Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2041(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0003/2014

Testi mressqa :

A8-0003/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2014 - 9.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0016

Testi adottati
PDF 334kWORD 80k
L-Erbgħa, 17 ta' Settembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni
P8_TA(2014)0016A8-0003/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2014)0366 – C8-0031/2014 – 2014/2041(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0366 – C8‑0031/2014),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar Patt għal Tkabbir u Impjiegi tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0003/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, aggravati mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali, u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-ammont ta' EUR 330 000 propost li jkun mobilizzat mill-Kummissjoni għal għajnuna teknika fl-2014 huwa inqas mill-massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun bil-prezzijiet tal-2011) kif stipulat fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG;

C.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lil ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun adegwata u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG;

D.  billi s-sejbiet tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni jissuġġerixxu titjib u żgurar tal-funzjonalitajiet tad-database tal-FEG, li jeħtieġu għarfien espert estern;

E.  billi mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont annwali tal-FEG jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir ta' data u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' verifika, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 11(1) ta' tali Regolament; billi l-għajnuna teknika għandha tinkludi wkoll il-provvediment ta' tagħrif u gwida rigward l-użu, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-FEG kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-sħab soċjali Ewropej u nazzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG;

F.  billi l-infiq fir-rigward tal-għajnuna teknika fis-sena 2014 qed jitnaqqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mas-sena preċedenti, anke minħabba l-fatt li m'hemm l-ebda valutazzjoni li għandha tkun iffinanzjata;

G.  billi, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, il-Kummissjoni obbligata toħloq sit tal-internet, disponibbli bil-lingwi kollha tal-Unjoni, biex tipprovdi u xxerred informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u tagħmel enfasi fuq ir-rwol tal-Parlament u tal-Kunsill fil-proċedura baġitarja;

H.  billi l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013;

I.  billi, abbażi ta' tali artikoli, il-Kummissjoni talbet li l-FEG jiġi mmobilizzat bil-għan li jkopri l-infiq relatat mal-għajnuna teknika meħtieġa biex isir monitoraġġ tal-applikazzjonijiet riċevuti u mħallsa u tal-miżuri proposti u implimentati, biex is-sit tal-internet jibqa' jikber u l-elementi ġodda jiġu tradotti bil-lingwi kollha tal-Unjoni, biex tiżdied il-viżibbiltà tal-FEG, biex jinħarġu pubblikazzjonijiet u għodod awdjoviżivi, biex tinħoloq bażi ta' għarfien kif ukoll biex jiġi fornut appoġġ amministrattiv u tekniku lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali, mingħajr ma jintalbu fondi għall-evalwazzjonijiet fl-2014;

J.  billi l-għadd ta' każijiet tal-FEG li ġew stralċati s'issa jipprevedu għadd konsiderevoli ta' data kwalitattiva u kwantitattiva fir-rigward tal-influwenza tal-FEG dwar l-impjegabbiltà ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba l-effetti tal-globalizzazzjoni u tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

K.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

L.  billi l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti;

M.  billi l-Gruppi ta' Ħidma tal-FEG spiss enfasizzaw il-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

N.  billi attwalment għaddejjin preparazzjonijiet bil-għan li l-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014);

O.  billi l-għajnuna teknika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tappoġġa u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u billi twassal l-aħjar prattika fost l-Istati Membri;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG kif ukoll ta' attivitajiet ta' netwerking oħra fost l-Istati Membri inkluż is-seminar ta' din is-sena għal dawk involuti fil-ħidma ta' implimentazzjoni tal-FEG; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-ogħla għadd ta' sinerġiji possibbli;

3.  Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni fl-2014 tnaqqset b'mod sinifikanti; jenfasizza l-importanza li dan ma jkollux effett negattiv fuq il-produzzjoni u fuq id-distribuzzjoni suffiċjenti ta' materjal ta' informazzjoni u ta' gwida meħtieġa dwar ir-Regolament tal-FEG fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-ħidma tagħha rigward l-istabbiliment ta' proċeduri standardizzati sabiex l-applikazzjonijiet ikunu ssemplifikati, l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u jitjieb ir-rappurtaġġ bil-għan li jittaffa l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-viżibbiltà tal-FEG f'aktar azzjonijiet;

5.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

6.  Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni se tagħmel disponibbli għadd limitat ta' kopji stampati tal-evalwazzjoni ex post tal-FEG flimkien ma' pubblikazzjoni fuq l-internet;

7.  Jilqa' l-fatt li l-fażi finali tal-valutazzjoni ex post tal-FEG (2007-2013) saret fl-2013; jitlob għall-pubblikazzjoni fil-ħin tal-valutazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-FEG preċedenti (Regolament (KE) Nru 1927/2006);

8.  Jistieden lill-koleġiżlaturi jintroduċu dispożizzjonijiet speċjali li jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG fl-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u finanzjarji partikolarment serji;

9.  Jinnota li fl-2011, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet taħdem fuq il-formola tal-applikazzjoni elettronika u l-proċeduri standardizzati għal applikazzjonijiet simplifikati, ipproċessar imħaffef tal-applikazzjonijiet u rappurtar aħjar; jinnota barra minn hekk il-preparamenti biex il-FEG ikun integrat fis-sistema tal-iskambju tad-data elettronika (SFC2014); jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress li sar wara l-użu tal-għajnuna teknika bejn l-2011 u l-2013;

10.  Jiddispjaċih ħafna li sa issa l-Kummissjoni għadha ma analizzatx debitament l-effikaċja tal-użu tal-kriterju tad-deroga marbuta mal-kriżi, speċjalment meta jitqies li dawn il-każijiet tal-FEG ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq fir-rieżami tal-qafas tal-FEG; jiddispjaċih, madankollu, li r-riżultati ma waslux fil-ħin biex jiddaħħlu fid-diskussjoni dwar ir-regolament il-ġdid għall-FEG fl-2014-2020, speċjalment rigward l-effikaċja tal-użu tal-kriterju tad-deroga marbuta mal-kriżi; xorta jemmen li dan għandu jiġi kkunsidrat għall-evalwazzjoni futura tal-FEG; jistieden lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw l-introduzzjoni mill-ġdid ta' din il-miżura mingħajr dewmien, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza soċjali f'diversi Stati Membri;

11.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG; jappoġġa, għaldaqstant, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(4); jenfasizza barra minn hekk l-importanza tal-koordinazzjoni ma' dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-possibilitajiet ta' skambju tal-aħjar prattiki u jitgħallmu b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri u minn dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li diġà stabbilew netwerks nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-FEG bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali bil-għan li jkollhom struttura tajba għall-għajnuna fis-seħħ fil-każ li tinqala' sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG; jirrimarka l-ħtieġa li titħeġġeġ l-għajnuna b'awtonomija u b'aċċess faċli fil-livell reġjonali sabiex tiġi implimentata etika minn isfel għal fuq, filwaqt li jiġu ffavoriti soluzzjonijiet lokali fuq livell reġjonali, fejn taf tokkorri kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG;

13.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f'dan is-sens, il-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni tal-FEG tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill Kunsill flimkien mal-proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG; jieħu nota tal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG li se jippermetti livell ogħla ta' effiċjenza, trasparenza, responsabbiltà u viżibbiltà tal-FEG;

14.  Jemmen bis-sħiħ li huwa essenzjali li l-infiq tal-Unjoni jkun skrutinizzat mill-qrib abbażi tal-valur għall-flus; jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi biċ-ċar il-valur miżjud f'dak li huma eżiti tanġibbli tal-ħolqien ta' linja baġitarja separata għall-FEG;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-objettivi u tal-kriterji tar-Regolament dwar il-FEG introdott f'Diċembru 2013, sabiex jiġu integrati u ffaċilitati l-applikazzjonijiet minn reġjuni u pajjiżi b'densità demografika iżgħar; jiddispjaċih ħafna li dan huwa ta' natura eċċezzjonali u huwa limitat għal livell limitu massimu ta' 15 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG, filwaqt li dawn ir-reġjuni qegħdin isofru impatt ferm akbar tal-kriżi globali soċjali, ekonomika u finanzjarja;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-ambitu tal-FEG rigward il-benefiċjarji eliġibbli, jiġifieri persuni li jaħdmu għal rashom, u l-għoti ta' servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil numru ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt l-età ta' 25 sena, jew taħt l-età ta' 30 sena meta l-Istati Membri jiddeċiedu hekk; madankollu, jemmen li l-FEG iżid l-effikaċja tiegħu u jkollu impatt ferm akbar li kieku l-livell limitu ġenerali kellu jkun ta' 200 ħaddiem, minflok ta' 500;

17.  Insegwitu tat-twessigħ tal-objettivi, il-kriterji u l-benefiċjarji eliġibbli tal-FEG, jinsisti fuq il-bżonn li l-livell ta' approprjazzjonijiet disponibbli għall-FEG kemm f'impenji kif ukoll f'pagamenti jogħla tal-anqas għal-livell tal-2013, jiġifieri, tal-anqas għal EUR 500 miljun, f'allinjament sħiħ mal-prijoritajiet ta' politika stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi; barra minn hekk, ifakkar lill-Kunsill fil-pożizzjoni tal-Parlament biex jikkunsidra l-integrazzjoni tal-FEG fil-baġit tal-Unjoni fil-qafas tar-rieżami tal-QFP 2014-2020, skont il-prinċipju tal-unità baġitarja;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/697/UE.)

Avviż legali