Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0118/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/09/2014 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0025

Testi adottati
PDF 335kWORD 113k
Il-Ħamis, 18 ta' Settembru 2014 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet UE-Russja
P8_TA(2014)0025RC-B8-0118/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja (2014/2841(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'referenza partikolari għal dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(2), tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(3) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Lulju u tal-15 ta' Awwissu 2014 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awissu 2014 dwar l-Ukraina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliemi tas-SEAE tal-11 ta' Settembru 2014 dwar il-ħtif tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'referenza partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-Summit UE-Russja(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Agrikoltura Ewropew tal-5 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Ministerjali Konġunta tat-12 ta' Settembru 2014 dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (AA/DCFTA) UE-Ukraina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sajf tal-2014 kien ikkaratterizzat minn eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina; billi, skont il-kalkoli tan-NU, tal-inqas 3 000 ruħ tilfu ħajjithom u ħafna eluf oħrajn sfaw midruba, filwaqt li mijiet ta' eluf ta' ċivili ħarbu miż-żoni tal-kunflitt; billi l-kostijiet ekonomiċi tal-kunflitt, inkluż il-kost biex ir-reġjuni tal-Lvant jinbnew mill-ġdid, huma ta' tħassib serju għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Ukraina;

B.  billi fil-5 ta' Settembru 2014, il-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali qabel dwar waqfien mill-ġlied f'Minsk li daħal fis-seħħ fl-istess jum; billi l-ftehim kien fih ukoll protokol ta' 12-il punt li jkopri l-ħelsien tal-ostaġġi, miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni umanitarja, l-irtirar tal-gruppi armati illegali kollha, tat-tagħmir militari u tal-merċenarji mill-Ukraina u miżuri dwar deċentralizzazzjoni fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk;

C.  billi l-waqfien mill-ġlied kien persistentement miksur prinċipalment mit-truppi regoli Russi u s-separatisti mill-Ġimgħa 5 ta' Settembru 2014 fiż-żona ħdejn Mariupol u l-ajruport ta' Donetsk, b'tentativi biex jinkiseb tagħrif dwar id-difiża tal-Ukraina f'diversi lokalitajiet oħra;

D.  billi fil-ġimgħat preċedenti r-Russja żiedet il-preżenża militari fit-territorju tal-Ukraina kif ukoll l-appoġġ loġistiku tal-milizzji separatisti permezz ta’ fluss stabbli ta’ armi, munizzjoni, vetturi blindati u tagħmir, merċenarji u suldati travestiti, minkejja l-appelli tal-UE biex isir kull sforz biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava; billi sa mill-bidu tal-kriżi l-Federazzjoni Russa ġabret truppi u apparat militari fil-fruntiera mal-Ukraina;

E.  billi l-intervent militari dirett u indirett tar-Russja fl-Ukraina, inkluż l-annessjoni tal-Krimea, jikser il-liġi internazzjonali inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Helsinki u l-Ftehim ta’ Budapest tal-1994; billi r-Russja għadha qed tirrifjuta l-implimentazzjoni tal-Forzi Armati Konvenzjonali fit-Trattat tal-Ewropa (CFE),

F.  billi l-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 talab għal proposti li jsaħħu l-miżuri restrittivi tal-UE fid-dawl tal-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja fil-Lvant tal-Ukraina; billi dawn il-proposti daħlu fis-seħħ fit-12 ta' Settembru 2014;

G.  billi wara l-iffirmar, fil-21 ta' Marzu 2014, tad-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA), fis-27 ta' Ġunju 2014 l-UE u l-Ukraina ffirmaw b'mod uffiċjali l-parti pendenti ta' dan il-Ftehim, li tinkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA); billi l-Parlament Ewropew u l-Verhovna Rada irratifikaw simultanjament il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; billi fit-12 ta' Settembru 2014 l-Kummissjoni ħabbret li l-applikazzjoni provviżorja tad-DCFTA se tkun posposta sal-31 ta' Diċembru 2015; billi dan se jwassal biex jitwalu l-preferenzi tal-kummerċ unilaterali mogħtija mill-UE lill-Ukraina, li kellhom jiskadu fl-1 ta' Novembru 2014 ta' din is-sena;

H.  billi fis-7 ta' Awwissu 2014 l-Gvern Russu adotta lista ta' prodotti mill-UE, l-Istati Uniti, in-Norveġja, il-Kanada u l-Awstralja li kellhom ikunu projbiti mis-suq Russu għal perjodu ta' sena; billi l-UE se tkun dik l-aktar milquta minħabba li r-Russja hi t-tieni l-akbar suq esportatur għall-prodotti agrikoli tal-UE u s-sitt wieħed għall-prodotti tas-sajd u billi 73 % tal-importazzjoni projbita ġejja mill-UE; billi r-restrizzjonijiet attwali applikati mir-Russja jistgħu jipperikolaw b'kemm jiswew EUR 5 biljun f'kummerċ u jaffettwaw id-dħul ta' 9,5 miljun persuna fl-UE li qed jaħdmu f'ażjendi agrikoli l-aktar ikkonċernati;

I.  billi l-projbizzjoni tal-prodotti tal-ikel tal-UE lejn is-suq Russu li laqtu l-aktar is-setturi tal-frott u tal-ħxejjex, kif ukoll is-setturi tal-ħalib u tal-laħam, jista' jkollha effett multiplikatur li jwassal għal provvista żejda fis-suq intern, filwaqt li l-projbizzjoni tal-prodotti tas-sajd tal-UE lejn is-suq Russu tista' potenzjalment toħloq problemi serji f'uħud mill-Istati Membri; billi l-valur tal-prodotti tas-sajd projbiti jammonta għal kważi EUR 144 miljun;

J.  billi r-Russja qed timmina s-sigurtà tal-UE billi regolarment tikser l-ispazju tal-ajru tal-Finlandja, tal-Istati Baltiċi u tal-Ukraina, kif ukoll bil-qtugħ reċenti tal-gass lill-Polonja li jammonta għal 45 % tal-esportazzjoni Russa lejn dak il-pajjiż;

K.  billi s-samit tan-NATO fi Newport afferma mill-ġdid li n-NATO qed tappoġġa lill-Ukraina quddiem l-influenza distabilizzanti tar-Russja, qed toffri appoġġ fit-tisħiħ tal-forzi armati Ukraini u titlob lir-Russja tirtira t-truppi tagħha mill-Ukraina u ttemm l-annessjoni illegali tal-Krimea; billi n-NATO kienet iddikjarat li se tkompli taspira għal relazzjoni ta' kooperazzjoni u relazzjoni kostruttiva mar-Russja, inkluż il-bini ta' fiduċja reċiproka, u ddikjarat li l-mezzi ta' komunikazzjoni mar-Russja se jibqgħu miftuħa;

L.  billi t-traġedja tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines fir-reġjun ta' Donetsk qajmet għadab kbir fost l-opinjoni pubblika internazzjonali u Ewropea; billi n-NU u l-UE esiġew investigazzjoni internazzjonali dettaljata taċ-ċirkustanzi tal-inċident, u billi huwa obbligu morali u legali li l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

M.  billi s-Sur Mykola Zelenec, Konslu Onorarju tal-Litwanja f'Luhansk, ġie maħtuf u maqtul brutalment mir-ribelli;

1.  Jilqa’ l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Minsk għall-waqfien mill-ġlied u jappella lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-isforzi kollha sabiex jimplimentawh b'mod sħiħ u b'rieda tajba bl-għan li jwittu t-triq għall-bidu ta' proċess ġenwin ta’ paċi, inkluż kontroll permanenti u effettiv tal-fruntiera tal-Ukraina verifikata mill-OSKE, l-irtirar sħiħ u inkondizzjonat tat-truppi Russi, ta' gruppi armati illegali, ta' tagħmir militari u ta' merċenarji mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukraina u l-ħelsien tal-ostaġġi; jiddeplora l-fatt li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied qed ikun miksur b'mod persistenti, l-aktar mit-truppi Russi u mill-forzi tas-separatisti u li t-tisħiħ tagħhom għadu għaddej; jenfasizza bil-qawwa li jista' għandu jkun hemm biss soluzzjoni politika għal dan il-kunflitt;

2.  Jappella lin-naħat kollha biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni jew aġir li kieku jipperikola l-ftehim; jesprimi t-tħassib serju tiegħu, madankollu, li l-waqfien mill-ġlied hu pretest għat-truppi Russi li jerġgħu jiġbru l-forzi tagħhom sabiex ikomplu l-offensiva li tistabbilixxi 'kuritur fuq l-art' għall-Krimea u lil hinn mit-Transnistria;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-Federazzjoni Russa talli kompliet bi 'gwerra ibrida' mhux iddikjarata kontra l-Ukraina bl-użu ta' forzi Russi regolari u bl-appoġġ ta' gruppi armati illegali; jenfasizza l-fatt li dawn l-azzjonijiet mit-tmexxija Russa jikkostitwixxu theddida mhux biss għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina imma għall-kontinent Ewropew sħiħ; jistieden lir-Russja tirtira minnufih l-assi u l-forzi militari kollha tagħha mill-Ukraina, tipprojbixxi l-flussi ta' ġellieda u armi fil-Lvant tal-Ukraina, u ttemm l-appoġġ, dirett jew indirett, għall-azzjonijiet tal-forzi separatisti fit-territorju Ukrain;

4.  Itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u d-dritt tagħha li tagħmel għażla Ewropea; itenni li l-komunità internazzjonali mhux se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sevastopol kif ukoll ta' tentattivi ta' ħolqien ta' kważi-repubbliki f'Donbas; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' prodotti mill-Krimea sakemm ma jkunux akkumpanjati minn ċertifikat tal-oriġini mill-awtoritajiet Ukraini; jikkundanna, barra minn hekk, l-għoti ta' passaport furzat liċ-ċittadini Ukraini fil-Krimea, il-persekuzzjoni tal-Ukraini u tat-Tartari tal-Krimea, kif ukoll it-theddid magħmul mill-mexxejja li pproklamaw lilhom infushom kontra ċittadini tal-Krimea li esprimew l-interessi tagħhom li jivvotaw fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

5.  Jenfasizza li l-OSKE għandha rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-kriżi tal-Ukraina minħabba l-esperjenza tagħha fl-itrattar ta' kunflitt armat u kriżijiet u l-fatt li kemm il-Federazzjoni Russa kif ukoll l-Ukraina huma membri ta' din l-organizzazzjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz sabiex isaħħu u jżidu l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina kemm f’termini ta’ persunal ta' esperjenza kif ukoll f’termini ta’ loġistika u tagħmir; jenfasizza l-bżonn li jitqiegħdu mingħajr aktar dewmien l-osservaturi tal-OSKE tul il-partijiet tal-fruntiera tal-Ukraina u r-Russja li attwalment tinsab taħt il-kontroll tas-separatisti;

6.  Jenfasizza li r-riforma u l-aġenda ta' Assoċjazzjoni jridu jimxu flimkien mal-ġlieda kontinwa li tiżgura l-integrità u l-unità territorjali tal-Ukraina; itenni li dawn iż-żewġ kompiti huma marbuta sew u b'mod sinerġiku flimkien; jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu politiku u għal deċentralizzazzjoni li jibqgħu jiżguraw li l-awtorità fuq it-territorju kollu tibqa' mal-gvern ċentrali, b'hekk tkun garantita l-unità tal-Ukraina; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena l-fiduċja bejn il-komunitajiet differenti fis-soċjetà u jappella għal proċess ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli; jenfasizza l-importanza, f'dan il-kuntest, li jiġi stabbilit djalogu nazzjonali inklużiv, filwaqt li jiġu evitati l-propaganda, id-diskors ta' mibegħda u r-retorika, li jistgħu jkomplu jiggravaw il-konflitt; jenfasizza li djalogu inklużiv bħal dan għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil ċittadini mir-reġjuni u l-minoranzi kollha;

7.  Jilqa' r-ratifika simultanja tal-AA/DCFTA mill-Verkhovna Rada u l-Parlament Ewropew; iqis dan bħala pass importanti li juri impenn miż-żewġ naħat lejn implimentazzjoni b'suċċess; jieħu nota tal-posponiment eventwali tal-implimentazzjoni provviżorja tad-DCFTA bejn l-UE u l-Ukraina sal-31 ta' Diċembru 2015, li se jkun sostitwit mill-prolongazzjoni tal-miżuri ta' kummerċ unilaterali li jirrapreżentaw implimentazzjoni asimetrika de facto tal-ftehim; jiddeplora l-miżuri straordinarji u l-livell ta' pressjoni li qed tagħmel ir-Russja; jiddikjara li l-ftehim la jista' u lanqas se jinbidel u li dan kien magħmul ċar mill-Unjoni Ewropea matul ir-ratifika; jistieden lill-Istati Membri biex jipproċedu malajr bir-ratifika tal-AA/DCFTA mal-Ukraina; jieħu nota tal-konsultazzjoni li għaddejja bejn l-Ukraina, ir-Russja u l-UE dwar l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA mal-Ukraina u jittama li din tgħin biex jiġi solvut kwalunkwe nuqqas ta' ftehim;

8.  Jenfasizza li x-xhur li ġejjin sal-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA għandhom jintużaw biex ikunu indirizzati t-trasformazzjoni u l-modernizzazzjoni meħtieġa tas-sistema politika tal-Ukraina u l-ekonomija u s-soċjetà tagħha bi qbil mal-aġenda ta' Assoċjazzjoni; jilqa' l-programm ta' riforma mħabbar mill-President Poroshenko li jinkludi liġijiet kontra l-korruzzjoni, id-deċentralizzazzjoni u l-amnestija; jappella lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ifasslu b'mod urġenti pakkett komprensiv u ambizzjuż ta' assistenza finanzjarja u għajnuna għall-Ukraina, u b'mod partikolari għall-poplu fil-Lvant tal-Ukraina, bħala appoġġ għall-ħidma fuq soluzzjoni politika u rikonċiljazzjoni nazzjonali;

9.  Jinnota l-liġijiet dwar l-istatus speċjali ta' xi distretti tar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk u dwar l-amnestija adottata mill-Verkhovna Rada fis-16 ta' Settembru 2014 bħala kontribut importanti biex ttinaqqas l-eskalazzjoni fi ħdan il-pjan ta' implimentazzjoni tal-Pjan ta' Paċi tal-President tal-Ukraina;

10.  Jappoġġa l-mizuri restrittivi li l-UE adottat kontra r-Russja matul is-sajf minħabba l-aggressjoni kontinwa tar-Russja, u jinnota l-infurzar tagħhom fit-12 ta' Settembru 2014; huwa tal-opinjoni li kull sanzjoni għandha titfassal b'tali mod li ma tippermettix lill-kumpaniji marbuta mar-Russja li jevitawhom; jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib tali forom ta' kooperazzjoni ekonomika bħal skambji għal ekwità u impriżi konġunti;

11.  Jenfasizza r-riversibbiltà u l-gradwalità tal-miżuri restrittivi tal-UE, li jiddependu fuq is-sitwazzjoni fil-post fl-Ukraina.

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jadottaw sett ċar ta' punti ta' riferiment li, meta jinkisbu, jistgħu jimpedixxu l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-Russja jew iwasslu għat-tneħħija ta' dawk preċedenti; jemmen li dawn il-punti ta' riferiment għandhom jinkludu: l-irtirar kollu tat-truppi u l-merċenarji Russi mit-territorju tal-Ukraina; il-waqfien tal-provvista tal-armi u t-tagħmir lit-terroristi; ir-rispett sħiħ tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied mir-Russja; l-istabbiliment tal-kontroll u l-verifika internazzjonali effettivi tar-reġim tal-waqfien mill-ġlied; u l-istabbiliment mill-ġdid tal-kontroll tal-Ukraina fit-territorju kollu tagħha; jappella lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex ma jikkunsidrawx it-tneħħija ta' kwalunkwe sanzjoni qabel ma dawn il-kundizzjonijiet jintlaħqu u biex jibqgħu lesti li jimponu sanzjonijiet ulterjuri fuq ir-Russja għal kwalunkwe azzjoni mwettqa mir-Russja biex iddgħajjef il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew biex tkompli teskala t-tensjonijiet fl-Ukraina;

13.  Ifakkar li l-miżuri restrittivi meħuda mill-UE huma marbuta direttament mal-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Federazzjoni Russa permezz tal-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, filwaqt li l-miżuri kummerċjali meħuda mill-Federazzjoni Russa, inklużi dawk kontra l-Ukraina u pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant li dan l-aħħar ikkonkludew Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE, mhumiex ġustifikati; jistieden lill-UE biex tqis li teskludi lir-Russja mill-kooperazzjoni nukleari ċivili u mis-sistema Swift;

14.  Jappella lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib l-impatt tal-hekk imsejħa "kontro sanzjonijiet" Russi u tieħu miżuri ta' malajr biex tappoġġa lil dawk il-produtturi li qed jintlaqtu mir-restrizzjonijiet kummerċjali Russi; jilqa' l-miżuri adottati mill-Kunsill Agrikoltura tal-UE fil-5 ta' Settembru 2014, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora modi biex l-UE tkun tista' tiflaħ aktar għal kriżijiet simili fil-futur u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja b'mod sostanzjali u f'waqtu lill-produtturi Ewropej affettwati; jiddispjaċih dwar is-sospensjoni tal-miżuri ta' emerġenza tas-suq għas-swieq tal frott u l-ħxejjex li jmorru malajr, imma jikkundanna kull abbuż tal-appoġġ; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta skema ġdida malajr kemm jista' jkun;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib is-swieq agrikoli, tal-ikel, tas-sajd u tal-akwakultura, biex tinforma lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar kull tibdil u biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri meħuda sabiex possibbilment testendi l-lista ta' prodotti koperti u żżid il-baġit ta' EUR 125 miljun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE biex ma tirrestrinġix lilha nnifisha għal miżuri tas-suq imma wkoll li tieħu miżuri biex issaħħaħ il-preżenza tal-UE fis-swieq ta' pajjiżi terzi (pereżempju attivitajiet promozzjonali);

16.  Iqis il-possibbiltà li jintużaw fondi tal-UE minbarra fondi agrikoli, minħabba li l-kriżi hi l-ewwel u qabel kollox ta' natura politika u mhux ir-riżultat ta' falliment tas-suq jew ta' kundizzjonijiet tat-temp ħżiena;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-istabilità politika u ekonomika u l-iżvilupp tar-Russja fuq perjodu ta' żmien medju u twil jiddependu fuq l-introduzzjoni ta' demokrazija vera u jisħaq li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja se jiddependi fuq l-isforzi biex jissaħħew id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-Russja;

18.  Jesprimi sodisfazzjon għall-ħelsien tal-ostaġġi miżmuma mill-gruppi armati illegali fil-Lvant tal-Ukraina u jappella biex jinħelsu l-priġunieri Ukraini miżmuma arrestati fil-Federazzjoni Russa; jindika b'mod partikolari l-każ ta' Nadezhda Savchenko, voluntiera Ukraina li nqabdet mis-separatisti f'Ġunju 2014 u li sussegwentement ġiet trasferita lejn ir-Russja u li għada f'detenzjoni; jindika wkoll il-każijiet tad-diretturi tal-films u ġurnalisti Oleg Sentsov, Oleskiy Chierny, Gennadiy Afanasiev u Aleksandr Kolchenko, maqbuda fil-Krimea;

19.  Jilqa' l-wegħda mġedda tal-NATO li tipprijoritizza s-sigurtà kollettiva u l-impenn lejn l-Artikolu 5 tat-Trattat Washington; jilqa' d-deċiżjonijiet tas-samit tan-NATO ta' Newport li jżidu l-livell ta' sigurtà tal-allejati tal-Lvant, inkluż bil-ħolqien ta' Task Force Konġunta ta' Intervent Rapidu (Very High Readiness Joint Task Force (VJTF)) , ta' preżenza militari permanenti permezz ta' rotazzjoni u t-twaqqif ta' infrastruttura loġistika, kif ukoll ta' sforzi maħsuba biex isaħħu l-forzi armati tal-Ukraina biex tipprovdi għas-sigurtà tagħha stess; jieħu nota tal-fatt li l-Allejati tan-NATO fuq livell bilaterali jistgħu jipprovdu lill-Ukraina bl-armi, bit-teknoloġija u bit-tagħrif meħtieġ għas-sigurtà u d-difiża tagħhom; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kriżi fl-Ukraina;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjoni indipendenti, rapida u sħiħa, iddelegata lid-Dutch Safety Board, tal-kawżi tat-traġedja tal-Malaysia Airlines MH17, u l-ħtieġa li dawk responsabbli għat-traġedja jitressqu quddiem il-ġustizzja; jinnota li d-Dutch Safety Board ħareġ rapport preliminari dwar l-investigazzjoni rigward it-traġedja tal-MH17 fid-9 ta' Settembru 2014; jenfasizza li, abbażi tas-sejbiet preliminari sal-lum, l-ebda indikazjoni ta' kwalunkwe kwistjoni teknika jew operattiva ma nstabu dwar l-ajruplan jew l-eqwipaġġ, u li l-ħsara osservata fit-taqsima tal-bidu tidher li tindika li l-ajruplan kien penetrat minn għadd kbir ta' oġġetti b'enerġija qawwija minn barra l-ajruplan; jiddeplora l-fatt li r-ribelli għadhom mhux qed jippermettu aċċess mingħajr tfixkil lill-investigaturi għas-sit tat-traġedja, u jitlob lill-partijiet kollha jiffaċilitaw aċċess immedjat;

21.  Jemmen bis-sħiħ li l-unika risposta vijabbli tal-UE għat-theddid tar-Russja hi li tibqa' flimkien u titkellem b'vuċi waħda; jemmen li l-UE jeħtieġ terġa' tfassal ir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja, tabbanduna l-kunċett ta' sħubija strateġika u li ssib approċċ ġdid u unifikat;

22.  Jesprimi tħassib serju fir-rigward tas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Lvant tal-Ukraina, speċjalment fir-rigward tax-xitwa li ġejja; jirrimarka l-ħtieġa urġenti li jingħataw assistenza umanitarja u provvisti lill-popolazzjoni fiż-żoni milquta mill-kunflitt, lin-nies spostati internament u lir-rifuġjati; jieħu spunt mit-twissija reċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa li l-Lvant tal-Ukraina qed jiffaċċja emerġenza fil-qasam tas-saħħa, fejn l-isptarijiet mhumiex jiffunzjonaw kompletament u hemm nuqqas ta' mediċini u vaċċini; jilqa' d-deċiżjoni reċenti tal-Kummissjoni li talloka EUR 22 miljun f'għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp fl-Ukraina; jitlob għal sforzi urġenti akbar taħt it-tikketta u s-superviżjoni sħiħa tal-UE, inkluż konvoj tal-għajnuna umanitarja, li jikkontribwixxu biex jappoġġaw dawk l-aktar fil-bżonn; ifakkar li t-twassil ta' għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina jrid isir f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Gvern Ukrain, man-NU u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA); jesprimi r-rispett profond tiegħu għax-xogħol fenomenali ta' gruppi ta' ċittadini Ukraini fil-qasam tal-għajnuna umanitarja fil-Lvant tal-Ukraina, b'mod speċjali fir-rigward tal-evakwazzjoni tat-tfal, il-kura tas-saħħa u l-provvista tal-ikel;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda l-preparament tat-tielet pakkett ambizzjuż ta’ assistenza makrofinanzjarja għall-Ukraina, kif ukoll biex ikollha rwol ewlieni fl-organizzazzjoni tal-Konferenza tad-Donaturi għall-Ukraina, li għandha ssir qabel l-aħħar tal-2014, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-soċjetà ċivili; jenfasizza l-importanza ta' impenn mill-komunità internazzjonali biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u politika u r-riforma fl-Ukraina;

24.  Jirrikomanda l-isforzi kontinwi li saru mill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni u partikolarment jiżguraw li t-tfal kollha se jkunu jistgħu jirritornaw lejn l-iskejjel li kienu affettwati mill-konflitt mill-aktar fis possibbli; ifakkar fl-importanza li jkun provdut appoġġ psikoloġiku lit-tfal kollha li kienu esposti direttament għall-avveniment vjolenti;

25.  Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif illegali ta' uffiċjal Estonjan tal-counterintelligence mit-territorju Estonjan lejn ir-Russja u jitlob lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jeħilsu lis-Sur Kohver u jippermettulu ritorn sikur lejn l-Estonja;

26.  Iqis li hu importantissmu li titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq ir-Russja u reġimi awtoritarji oħra; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2014 jadotta pjan ta’ emerġenza ambizzjuż u komprensiv għax-xitwa li ġejja, billi jinkludi wkoll lill-pajjiżi ġirien bħall-Ukraina;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti riċenti kredibbli dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni ta’ kunflitt, okkupati l-aktar mit-truppi regolari Russi u mis-separatisti; jappoġġa t-talba lill-Gvern tal-Ukraina biex joħloq reġistru uniku u aġġornat regolarment tal-inċidenti ta' ħtif irrappurtat, u jinvestiga bir-reqqa u b'mod imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta' użu abbużiv ta' forza, trattament ħażin jew tortura;

28.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-raba’ rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni mill-Ukraina tal-Pjan ta' Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-viża u d-deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Ukraina tgħaddi għat-tieni fażi; Jinsisti fuq il-finalizzazzjoni malajr tar-reġim mingħajr viża bejn l-UE u l-Ukraina għala reazzjoni konkreta għall-aspirazzjonijiet Ewropej għan-nies li pprotestaw f'Maidan Square; itenni t-talba tiegħu, sadattant, għall-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u rħas;

29.  Jitlob biex jitkomplew it-taħdidiet trilaterali dwar il-provvista tal-gass tal-Ukraina li ġew sospiżi minn Ġunju 2014 sabiex jinstab mod ħalli jergħġu jitkomplew; itenni l-ħtieġa li tkun żgurata l-provvista tal-gass permezz ta' flussi tal-gass bil-maqlub mill-istati ġirien lejn l-Ukraina;

30.  Jistieden lill-UE tikkunsidra l-ħżin tal-gass, l-interkonnetturi u l-faċilitajiet ta’ drenaġġ bħala assi strateġiċi, u għaldaqstant tirregola s-sehem tan-negozju ta’ partijiet terzi f’dawk is-setturi kruċjali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jikkanċellaw il-ftehimiet ippjanati mar-Russja fis-settur tal-enerġija, il-pipeline tal-gass South Stream;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ radikalment is-sigurtà tal-enerġija, l-indipendenza u r-reżiljenza tal-UE għal pressjoni esterna permezz tal-konsolidament tas-setturi tal-enerġija, ta' aktar żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiżi ġirien tal-UE u l-iżvilupp tal-interkonnetturi tal-enerġija bejn dawn il-pajjiżi u mal-UE, bi qbil mal-objettivi tal-Komunità Enerġetika, u li jkunu implimentati dawn il-proġetti prijoritarji ta' interess komuni bl-akbar urġenza sabiex jinbena suq tal-gass liberu u li jiffunzjona sew fl-Ewropa;

32.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni li ttieħdet mill-gvern Franċiż biex iwaqqaf il-forniment ta' trasportaturi tal-elikotteri Mistral, u jappella lill-Istati Membri kollha biex iġibu ruħhom bl-istess mod fir-rigward tal-prodotti għal esportazzjoni mhux koperti mid-deċiżjonijiet tal-UE dwar sanzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-armi u l-materjal b'użu doppju; ifakkar li, fiċ-ċirkostanzi attwali, dan il-kuntratt ikun imur kontra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi u l-Pożizzjoni Komuni tal-2008 li tiddefinixxi r-regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ l-embargo fuq il-kummerċ tal-armi u l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' merkanzija b'użu doppju għal utenti finali militari;

33.  Jilqa d-deċiżjoni li jinżammu elezzjonijiet parlamentari bikrija fl-Ukraina fis-26 ta' Ottubru 2014 u jistenna li l-gvern jiżgura elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-Ukraina tistabbilixxi trasparenza fl-iffinanzjar tal-partiti u tal-kampanja politika tagħhom u li tindirizza b’mod sħiħ ir-rimarki kollha li sar riferiment għalihom fis-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet presidenzjali riċenti; jistieden lill-partiti politiċi kollha li fil-preżent huma rappreżentati fil-Verkhovna Rada biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, u lill-partijiet kollha biex jirrispettaw ir-riżultat tagħhom; jittama li jkun hemm maġġoranza qawwija għall-isfidi importanti u r-riformi meħtieġa li għad irid jiġu; iħeġġeġ lill-forzi ribelli fil-Lvant tal-Ukraina biex ma jostakolawx il-proċess elettorali u jiggarantixxu d-dritt fundamentali tar-residenti ta' Donbas li jeleġġu liberament ir-rappreżentanti tagħhom; jinsab impenjat li jibgħat osservaturi tal-elezzjoni sabiex jimmonitorjaw dawn l-elezzjonijiet u jitlob għal missjoni internazzjonali sostanzjali ta' monitoraġġ tal-elezzjoni biex tissorvelja din l-elezzjoni kruċjali li se sseħħ taħt kundizzjonijiet diffiċli;

34.  Jenfasizza li l-Russja issa għandha, anqas raġuni minn qatt qabel li tikkritika l-Ftehim bejn l-UE u l-Ukraina jew li tirreaġixxi b'restrizzjonijiet tal-kummerċ u aggressjonijiet militari mingħajr ġustifikazzjoni; jesprimi tħassib li dan l-iżvilupp il-ġdid hu ta' inċentiv għar-Russja biex teskala l-politika tagħha ta' intimidazzjoni tal-Ukraina u li tqiegħdha fl-isfera ta' influenza tagħha; jinkwieta li dan jista' jwassal biex is-sitwazzjoni tinfirex fil-Georgia u l-Moldova;

35.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li t-tmexxija Russa tqis is-Sħubija tal-Lvant tal-UE bħala theddida għall-interessi politiċi u ekonomiċi tagħha; jenfasizza l-fatt li, bil-kontra, ir-Russja se tmur tajjeb minn aktar attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi, waqt li s-sigurtà tar-Russja se tissaħħaħ b'viċinat stabbli u prevedibbli; jiddeplora l-użu tal-kummerċ mir-Russja bħala strument biex tiddestabilizza r-reġjun billi tintroduċi għadd ta’ projbizzjonijiet ta’ importazzjoni fuq prodotti mill-Ukraina u l-Moldova, u aktar reċentament billi tirrinunzja ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTA) tal-KSI mal-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova u billi konsegwentament tintroduċi mill-ġdid tariffi tal-pajjiż l-aktar favorit (MFN) għal prodotti li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi;

36.  Itenni l-opinjoni tiegħu f'dan ir-rigward li dan il-ftehim ma jikkostitwixxix l-għan aħħari tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Ukraina – bħal kwalunkwe Stat Ewropew ieħor – għandha perspettiva Ewropea u tista' tapplika sabiex issir membru tal-Unjoni Ewropea, dment li taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-bniedem u dawk tal-minoranzi u tiżgura l-istat tad-dritt;

37.  Jenfasizza li r-relazzjonijiet ta' sħubija u kooperazzjoni mar-Russja għandhom jerġgħu jiġu stabbiliti meta r-Russja turi konformità mad-dritt internazzjonali, tikkontribwixxi attivament u mingħajr ambigwità għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi tal-Ukraina, u tirrispetta bis-sħiħ l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tal-Ukraina, kif ukoll ta' pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant u l-ġirien tagħha; jistieden lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President il-ġdid tieħu rwol proattiv biex tiffaċilita d-djalogu bejn l-Ukraina u r-Russja, kif ukoll id-djalogu tal-UE mar-Russja, u biex tippromwovi soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti; jemmen, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tesplora l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-UE mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

(1) Testi adottati P7_TA(2014)0170.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0248.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0457.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0009.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0101.

Avviż legali - Politika tal-privatezza