 70 % tal-popolazzjoni tgħix b'inqas minn USD 1.25 kuljum;

J.  billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw dwar l-awtoritajiet Niġerjani b'mod kritiku; billi l-Boko Haram hedded ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwaru;

K.  billi, minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza li ilha fis-seħħ mill-14 ta' Mejju 2013 fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-istati saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u l-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;

L.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ripetutement offrew l-appoġġ tagħhom lin-Niġerja fl-isforzi tagħha għaddejjin bħalissa biex tipproteġi liċ-ċittadini u tegħleb it-terroriżmu f'kull forma tiegħu, kif ukoll biex tintemm il-kultura tal-impunità għall-użu ta' vjolenza sesswali;

M.  billi fit-28 ta' Mejju 2014, l-UE qiegħdet lill-Boko Haram u lill-mexxej tiegħu, Abubaker Shekau, fuq il-lista tagħha ta' organizzazzjonijiet terroristiċi nominati. wara deċiżjoni tan-NU li Boko Haram jiġi nominat bħala organizzazzjoni terroristika u l-eżempju ta' sħab internazzjonali oħrajn;

N.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, kien wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi inkjesta preliminari tal-QKI kkonfermat din it-twissija, li kkonkludiet li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jifhem li l-Boko Haram qiegħed iwettaq delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa il-fluss li qed ikompli ta' attakki bil-pistoli u l-bombi, l-attakki suwiċida bil-bombi, il-ħtif u atti vjolenti oħra mwettqa mis-setta terroristika Boko Haram kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gvern u l-militanti fin-Niġerja, fit-Tramuntana, kif ukoll f'Abuja u Lagos; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-bniet tal-iskola ta' Chibok;

2.  Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu lejn il-familji tal-vittmi u jappoġġa l-isforzi tal-Gvern Niġerjan biex iwaqqaf il-vjolenza u jressaq il-persuni responsabbli quddiem il-qorti;

3.  Jistieden lill-Gvern u l-awtoritajiet Niġerjani jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-bniet jiġu lura mingħajr periklu, biex itejbu t-trasparenza dwar l-isforzi ta' salvataġġ u biex jipprovdu informazzjoni adegwata kif ukoll appoġġ mediku u psikoloġiku għall-familji tal-bniet sekwestrati sabiex tintemm il-klima ta' suspetti;

4.  Jinsab imħasseb sew dwar il-mod attiv li bih l-Boko Haram qed jitfa' fil-mira n-nisa u t-tfal bħala parti mill-kampanja mdemmija ta' gwerilla tiegħu u jikkundanna l-ksur assolut tad-drittijiet fundamentali peress li l-Boko Haram qiegħed jipprojbixxi lit-tfal milli jkollhom aċċess għall-edukazzjoni;

5.  Huwa tal-opinjoni li l-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Rappurtar dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati għandu jiġi attivat fin-Niġerja u li l-UNICEF għandha żżid il-kapaċità tagħha f'din iż-żona, bi qbil mal-mandat tagħha;

6.  Jesprimi, barra minn hekk, it-tħassib serju tiegħu dwar rapporti ta' konverżjonijiet furzati għall-Iżlam u t-twaqqif tal-Liġi Sharia bħala parti mill-għan iddikjarat tal-grupp li jinħoloq kalifat Iżlamiku fit-Tramuntana tan-Niġerja;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan u l-forzi tiegħu biex ma jesaġerawx meta jiġġieldu l-vjolenza mir-ribelli u jiżgura li kwalunkwe sforz biex tiġi ttrattata din il-vjolenza jitwettaq bi qbil mal-obbligi tal-Gvern Niġerjan skont il-liġi internazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani biex jinvestigaw rapporti ta' vjolenza indiskriminata u sproporzjonata mill-forzi tal-gvern, inkluż il-ħruq ta' djar u l-eżekuzzjoni ta' persuni ssuspettati tal-Boko Haram jew anki ċittadini bl-ebda rabta ċara mal-organizzazzjoni, u biex iressqu l-persuni li jagħmlu dawn id-delitti quddiem il-qorti;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex mhux biss jiġġieled ir-rewwixta tal-Boko Haram imma wkoll ftit mill-kawżi primarji tagħha, inklużi s-sottożviluppar, il-korruzzjoni mifruxa, it-tbagħbis tal-flus miż-żejt, ir-radikalizzazzjoni u n-nuqqas ta' prospettivi u jitlob lill-Istati Membri biex jgħinu lin-Niġerja ħalli tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani, barra minn hekk, biex jeliminaw id-differenzi ekonomiċi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż, inkluż billi jiġu provduti edukazzjoni aħjar u servizzi tal-kura tas-saħħa fit-Tramuntana u biex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji mill-ġid taż-żejt permezz tal-baġit tal-istat ħalli jiġi żgurat żvilupp reġjonali xieraq;

10.  Jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni; għalhekk, jitlob li jittieħdu passi lejn it-titjib fl-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja bħala mezz ta' użu effikaċi tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jirrikonoxxi u jirrispetta l-libertà tal-istampa u l-midja u biex jippermetti l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għal-linji fuq quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Itenni s-sejħa tiegħu għall-abolizzjoni tal-Liġi dwar (il-Projbizzjoni ta') iż-Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess, flimkien mat-taqsimiet 214, 215 u 217 tal-Kodiċi Penali Niġerjan, li jqiegħdu lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani kif ukoll barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest;

13.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda ta' traffikar tal-bnedmin u kuntrabandu tal-armi u tad-drogi fir-reġjun u r-rabta tagħhom mat-terroriżmu Iżlamiku; jinnota, barra minn hekk, il-konnessjonijiet bejn il-gruppi militanti ta' Boko Haram, AQIM u Al Shabab f'din l-attività illegali; jistieden lill-Gvern Niġerjan, f'kollaborazzjoni mal-gvernijiet tal-ECOWAS, gvernijiet oħra u aġenziji internazzjonali, biex jeqirdu dan il-kummerċ bħala parti mill-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-firxa tat-terroriżmu internazzjonali u s-sorsi li jiffinanzjawh;

14.  Iħeġġeġ lis-SEAE, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex jaħdmu man-NU u sħab internazzjonali oħrajn sabiex jaqtgħu l-iffinanzjar għal, u jillimitaw il-movimenti ta', Boko Haram u, b'mod partikolari t-tmexxija tiegħu;

15.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab internazzjonali biex ikomplu jikkooperaw man-Niġerja, inkluż dwar il-każ tal-bniet tal-iskola f'Chibok, b'mod bilaterali u permezz tal-istrutturi reġjonali u tan-NU, fi sforzi ta' rimedju, taħriġ ta' forzi tas-sigurtà u kondiviżjoni tal-intelliġenza;

16.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jikkonkludu ta' malajr l-istrateġija tal-pajjiż tal-2014-2020 għan-Niġerja u biex jinkludu l-għajnuna u l-assistenza mmirati biex jeliminaw il-kawżi primarji tal-ħolqien ta' Boko Haram;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u l-Parlament Pan-Afrikan.

(1) Testi Adottati, P7_TA(2013)0335.
(2) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 97.

Avviż legali - Politika tal-privatezza