Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2042(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0004/2014

Testi mressqa :

A8-0004/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2014 - 9.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0017

Testi adottati
PDF 330kWORD 73k
L-Erbgħa, 17 ta' Settembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2014/001 EL/Nutriart - Greċja
P8_TA(2014)0017A8-0004/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/001 EL/Nutriart mill-Greċja) (COM(2014)0376 – C8-0032/2014 – 2014/2042(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0376 – C8-0032/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament FEG ġdid),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0004/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG;

C.  billi l-Greċja ressqet it-talba EGF/2014/001 EL/Nutriart għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji f'Nutriart S.A. u 25 fornitur u produttur aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni u 24 persuna jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom u li kienu dipendenti fuq l-impriża ewlenija fil-Greċja bi 508 ħaddiema fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mis-16 ta' Lulju 2013 sas-16 ta' Novembru 2013;

D.  billi 66,34 % tal-ħaddiema li l-miżuri huma indirizzati lejhom huma rġiel u 33,66 % huma nisa; billi l-maġġoranza l-kbira (86,42 %) tal-ħaddiema għandhom età ta' bejn it-30 u l-54 sena; billi 8,07 % tal-ħaddiema għandhom età bejn il-55 u l-64 sena;

E.  billi t-talba tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dak ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ressqu t-talba għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG nhar il-5 ta' Frar 2014 u ssuplementawha b'informazzjoni addizzjonali sat-2 ta' April 2014, u li l-valutazzjoni tagħha tqiegħdet għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2014; jilqa' pożittivament l-evalwazzjoni rapida ta' erba' xhur;

3.  Jinnota li din hi l-ewwel talba li tressqet u ġiet ivvalutata skont il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament FEG għall-perjodu finanzjarju pluriennali 2014-2020;

4.  Jikkunsidra li s-sensji f'Nutriart S.A. u 25 fornitur u produttur aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni u 24 persuna jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom u li kienu dipendenti fuq l-impriża ewlenija fil-Greċja huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, waqt li jirreferi għall-fatt li l-ekonomija Griega esperjenzat tnaqqis kumulattiv ta' 5 % fil-PDG tagħha mill-2008 u li, minkejja l-fatt li hekk kif bil-mod qed toħroġ mir-riċessjoni għadha ma tistax toħloq opportunitajiet ta' impjiegi ġodda u tnaqqas ir-rata tal-qgħad li laħqet ir-rekord storiku ta' 26-27 % tal-popolazzjoni li tista' taħdem;

5.  Jinnota li l-avvenimenti li wasslu għas-sensji kienu primarjament tlieta: (1) it-tnaqqis fid-dħul disponibbli għall-familji li laqat b'mod negattiv ħafna l-konsum ta' firxa ta' prodotti differenti (minħabba ż-żieda fil-piż tat-taxxa, is-salarji li qed jonqsu kemm għall-impjegati fis-settur privat kif ukoll għal dawk fis-settur pubbliku u l-qgħad li qed jiżdied) li rriżultaw fi tnaqqis qawwi fil-kapaċità tal-akkwist; (2) il-pagamenti tard minn ħafna mill-klijenti ta' Nutriart; u (3) it-tnaqqis drastiku tas-self lil impriżi u individwi minħabba l-isforz tas-sistema bankarja Griega biex tnaqqas is-self pendenti tagħha;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-508 sensja se jħarrxu ulterjorment is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjuni ta' Attika u l-Maċedonja Ċentrali, waqt li jqis li, fl-aħħar tliet xhur tal-2013 ir-rata tal-qgħad f'Attika kienet ta' 28,2 % waqt li fil-Maċedonja Ċentrali kienet ta' 30,3 %(4); jinnota barra minn hekk li r-reġjun ta' Attika jirrappreżenta 43 % tal-PDG Grieg u li għaldaqstant l-impatt tal-għeluq tal-impriżi bbażati f'dan ir-reġjun jilħaq lill-ekonomija Griega kollha kemm hi; jinnota, flimkien ma' dan, li l-qgħad li qed jiżdied fiż-żewġ ċentri urbani tal-Greċja dgħajjef il-koeżjoni soċjali u kkontribwixxa għat-tensjonijiet soċjali;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Griegi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-30 ta' April 2014, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jilqa' bil-qalb il-fatt li, apparti l-508 ħaddiema li ngħataw is-sensja, l-awtoritajiet Griegi se jipprovdu servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 505 żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) taħt it-tletin sena u għalhekk in-numru totali ta' benefiċjarji fil-mira biex jieħdu sehem fil-miżuri tela' għal 1 013; jisħaq fuq il-fatt li din hi l-ewwel darba li se tintuża din id-dispożizzjoni tar-Regolament FEG ġdid;

9.  Jinnota li l-ammont eliġibbli massimu ta' EUR 15 000 se jingħata lil 150 ħaddiema u NEET magħżula bħala kontribuzzjoni biex ikunu jistgħu jwaqqfu n-negozji proprji tagħhom; jissottolinja l-fatt li l-għan ta' din il-miżura hu l-promozzjoni tal-imprenditorjat billi jiġi pprovdut finanzjament, li għandu jirriżulta fil-ħolqien ta' postijiet tax-xogħol ulterjuri fuq żmien medju;

10.  Jinnota li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati li se jiġu kkofinanzjati jinkludu miżuri għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom intemmet u persuni NEET, miżuri bħal gwida okkupazzjonali, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, servizzi ta' għoti ta' pariri lejn l-imprenditorjat, kontribut għat-tnedija ta' attività kummerċjali, allowances għat-tiftix ta' impjieg u allowances ta' mobilità; jilqa' bil-qalb il-fatt li, għall-ewwel darba, min jaħdem għal rasu ġie inkluż fil-kofinanzjament tal-FEG;

11.  Jilqa' pożittivament l-idea tal-iżvilupp ta' inkubatur għal negozji ġodda innovattivi;

12.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, it-trade union GSEE (Konfederazzjoni Griega tal-Ħaddiema Griegi) u l-Konfederazzjoni Ellenika tal-Impriżi, u li matul id-diversi fażijiet ta' implimentazzjoni tal-FEG u fl-aċċess għalih se tiġi applikata politika ta' parità bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

13.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb il-kapaċità ta' kull ħaddiem li jfittex impjieg permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema mkeċċija, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;

14.  Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha b'mod li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u jiġi garantit li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għar-rikjesta mill-Parlament għal aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota li l-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tal-konformità tat-talba mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fi żmien 12-il ġimgħa minn mindu tasal it-talba kompluta;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament FEG ġdid, għandu jiġi żgurat li l-assistenza mill-FEG tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħataw solidarjetà u appoġġ temporanju ta' darba, għall-benefiċjarji fil-mira; u barra minn hekk mhix se tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi;

17.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tar-Regolament FEG il-ġdid li jirrifletti l-qbil li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, għaż-żieda tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż stmati totali tal-miżuri proposti, għaż-żieda tal-effiċjenza għat-trattament tat-talbiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, għall-estensjoni tal-azzjonijiet u tal-benefiċjarji eleġibbli permezz tal-introduzzjoni tal-persuni li jaħdmu għal rashom u ż-żgħażagħ, u għall-finanzjament ta' inċentivi għat-twaqqif ta' attività kummerċjali proprja;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Sors: ELSTAT, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol għall-aħħar tliet xhur tal-2013


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Talba EGF/2014/001 EL/Nutriart mill-Greċja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/698/UE.)

Avviż legali