Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2040(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0014/2014

Testi mressqa :

A8-0014/2014

Dibattiti :

PV 21/10/2014 - 16
CRE 21/10/2014 - 16

Votazzjonijiet :

PV 22/10/2014 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0036

Testi adottati
PDF 505kWORD 189k
L-Erbgħa, 22 ta' Ottubru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 - it-taqsimiet kollha
P8_TA(2014)0036A8-0014/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (12608/2014 – C8-0144/2014 – 2014/2040(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) (IIA tat-2 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2015 - Taqsima III – Il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2014 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2014 (COM(2014)0300),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottata mill-Kunsill fit-2 ta' Settembru 2014 u li ntbagħat lill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Settembru 2014 (12608/2014 – C8-0144/2014),

–  wara li kkunsidra l-Ittra ta' Emenda Nru 1/2015 għall-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 ippreżentata mill-Kummissjoni fid-data 15 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Bureau tal-15 ta' Settembru 2014 u n-nota riveduta tas-Segretarju Ġenerali tas-17 ta' Settembru 2014 dwar il-qari tal-PE dwar l-abbozz ta' baġit tiegħu għall-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi jżid in-numru ta' Mħallfin fil-Qorti Ġenerali(7),

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni tal-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati kkonċernati l-oħra (A8-0014/2014),

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ l-investiment strateġiku fl-azzjonijiet b'valur miżjud Ewropew bħala għajnuna biex l-ekonomija Ewropea terġa' ssib triqtha, jiġu ġġenerati l-kompetittività, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, b'mod partikolari impjiegi fost iż-żgħażagħ, filwaqt li l-objettiv ikun iż-żieda fil-koeżjoni ekonomika u soċjali;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern qablu għal darb'oħra f'Ġunju 2014 dwar il-ħtieġa (imtennija waqt il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f'Awwissu 2014) ta' investiment, u li l-ekonomiji tal-Istati Membri jitħejjew għall-ġejjieni billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' investiment li suppost ilhom li ġew sodisfatti fl-infrastruttura tat-trasport, fl-enerġija u fit-telekomunikazzjonijiet (inkluża t-tlestija tas-suq uniku diġitali sal-2015), li huma ta' importanza għall-Unjoni, kif ukoll fl-effiċjenza enerġetika, l-innovazzjoni u r-riċerka u l-ħiliet; ifakkar fir-rwol indiskutibbli li jiżvolġi l-baġit tal-Unjoni Ewropea biex jinkisbu dawn l-objettivi politiċi;

3.  Ifakkar għal darb'oħra, li l-baġit tal-Unjoni ma għandu bl-ebda mod jitqies u jiġi vvalutat bħala sempliċiment partita finanzjarja mdaħħla bħala piż għall-baġits nazzjonali, iżda, għall-kuntrarju, għandu jinftiehem bħala opportunità biex jiġu intensifikati dawk l-inizjattivi u l-investimenti li huma ta' interess u ta' valur miżjud għall-Unjoni kollha kemm hi, u li fil-parti l-kbira tagħhom huma kodeċiżi mill-Parlament u mill-Kunsill;

4.  Itenni n-natura komplementari tal-baġit tal-Unjoni għall-baġits nazzjonali u l-impetu li joħloq għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi, u jenfasizza li fid-dawl tan-natura stess tiegħu u tad-daqs limitat tiegħu ma għandux jiġi kontrollat u mrażżan permezz ta' tnaqqis arbitrarju iżda, bil-maqlub, jeħtieġ li jissaħħew l-oqsma fil-mira;

5.  Jinnota li l-Abbozz ta' Baġit għall-2015 (AB) propost mill-Kummissjoni jammonta (flimkien mal-istrumenti speċjali) għal EUR 145 599,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (AI) u EUR 142 137,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament (AP); jevidenzja l-fatt li l-volum kumplessiv tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-AB jirrappreżenta żieda moderata ta' 1,4 % fuq il-Baġit tal-2014 (meta jitqiesu l-BE 1 u l-ABE 2-4/2014) u għadu EUR 2 biljun aktar baxx mill-baġit implimentat għall-2013; josserva li l-Kummissjoni pproponiet li tħalli marġni totali ta' EUR 1 478,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn taħt il-limiti massimi fl-AB tagħha;

6.  Jissottolinja l-importanza tal-aġenziji deċentralizzati, li huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-politiki u tal-programmi tal-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li jingħataw il-mezzi finanzjarji u l-persunal xierqa sabiex ikunu jistgħu jwettqu kif suppost il-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva;

Pożizzjoni tal-Kunsill

7.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, fil-qari tiegħu, naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 522 miljun u l-approprjazzjonijiet ta' pagament bi EUR 2,1 biljun, biex b'hekk stabbilixxa li l-baġit tal-Unjoni għall-2015 għal EUR 145 077,4 miljun f'impenji u EUR 139 996,9 miljun f'pagamenti; jindika li t-tnaqqis ta' EUR 2,1 biljun fil-pagamenti jkun jirrappreżenta tnaqqis ta' -0,18 % meta mqabbel mal-Baġit tal-2014 (inkluż il-BE 1/2014 u l-ABE 2-4/2014); jinsab partikolarment imħasseb dwar it-tnaqqis kbir fl-approprjazzjonijiet ta' pagament tal-fondi għall-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi taħt l-Intestatura 1a, u li dan jikkostitwixxi ksur mill-agħar tal-impenn tal-Kunsill li jegħleb il-kriżi u jerġa' jqajjem it-tkabbir ekonomiku;

8.  Jiddiżapprova l-qari tal-Kunsill dwar il-Baġit għall-2015 li jinjora n-natura pluriennali tal-politiki tal-Unjoni, u li minflok ma jittratta l-kwistjoni, ikompli jaggrava n-nuqqasijiet fil-pagamenti u jkompli jbatti r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni;

9.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-approċċ tal-Kunsill li jirranġa l-livell tal-pagamenti skont ir-rata tal-inflazzjoni, jinjora kompletament in-natura u l-funzjoni tal-karattru pluriennali tal-politiki tal-Unjoni u jagħmel il-QFP kompletament irrelevanti; jinnota f'dan ir-rigward li d-distakk dejjem jiżdied bejn l-approprjazzjonijiet ta' pagament u ta' impenn, jaggrava l-problemi bl-impenji pendenti akkumulati; jenfasizza l-impatt negattiv li għandu dan l-approċċ fuq kif iċ-ċittadini jipperċepixxu l-Unjoni; itenni fuq kollox li, sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika, l-Unjoni għandha żżid l-investimenti tagħha;

10.  Jiddeplora t-tnaqqis arbitrarju propost mill-Kunsill għal-linji amministrattivi u ta' appoġġ għall-finanzjament tal-implimentazzjoni ta' programmi kruċjali tal-Unjoni, li jista' jkun ta' ħsara għall-bidu b'suċċess ta' programmi ġodda, hekk kif nuqqas ta' kapaċità amministrattiva jinvolvi r-riskju serju li tixxekkel l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni;

11.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-użu min-naħa tal-Kunsill ta' kriterji doppji fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni fejn, minn naħa, qed jappella għal żieda fil-fondi tal-Unjoni f'oqsma li jistgħu jiġġeneraw tkabbir sostenibbli u, min-naħa l-oħra, qed jipproponi tnaqqis kbir f'oqsma ewlenin bħar-riċerka, l-innovazzjoni, l-ispazju, l-infrastruttura, l-SMEs u l-enerġija;

12.  Jilqa' pożittivament il-fehma li esprimew 13-il Stat Membru li qalu li huma konvinti li l-livell miftiehem mill-Kunsill għall-approprjazzjonijiet ta' pagament jista' ma jkunx biżżejjed u jista' jwassal għal pressjoni kbira biex l-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni jitwettqu puntwalment u biex l-impenji li diġà ttieħdu jiġu onorati; ifakkar li, skont l-Artikolu 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 'il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jkun hemm disponibbli l-mezzi finanzjarji sabiex jippermettu li l-Unjoni tissodisfa l-obbligi legali tagħha fir-rigward ta' partijiet terzi';

13.  Iqis li minħabba li sena wara l-oħra l-Kunsill naqas milli jkollu maġġoranza kwalifikata fil-livell intern biex jassigura livell ta' pagamenti li jippermettu lill-Unjoni tkopri ħtiġijiet ta' pagament li ma jeżisti l-ebda dubju dwarhom, huwa għandu responsabbiltà politika kbira għas-sitwazzjoni verament ta' tensjoni fir-rigward tal-pagamenti; jikkundanna l-fatt li dan progressivament wassal għall-ħolqien ta' defiċit strutturali fil-baġit tal-Unjoni, li jikkontradixxi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u jipperikola l-abilità tal-Kummissjoni li tonora l-obbligi ġuridiċi tagħha;

14.  Jinnota fl-istess ħin li l-mod kif inhu mfassal bħalissa l-baġit tal-Unjoni, fejn l-approprjazzjonijiet ta' pagament huma marbuta mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, jista' jħeġġeġ għażliet ħżiena fost l-Istati Membri, speċjalment fi żminijiet fejn l-importanza ta' baġit nazzjonali bilanċjat tinsab fil-qalba tad-diskussjoni; jenfasizza madankollu li tali livell ta' pagamenti huwa r-riżultat dirett ta' livell korrispondenti ta' impenji, li l-Kunsill adotta formalment bil-maġġoranza kwalifikata neċessarja fil-kuntest tal-proċeduri baġitarji annwali;

15.  Jiddispjaċih dwar il-kunflitt istintiv li hemm bejn il-Kunsill fuq naħa, u l-Parlament u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra; jappella sabiex jinstabu modi kif din it-tensjoni tinbidel fi skambju ta' opinjonijiet aktar produttiv; jispera li d-disponibilità għal attitudnijiet u proposti ġodda finalment se twassal għal tibdil strutturali li jippromwovi ftehim baġitarju bilanċjat li jirrifletti l-ambizzjonijiet u t-tħassib kemm tal-Parlament u kemm tal-Kunsill;

Il-qari fil-Parlament

16.  Jenfasizza li, apparti l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku li ntlaħaq fin-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 fir-rigward tal-konċentrazzjoni inizjali fl-approprjazzjonijiet għal objettivi politiċi speċifikati, il-Kummissjoni ma pproponietx sforzi addizzjonali biex takkomoda l-prioritajiet li, mhux biss kienu deskritti mill-Parlament, iżda wkoll li qablu dwarhom il-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew; jiddeċiedi għalhekk li jsaħħaħ iżjed ir-riżorsi finanzjarji għall-objettivi politiċi u l-prioritajiet strateġiċi tal-Unjoni f'għadd ta' oqsma;

17.  Jiddeċiedi li jikkonċentra t-tisħiħ tiegħu fuq il-programmi li jinsabu fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 mmirata biex trawwem it-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi, jiġifieri Orizzont 2020, COSME, Erasmus+, l-Aġenda Diġitali, Progress u l-Aġenda Soċjali (inklużi EURES u l-Faċilità ta' Mikrofinanzjament), billi dawn il-programmi huma eżempju ċar ta' kif l-Unjoni tikkontribwixxi lejn ekonomija innovattiva u li tirnexxi madwar il-kontinent; isaħħaħ iżjed barra minn hekk, il-programmi li huma strumentali sabiex tirnexxi l-aġenda għall-politika esterna tal-Unjoni, bħall-Politika tal-Viċinat, l-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja; jinsisti fuq il-bżonn li jiżdied ukoll il-finanzjament ta' programmi u inizjattivi importanti intiżi li jikkumbattu l-inugwaljanzi, bħall-FEAD, il-Programm "L-Ewropa għaċ-ċittadini", u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru;

18.  Jistabbilixxi għalhekk il-livell globali tal-approprjazzjonijiet għall-2015 għal EUR 146 380,9 miljun u EUR 146 416,5 miljun f’approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament rispettivament;

Nindirizzaw il-kriżi rikorrenti tal-pagamenti

19.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li r-riżorsi disponibbli taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għall-2015 jintużaw kompletament biex b'hekk ma jitħalla l-ebda marġni taħt il-limitu massimu tal-pagamenti għall-2015; ireġġa' t-tnaqqis kollu min-naħa tal-Kunsill fir-rigward tal-pagamenti lura għal li kien, abbażi tat-tendenzi ta' implimentazzjoni attwali u dawk mistennija;

20.  Jenfasizza madankollu li anke l-użu sħiħ tal-limitu massimu tal-pagamenti għall-2015, mhuwiex biżżejjed biex jiġu indirizzati adegwatament il-problemi attwali tal-Unjoni fil-qasam tal-pagamenti, li nqalgħu mill-baġit tal-Unjoni għall-2010 'l hawn; jinnota partikolarment l-akkumulu qawwi ta' pagamenti fl-aħħar snin li wassal għal livell mingħajr preċedent ta' EUR 23,4 biljun fi tmiem l-2013, u dan meta titqies il-politika ta' koeżjoni biss, u jibża' li dan jista' jkun ta' grad simili għal tmiem l-2014; jenfasizza għalhekk li l-problema rikorrenti ta' nuqqas ta' pagamenti jeħtiġilha tiġi indirizzata b'mod effettiv mingħajr aktar dewmien; jiddeċiedi għalhekk li fir-rigward ta' għadd ta' linji baġitarji jmur lil hinn mill-proposti tal-Kummissjoni għall-pagamenti b'EUR 4 biljun, inklużi ''l-linji ta' tkomplija 2007-2013'' ewlenin tal-fondi strutturali tal-Unjoni u l-programmi ta' riċerka, fejn is-sitwazzjoni fil-pagamenti hija kritika ħafna;

21.  Jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tkun lesta biex tippreżenta proposti rilevanti għall-mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta' flessibilità inklużi fir-Regolament dwar il-QFP; itenni l-intenzjoni tiegħu li ma jaċċettax xi interpretazzjoni ristretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-flessibilità u l-istrumenti speċjali inklużi fir-Regolament dwar il-QFP u FII tat-2 ta' Diċembru 2013, li ġew innegozjati b'suċċess mill-Parlament;

22.  Jinsisti għal darb'oħra li l-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha li jiġu mobilizzati permezz tal-użu ta' strumenti speċjali jridu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-limitu massimu għall-pagamenti fil-QFP;

23.  Ifakkar fl-eżempju impressjonanti tan-nuqqas drammatiku ta' approprjazzjonijiet ta' pagament għall-għajnuna umanitarja, esperjenzat fi tmiem l-2013 u fl-ewwel trimestru tal-2014, li seta' jissolva biss permezz ta' soluzzjonijiet fuq żmien qasir u temporanji fil-forma ta' trasferimenti fi ħdan il-baġit adottat; jinsab preokkupat ħafna li sitwazzjoni ta' dan it-tip probabbli li terġa' sseħħ anke f'oqsma politiċi oħra bħar-Riċerka/l-Iżvilupp u l-innovazzjoni;

24.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex jiġu identifikati b'mod ċar il-ħtiġijiet għall-2015 li jirriżultaw mis-snin preċedenti, in-negozjati dwar il-ħtiġijiet ta' pagament addizzjonali għall-2014 għandhom jiġu ffinalizzati qabel il-konċiljazzjoni dwar il-Baġit għall-2015; itenni l-fatt li l-ABE 2, 3 u 4/2014 għandhom jiġu kkunsidrati bħala pakkett u li l-Kunsill ma jistax jistenna li jibbenefika mid-dħul mhux mistenni li jirriżulta mill-inklużjoni fil-baġit tal-ammonti żejda u tal-multi mingħajr ma jaġixxi fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' pagament addizzjonali ppreżentati fl-ABE 3/2014; ifakkar li l-ABE 2, 3 u 4/2014 kollha flimkien u mingħajr emendi, jirrappreżentaw impatt baġitarju kumplessiv ta' kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-ING li jammontaw għal EUR 106 miljun biss, li saru disponibbli mill-Istati Membri bil-għan li jiġu garantiti biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 biex ikopru l-obbligi ġuridiċi attwali tal-Unjoni;

25.  Jissottolinja li l-livell tal-approprjazzjonijiet, b'mod speċjali fil-pagamenti, li ġie vvotat mill-Parlament fil-qari tiegħu, hu bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-ABE pendenti kollha għall-2014 se jiġu adottati kompletament;

26.  Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex jiġu żgurati r-riżorsi adegwati għall-pjanijiet ta' investiment madwar l-Unjoni (kif imsemmi mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2014 u enfasizzat bħala prijorità politika ewlenija tal-President elett Juncker fil-linji gwida tiegħu(8)), it-tkomplija tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, b'mod speċjali l-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ mill-baġit għall-2016, u sabiex tiġi indirizzata l-problema persistenti tal-approprjazzjonijiet ta' pagament, ir-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020, kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP, għandha titnieda malajr kemm jista' jkun mill-Kummissjoni l-ġdida;

Intestatura 1a

27.  Jinnota li l-Intestatura 1a għandha l-akbar sehem mit-tnaqqis tal-Kunsill, kemm f'impenji (EUR -323,5 miljun meta mqabbel mal-AB) u kemm f'pagamenti (EUR -1 335 miljun), minkejja l-fatt li, għal darb'oħra, f'Ġunju 2014 il-Kunsill Ewropew qiegħed it-tkabbir, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fil-quċċata tal-aġenda politika tiegħu; jenfasizza l-fatt li uħud minn dan it-tnaqqis mhuwiex konformi mal-ftehim dwar il-QFP 2014-2020, peress li jnaqqas b'mod qawwi l-programm Orizzont 2020 (b'EUR 190 miljun f'impenji meta mqabbel mal-AB), li kellu konċentrazzjoni inizjali sinifikanti bl-ammont ta' EUR 200 miljun fl-2014, kif ukoll il-programm ITER (EUR -11,2 miljun) li minflok għandu jkollu konċentrazzjoni inizjali fl-2015 bħala kumpens għall-fatt li, fl-2014, kellu konċentrazzjoni fil-finanzjament fl-aħħar;

28.  Jemmen li, sabiex ikun hemm aktar sigurtà tal-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija huma wkoll essenzjali fil-kuntest ta' dipendenza tal-enerġija fuq ir-Russja, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li l-aktar li jiddependu fuq il-gass mir-Russja; jappella sabiex l-objettivi tal-infiq tal-fondi tal-enerġija fil-qafas ta' Orizzont 2020 jiġu allinjati mal-impenji li saru matul il-proċess leġiżlattiv;

29.  Jikkontesta t-tnaqqis applikat mill-Kunsill għall-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (EUR -34,4 miljun), flimkien mal-fatt li l-finanzjament ta' dan il-programm għall-2015 ġie kkonċentrat fl-aħħar, fatt li diġà tqies fl-AB b'segwitu għall-ftehim dwar il-QFP; jinsab imħasseb dwar ir-riskji ta' bidu ineffikaċi ta' dan il-programm strateġiku, li hu ta' importanza topika għall-investimenti futuri fl-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni, tat-trasport u l-enerġija, li jistgħu jagħtu spinta lill-ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa;

30.  Jiddeċiedi għalhekk li, bħala prinċipju ġenerali, ireġġa' l-livell tal-AB għall-2015 lura għal li kien fir-rigward tat-tnaqqis kollu li sar mill-Kunsill, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti; barra minn hekk iżid għadd magħżul ta' linji fi ħdan il-programmi li jikkorrispondu mal-prijoritajiet tal-Parlament taħt l-Intestatura 1a (Orizzont 2020, COSME, Erasmus +, l-Aġenda Diġitali, l-Aġenda Soċjali), billi jeżawrixxi l-marġni (żidiet totali lil hinn mill-AB ta' madwar EUR 200 miljun);

31.  Iqis barra minn hekk li hemm bżonn li l-linji tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija jiżdiedu b'ammont totali ta' EUR 34 miljun lil hinn mill-AB, sabiex jittaffa parzjalment l-effett tal-konċentrazzjoni tal-finanzjament fi tmiem il-perjodu ta' dan il-programm għat-tieni sena konsekuttiva bħala riżultat tal-ftehim dwar il-QFP; jikkunsidra li anke t-tisħiħ ulterjuri tal-investimenti fl-aġenda diġitali u l-broadband hu ta' prijorità u, b'konsegwenza ta' dan, iżid il-linji tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Netwerks tat-Telekomunikazzjoni bl-ammont ta' EUR 12-il miljun lil hinn mill-AB;

32.  Huwa tal-fehma li ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju lill-SME huwa essenzjali sabiex l-ekonomija tal-Unjoni tkun tista' terġa' tikber u toħroġ mill-kriżi, u b'hekk tkun megħjuna l-ġlieda kontra l-qgħad; jemmen li spiss jiġi enfasizzat ir-rwol tal-innovazzjoni tal-SME għall-kompetittività tal-UE, iżda li l-appoġġ għal dan mhuwiex iffinanzjat biżżejjed; jiddeċiedi għaldaqstant li jżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mill-AB b'EUR 26,5 miljun favur l-SME u l-intraprenditorija; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura approċċ minn isfel għal fuq ġenwin fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiddedika biżżejjed riżorsi għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SME;

33.  Iżid lil hinn mill-AB l-impenji għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni (EBA, EIOPA u ESMA) għal ammont totali ta' EUR 6,1 miljun;

34.  Jinsab imħasseb dwar in-numru dejjem jiżdied ta' każijiet li fihom qed jidhru l-effetti tan-nuqqas ta' pagament taħt l-Intestatura 1a, speċjalment fil-qafas ta' Orizzont 2020, fejn il-finanzjament minn qabel qed jonqos u għadd kunsiderevoli ta' proġetti huma bblokkati u qed jidher li se jkun hemm interruzzjoni fil-pagamenti fil-programm Erasmus+; jinsab allarmat dwar il-bosta programmi li kważi eżawrew il-fondi disponibbli kollha għall-2014, xhur qabel ma tagħlaq l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-kontijiet;

35.  Jilqa' l-ewwel passi lejn ir-riforma tal-EFRAG, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ta' Maystadt, inkluża t-talba li l-ħidma tiegħu tkun limitata għall-istandards tal-IFRS u li tiġi eliminata bil-mod il-mod il-ħidma li jwettaq b'rabta mal-intrapriżi żgħar u medji u l-kwistjonijiet ta' taxxa;

36.  Jenfasizza r-rwol tal-innovazzjoni tal-SMEs bħala xprun għall-irkupru ekonomiku tal-UE; jistenna li l-Kummissjoni twettaq l-impenji legali u baġitarji tagħha fir-rigward tal-Istrument tal-SME f'Orizzont 2020, u jistieden lill-Kunsill jippermetti dan billi jipprovdi baġit adegwat; jitlob lill-Kummissjoni biex mill-2016 tistabbilixxi linja baġitarja unika għall-Istrument tal-SME, sabiex tippermetti sorveljanza u kontroll baġitarji aktar ċari, u tiżgura approċċ ġenwin minn isfel għal fuq għall-implimentazzjoni tiegħu;

37.  Jilqa' l-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari ppubblikat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Lulju 2014(9); jitlob li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tiegħu;

Intestatura 1b

38.  Jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li l-Kunsill, filwaqt li żamm il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn fil-livell tal-AB (EUR 49 227 miljun), naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 220 miljun, biex stabbilixxa l-livell tal-pagamenti għal EUR 51 382 miljun;

39.  Jissottolinja l-fatt li l-Intestatura 1b għandha l-ikbar parti mill-impenji pendenti attwali, u dan qed jimpedixxi r-rimborż għar-riżorsi li diġà ntefqu mill-Istati Membri u r-reġjuni benefiċjarji; jenfasizza li din il-prattika kkawżat konsegwenzi serji għall-Istati Membri u r-reġjuni li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi; jiddeplora l-fatt lil-Kunsill jidher li qed jinjora kompletament din il-kwistjoni; jenfasizza li, f'perjodu fejn il-maġġorparti tal-Istati Membri qed jiffaċċjaw sfidi sabiex jidentifikaw sorsi ta' finanzjament għal proġetti li jistgħu jwasslu għall-ħolqien tax-xogħol, il-politika reġjonali tal-Unjoni hija għodda essenzjali sabiex jingħelbu tali nuqqasijiet; jinnota li l-istrumenti bħall-FSE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni jew l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom importanza partikolari matul kriżi, u li l-ewwel vittmi ta' tnaqqis ta' pagament huma dejjem il-partijiet interessati l-aktar dgħajfa, bħall-Istati Membri b'diffikultajiet baġitarji, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-SMEs, l-NGOs u s-sħab soċjali;

40.  Jiddeċiedi li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji baġitarji ddedikati għall-programmi l-ġodda, li tnaqqsu mill-Kunsill, u li jmur lil hinn mill-AB fir-rigward tal-pagamenti għal għadd ta' linji li jikkonċernaw partikolarment l-ikkompletar tal-programmi QFP 2007-2013; jinnota li l-2015 se tkun it-tieni sena tal-implimentazzjoni taċ-ċiklu l-ġdid tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament biex jiġi żgurat li l-programmi jilħqu n-numru intenzjonat ta' benefiċjarji u għaldaqstant jiksbu l-impatt intenzjonat;

41.  Jiddeċiedi li, għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-PP/AP, imur lil hinn mil-livell tal-AB bl-ammont ta' EUR 20,2 miljun; għandu l-intenzjoni li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà biex jiġi kkomplementat il-finanzjament tal-programmi għall-Fondi Strutturali Ċiprijotti taħt l-Intestatura 1b sa massimu tal-ammont sħiħ ta' EUR 100 miljun, wara li jiġu konklużi n-negozjati mal-Kunsill;

42.  Jemmen bis-sħiħ li l-fondi tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, m'għandhomx jintużaw biex jissussidjaw approċċi nazzjonali, iżda biex jipprovdu appoġġ addizzjonali liż-żgħażagħ b'mod li jikkomplementa u jsaħħaħ il-programmi nazzjonali;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi ddedikati biex jappoġġaw il-popolazzjoni qiegħda żagħżugħa; ifakkar fil-ftehim politiku marbut mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 dwar il-konċentrazzjoni inizjali tal-fondi fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, kif ukoll fl-ammonti korrispondenti programmati fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna meħtieġa fl-ewwel snin tal-perjodu ta' programmazzjoni; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill jirrispettaw dan il-ftehim fir-rigward taċ-ċifri proposti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kapaċità ta' assorbiment ta' xi Stati Membri fir-rigward tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; ifakkar li, abbażi tar-Regolament dwar il-QFP, il-marġnijiet li jibqgħu disponibbli, li jkunu inqas mil-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014-2017, għandhom jikkostitwixxu Marġni Globali tal-QFP għall-impenji, li għandu jkun disponibbli lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016-2020 għall-objettivi politiċi relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, partikolarment l-impjiegi fost iż-żgħażagħ;

Intestatura 2

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda proposta mill-Kummissjoni fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programm ġdid LIFE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika u jistenna li dan il-programm ikun stabbilit kompletament fl-2015, inkluż sett inizjali ta' strumenti finanzjarji; jiddeplora madankollu, il-fatt li programmi iżgħar bħall-programm LIFE, kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), intlaqtu mill-aktar tnaqqis sinifikanti li sar mill-Kunsill f'din l-intestatura, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti, biex b'hekk ġiet affettwata l-kisba tal-objettivi miftiehma tagħhom; jiddispjaċih ukoll rigward it-tnaqqis mhux ġustifikat tal-Kunsill għall-iskemi tal-frott u l-ħalib għall-iskejjel; jreġġa' għaldaqstant l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji kollha mnaqqsa mill-Kunsill;

45.  Jaqbel li hemm bżonn ta' appoġġ addizzjonali biex jittaffa l-impatt tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u tas-sajd tal-Unjoni; jilqa' pożittivament il-miżuri ta' appoġġ ta' emerġenza meħuda mill-Kummissjoni Ewropea bħala rispons inizjali għal din il-kriżi; iżid għalhekk il-kofinanzjament tal-Unjoni għall-miżuri ta' promozzjoni fil-Politika Agrikola Komuni bi 30 miljun, bil-għan li l-produtturi jiġu megħjuna jsibu opportunitajiet ta' bejgħ alternattivi, filwaqt li jforni EUR 5 miljun bħala appoġġ addizzjonali lis-sajjieda permezz tal-FEMS; jiddeċiedi wkoll li jżid l-ammont disponibbli għall-iskema tal-frott għall-iskejjel b'EUR 7 miljun u għall-iskema tal-ħalib għall-iskejjel b'EUR 4 miljun lil hinn mill-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni;

46.  Jemmen li la l-approprjazzjonijiet tal-PAK u lanqas xi approprjazzjoni oħra mill-baġit m'għandhom jintużaw għall-finanzjament ta' attivitajiet tas-sarar letali bit-toru; ifakkar li finanzjament bħal dan huwa ksur ċar tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien ta' Annimali miżmuma għal Skopijiet ta’ Biedja (Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE);

47.  Josserva li, meta jitqiesu l-emendi kollha fl-ambitu ta' din l-intestatura, inklużi t-EUR 2,9 miljun għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji, l-ammont totali għall-Intestatura 2 huwa ta' EUR 59,3 biljun, u b'hekk jifdal marġni ta' EUR 293,4 miljun taħt il-limitu massimu;

Intestatura 3

48.  Jissottolinja l-fatt li, għalkemm tirrappreżenta biss 1,5 % tal-baġit tal-Unjoni u b'hekk hi l-iżgħar intestatura tal-QFP f'termini ta' allokazzjoni finanzjarja, l-Intestatura 3 tkopri kwistjonijiet ta' tħassib kruċjali għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għall-gvernijiet nazzjonali, bħall-politiki għall-asil u l-migrazzjoni, u s-sigurtà interna; jappella għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jibqgħu iżidu l-isforzi finanzjarji u politiċi f'din l-intestatura fis-snin li ġejjin;

49.  Jiddispjaċih li l-AB inaqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn b'1,9 %, minn EUR 2 171,998 għal EUR 2 130,721 miljun, meta mqabbel mal-baġit tal-2014, u b'hekk jifdal marġni ta' madwar EUR 115-il miljun; jiddeplora l-fatt li, meta jitqabblu mal-AB, il-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet ta' impenn bi EUR 30,2 miljun oħra, filwaqt li l-approprjazzjonijiet ta' pagament naqqashom bi EUR 28,5 miljun oħra (tnaqqis li jikkorrispondi għal -1,42 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u -1,51 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament); jinnota li b'hekk l-Intestatura 3 hi fost dawk l-intestaturi li l-aktar li ntlaqtu mit-tnaqqis tal-Kunsill;

50.  Jemmen li t-tnaqqis addizzjonali propost mill-Kunsill se jqiegħed f'periklu l-implimentazzjoni adegwata tal-programmi u l-azzjonijiet fl-Intestatura 3; jenfasizza l-importanza li jinżamm l-AB għal dawn il-linji baġitarji: “Żgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini” u “Promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza", filwaqt li jiġi implimentat il-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza 2014-2020; jieħu għalhekk l-approċċ ġenerali li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji kollha f'din l-intestatura; jieħu d-deċiżjoni, barra minn dan, li jżid għadd magħżul ta' linji lil hinn mill-AB prinċipalment fi ħdan il-programmi Ewropa Kreattiva, L-Ewropa għaċ-Ċittadini u Azzjonijiet Multimedjali, kif ukoll għas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (għal total ta' EUR 53,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn lil hinn mill-AB inklużi l-aġenziji u l-proġetti pilota, kif ukoll l-azzjonijiet preparatorji);

51.  Ifakkar fid-Dikjarazzjoni Konġunta tat-tliet istituzzjonijiet li skontha l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020, se jintegraw kif xieraq elementi li jindirizzaw il-ġeneru; jindika l-ħtieġa għal aktar sforzi f'dan ir-rigward u għal approċċ komuni bejn it-tliet istituzzjonijiet, sabiex tkun żgurata integrazzjoni aktar effettiva tal-ġeneru fil-proċeduri baġitarji annwali; itenni l-appell tiegħu li l-analiżi tal-ġeneru għandha tkun parti fundamentali mill-proċeduri baġitarji tal-Unjoni, u li għandha tinvolvi b'mod attiv lill-atturi kollha fil-livelli kollha tal-proċess sabiex isir progress fl-impenn tal-Unjoni lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneru;

52.  Ifakkar li distribuzzjoni ġusta u trasparenti tal-finanzjament bejn l-objettivi differenti tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kienet prijorità għall-Parlament matul in-negozjati li wasslu għall-adozzjoni ta' dak il-fond; jappella għaldaqstant lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' linji baġitarji fil-qafas tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, biex tiffaċilita t-titjib fil-leġġibilità u t-trasparenza fir-rigward ta' kif se jintefqu r-riżorsi finanzjarji allokati għall-objettivi differenti, u għalhekk għal dawk il-linji baġitarji;

53.  Jaqbel li hemm bżonn ta' aktar appoġġ għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej; jiddeċiedi li fl-Intestatura 3 joħloq linja ġdida: ''Implimentazzjoni tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u ta' strumenti oħra ta' demokrazija parteċipattiva'', b'EUR 1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

54.  Jisħaq dwar il-ħtieġa u l-importanza li jkun hemm evalwazzjonijiet kontinwi tal-mod kif il-fondi u l-programmi kollha qed jiġu implimentati u ta’ kif qed jintużaw ir-riżorsi tagħhom, sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fi stadju bikri kif ukoll l-effikaċja tagħhom;

Intestatura 4

55.  Jiddeplora t-tnaqqis min-naħa tal-Kunsill għall-Intestatura 4 (-0,83 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u -5,24 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament), li jagħmluha l-intestatura li l-agħar li ntlaqtet mit-tnaqqis tal-Kunsill għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; itenni l-fatt li, għalkemm tirrappreżenta anqas minn 6 % tal-baġit totali tal-Unjoni, l-Intestatura 4 tipproġetta l-impenn tal-Unjoni barra mill-fruntieri tagħha u għalhekk għandha tiggarantixxi biżżejjed riżorsi biex l-Unjoni tkun tista' tiżvolġi r-rwol tagħha bħala attur globali;

56.  Jikkundanna bil-qawwi t-tnaqqis min-naħa tal-Kunsill għall-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-għajnuna umanitarja, tnaqqis li ma jistax isolvi l-problema tar-riporti ta' fatturi mhux imħallsa akkumulati mis-snin preċedenti, u li qed iqiegħed f'periklu l-implimentazzjoni bla intoppi ta' din il-politika, filwaqt li tiġi pperikolata ħajjet il-benefiċjarji tagħha; jisħaq fuq il-fatt li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament għar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza għandu jikkorrispondi għal-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn u għandu jiddaħħal fil-baġit lil hinn mil-limitu massimu ta' pagament tal-QFP; jenfasizza li għandu jonqos id-distakk bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u dawk ta' pagament fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, b'mod li jitqiesu ċ-ċikli qosra ta' nfiq f'dan il-qasam u tinqata' d-drawwa tar-riporti ta' fatturi mhux imħallsa akkumulati mis-snin preċedenti; jiċħad bil-qawwa l-effetti ħżiena fuq l-għajnuna umanitarja li jġib miegħu t-tnaqqis fil-pagamenti, inklużi l-pagamenti posposti u l-operazzjonijiet tard, li lkoll huma r-riżultat ta' bbaġitjar mhux adegwat, u li dan huwa partikolarment ta' riżq ħażin meta jitqies li l-instabbiltà dejjem tiżdied qed taffettwa daqstant persuni fil-periferija; huwa tal-fehma li dawn l-avvenimenti jibagħtu sinjal kiebi iżda qawwi ta' twissija li jeħtieġ li jinstab mod aktar realistiku għall-ibbaġitjar;

57.  Ifakkar fl-impenn internazzjonali li ttieħed mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha biex iżidu l-infiq tagħhom fuq l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għal 0,7 % tal-ING, u biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju sal-2015, u għalhekk jappella għal żieda fl-approprjazzjonijiet għall-oqsma tematiċi koperti mill-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, bil-ħsieb li nersqu aktar lejn il-kisba tal-impenji għall-iżvilupp globali għal wara l-2015;

58.  Jenfasizza l-appoġġ tiegħu favur il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u d-determinazzjoni tiegħu li jiggarantixxi ammont ta' fondi suffiċjenti lill-UNRWA u lill-Awtorità Palestinjana billi jżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn b'EUR 35,5 miljun lil hinn mill-AB; jinsab sorpriż li l-Kunsill għal darb'oħra naqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-AB għall-UNRWA u għall-Awtorità Palestinjana b'EUR 2,4 miljun mingħajr ġustifikazzjoni ċara, u jqis li din il-linja diġà mhijiex bbaġitjata biżżejjed fl-AB;

59.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat l-appoġġ għall-pajjiżi fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Unjoni li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' sfidi enormi fir-rigward tat-tranżizzjoni u l-konsolidament demokratiċi, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-immigrazzjoni u l-istabilità; jenfasizza l-isforzi addizzjonali meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fl-Ukraina; jappella għalhekk biex jiġu allokati EUR 203,3 miljun addizzjonali lil hinn mill-AB lill-Istrument Ewropew ta' Viċinat sabiex l-Unjoni tkun tista' tonora r-responsabilità tagħha fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha;

60.  Jikkunsidra li t-tnaqqis mill-Kunsill għal-linji prijoritarji tal-Parlament hu inaċċettabbli u jipproponi li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji mnaqqsa mill-Kunsill u li saħansitra jmur lil hinn mill-AB fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għal xi linji ta' importanza strateġika għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni b'total ta' EUR 400,55 miljun (Għajnuna Umanitarja, Strument Ewropew ta' Viċinat, Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u Strument għall-Istabbiltà kif ukoll il-PP/AP); jinnota li dawn iż-żidiet jeżawrixxu l-marġni tal-Intestatura 4, kif ukoll EUR 66 miljun addizzjonali li jirriżultaw mill-approprjazzjonijiet mnaqqsa mil-linji li tmexxew għall-baġit tas-SEAE;

61.  Iqis neċessarju li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja Turko-Ċiprijotta, sabiex tibqa' żgurata t-tkomplija tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-ħidma tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru u tal-Kumitat Tekniku dwar il-Wirt Kulturali;

62.  Japprova li l-linji baġitarji għar-RSUE jiġu ttrasferiti lill-baġit tas-SEAE, bil-ħsieb li tiġi appoġġjata l-integrazzjoni mtejba tagħhom fis-SEAE, skont il-proposta li saret mir-RGħ/VP fir-Rieżami tas-SEAE, fir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament tat-13 ta' Ġunju 2013, u fir-Rapport Speċjali Nru 11/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistenna li t-trasferiment jitlesta sal-1 ta' Jannar 2016;

Intestatura 5

63.  Ifakkar li l-AB jirrifletti l-aktar Riforma tar-Regolament tal-Persunal reċenti, inkluż tibdil fil-kalkolu tas-salarji u fl-aġġustamenti tal-pensjonijiet u t-tkomplija tat-tnaqqis fil-persunal;

64.  Josserva b'dispjaċir li, minkejja dan, il-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet fl-Intestatura 5 b'EUR 27,6 miljun, li minnhom EUR 16,7 miljun ġejjin mill-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni ddedikat għan-nefqa relatata mal-uffiċjali u mal-persunal temporanju, bħala konsegwenza taż-żieda fit-tnaqqis b'rata fissa standard;

65.  Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni qiegħda tnaqqas in-numru kumplessiv ta' riżorsi umani għat-tielet sena konsekuttiva u li l-previżjonijiet tagħha ta' postijiet battala għandhom jitqiesu affidabbli u bbażati fuq aspettattivi istituzzjonali reali, iqis li din iż-żieda fit-tnaqqis b'rata fissa standard (sa massimu ta' 4,5 % għas-sede prinċipali tal-Kummissjoni u 6 % għad-delegazzjonijiet) hija arbitrarja;

66.  Jieħu nota barra minn hekk tad-dikjarazzjoni tal-Kunsill annessa mal-pożizzjoni tiegħu dwar ''l-importanza tal-monitoraġġ mill-qrib tal-approprjazzjonijiet għall-kategoriji kollha ta' persunal estern, fl-isfond tal-kapaċità addizzjonali li tirriżulta miż-żieda fil-ħin tax-xogħol", u t-tnaqqis parallel li sar bħala appoġġ għan-nefqa fid-diversi oqsma politiċi, li jammonta għal EUR 20,8 miljun; barra mit-theddida li jirrappreżenta dan it-tip ta' tnaqqis, iqis li mhumiex ġustifikati; ifakkar li skont il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013, tali kapaċità addizzjonali preżunta kellha diġà tkun newtralizzata mit-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal uffiċjali fuq ħames snin; josserva, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni diġà teċċedi l-ottemperanza mal-impenji tagħha, billi qiegħda tnaqqas il-persunal fil-kategoriji kollha, kemm jekk iffinanzjat mill-Intestatura 5 kif ukoll minn intestaturi oħrajn;

67.  Ireġġa' għaldaqstant l-AB lura għal li kien fil-linji kollha tan-nefqa amministrattiva u tal-appoġġ u fil-linji kollha tal-Intestatura 5 mnaqqsa mill-Kunsill;

68.  Jiddeċiedi li jżomm ċerti approprjazzjonijiet f'riżerva sakemm il-Kummissjoni timmodifika r-regoli dwar il-gruppi ta' esperti u tiggarantixxi l-implimentazzjoni totali tagħhom fi ħdan id-DĠ kollha;

Aġenziji

69.  Jaqbel, bħala regola ġenerali, mal-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; josserva li l-Kummissjoni diġà naqqset b'mod konsiderevoli t-talbiet inizjali tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

70.  Jikkunsidra, għaldaqstant, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri kif propost mill-Kunsill jipperikola l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom mill-awtorità leġiżlattiva;

71.  Ma jistax jaċċetta, madankollu, l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-persunal, li skontu t-tabelli tal-organigramma tal-aġenziji mhux biss se jitnaqqsu b'1 % abbażi tal-ftehim politiku dwar il-QFP li japplika għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha, iżda se jikkontribwixxu wkoll 1 % oħra tal-persunal għal riżerva ta' assenjazzjoni mill-ġdid;

72.  Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis miftiehem fin-numru tal-persunal għandu jkun ibbażat fuq il-persunal u l-kompiti eżistenti fid-data ta' referenza tal-31 ta' Diċembru 2012 u li l-assenjazzjoni ta' kompiti ġodda lill-aġenziji eżistenti jew l-istabbiliment ta' aġenziji ġodda jridu jiġu akkumpanjati minn riżorsi addizzjonali;

73.  Jissottolinja li l-objettiv tat-tnaqqis ta' 5 % jeħtieġ li jintlaħaq sa tmiem l-2017, u li l-aġenziji għandu jkollhom ċerta flessibilità fir-rigward tas-snin eżatti li fihom għandhom jimplimentaw tali tnaqqis biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-oxxillazzjonijiet naturali tal-persunal bil-għan li jimminimizzaw il-kostijiet għall-iskema tal-qgħad tal-Unjoni u kostijiet oħra relatati mat-terminazzjoni bikrija tal-kuntratti ta' impieg;

74.  Jimmodifika għaldaqstant għadd ta' tabelli tal-organigramma tal-aġenziji b'tali mod biex jiġi implimentat it-tnaqqis maqbul ta' 1 %, biex il-karigi ffinanzjati mid-drittijiet jiġu ttrattati b'mod differenti jew biex il-persunal jiġi allinjat ma' kompiti addizzjonali;

75.  Jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2015 għat-tliet aġenziji ta' superviżjoni finanzjarja; jemmen li dawk l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu l-bżonn li jitwettqu l-kompiti rikjesti peress li dejjem iktar regolamenti, deċiżjonijiet u direttivi ġew u qed jiġu adottati biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali li għandha rabta qawwija mal-istabbiltà tas-settur finanzjarju;

76.  Jiddeċiedi wkoll li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u għall-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd kif ukoll għal numru ta' aġenziji fl-Intestatura 3 fid-dawl tal-kompiti addizzjonali li ġew fdati lilhom (Frontex, iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil);

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

77.  Wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa – fejn eżamina r-rata ta' suċċess ta' dawk għaddejjin bħalissa u eskluda l-inizjattivi diġà koperti minn bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li qies bis-sħiħ il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta' implimentazzjoni tal-proġetti – jiddeċiedi li jadotta pakkett ta' kompromess magħmul minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli;

Taqsimiet oħra

78.  Ifakkar li n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet, tal-pensjonijiet u tal-Iskejjel Ewropej kollha hija koperta mill-Intestatura 5 tal-QFP; josserva li n-nefqa totali tal-intestatura fl-2015, kif proposta fl-AB, hija stmata għal EUR 8 612,2 miljun (+2,5 % meta mqabbla mal-baġit tal-2014), li tħalli marġni ta' EUR 463,8 miljun taħt il-limitu massimu, filwaqt li n-nefqa amministrattiva totali tal-istituzzjonijiet kollha f'daqqa tammonta għal EUR 6 893,1 miljun (żieda ta' +1,6 % fuq il-baġit tal-2014), b'hekk jitħalla sottomarġni ta' EUR 457,9 miljun;

79.  Jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-AB, li naqqas orizzontalment, mingħajr l-ebda divrenzjar, il-livell tan-nefqa amministrattiva tal-2015 tal-istituzzjonijiet għal EUR 6 865,6 miljun (jew b'EUR 27,5 miljun inqas jew -0,4 %), b'hekk għolla artifiċjalment is-sottomarġni għal EUR 485,5 miljun;

80.  Jinsab sorpriż li għal darb'oħra din is-sena, il-Kunsill jipproponi tnaqqis lineari fin-nefqa amministrattiva għall-istituzzjonijiet; itenni li l-baġit ta' kull istituzzjoni tal-Unjoni, minħabba l-missjoni u s-sitwazzjoni speċifiċi tagħha, għandu jiġi ttrattat individwalment, mingħajr ma jkun hemm soluzzjoni waħda li tgħodd għal kulħadd, filwaqt li jittieħed kont tal-fażi ta' żvilupp partikolari, il-kompiti operattivi, l-objettivi ta' ġestjoni, il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani u l-politiki immobiljari ta' kull istituzzjoni; ma jaqbel xejn mal-approċċ tal-Kunsill li jgħolli orizzontalment ir-rata ta' postijiet ta' xogħol battala b'punt perċentwali wieħed, u b'hekk iżid il-marġni artifiċjalment; jenfasizza li tali żieda, barra mill-postijiet ta' xogħol diġà mneħħija bit-tnaqqis ta' 1 % fil-persunal, ikollha l-effett li ġġiegħel lil ċerti istituzzjonijiet, diġà milquta mit-tnaqqis fil-persunal imsemmi hawn fuq, jiffriżaw ir-reklutaġġ għall-postijiet ta' xogħol battala u b'hekk jixxekkel il-funzjonament tagħhom;

81.  Josserva li l-AB jinkludi aġġustamenti ta' 0,8 % għar-remunerazzjonijiet u għall-pensjonijiet tal-persunal għall-2011 u l-2012 għall-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kif ukoll l-iffriżar għall-2013 u għall-2014; jilqa' pożittivament il-fatt li l-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet diġà aġġustawhom fl-estimi tagħhom;

82.  Jenfasizza li t-tliet istituzzjonijiet, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom, sforz rispett reċiproku, jaċċettaw iż-żewġ fergħat tal-estimi tal-baġit tal-awtorità baġitarja mingħajr ma jkomplu jemendawhom;

83.  Isostni li l-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jappoġġaw kull tip ta' ffrankar u titjib fl-effiċjenza li jirriżultaw mill-evalwazzjoni mill-ġdid kostanti tal-kompiti attwali u ġodda, għandhom jistabbilixxu livell suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ħalli jiżguraw il-funzjonament bla intoppi tal-istituzzjonijiet, ir-rispett tal-obbligi ġuridiċi interni u esterni u l-għoti ta' servizz pubbliku ta' livell professjonali għoli liċ-ċittadini tal-Unjoni; ifakkar li l-kompiti l-ġodda li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona kellhom jiġu implimentati mingħajr l-ebda mezz addizzjonali;

84.  Ifaħħar lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha għall-iffrankar u t-titjib fl-effiċjenza li diġà inkorporaw fl-abbozzi tal-baġit tagħhom; jenfasizza li użu preċiż, effiċjenti, trasparenti u responsabbli tar-riżorsi tal-Unjoni jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi essenzjali sabiex terġa' tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadin tal-Unjoni; jilqa' l-isforzi li saru mill-istituzzjonijiet biex ikomplu jippromwovu t-trasparenza, l-effiċjenza amministrattiva, il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-għoti ta' prijorità; iqis li fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom jibqgħu jiġu applikati rekwiżiti għoljin ta' trasparenza b'mod ugwali;

85.  Jerġa' jistabbilixxi l-livell tar-rati ta' tnaqqis, kif inizjalment mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Qorti tal-Awdituri, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li l-Kunsill immodifika orizzontalment u jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji baġitarji rispettivi;

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

86.  Ifakkar li l-estimi tal-Parlament għall-2015 ġew stabbiliti għal EUR 1 794 929 112, li jikkorrispondu għal rata ta' żieda kumplessiva ta' 2,24 % matul l-2014; jenfasizza, madankollu, li 0,67 % ta' din iż-żieda hija marbuta mal-allowance eċċezzjonali ta' tranżizzjoni ġuridikament vinkolanti għat-tmiem tal-mandat tal-Membri u 0,4 % mal-ftehim fuq l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet għall-2011-2012; jenfasizza li l-livell tan-nefqa l-oħra għaldaqstant żdiedet biss b'1,18 % matul l-2014;

87.  Jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, sabiex joħolqu ffrankar fit-tul fil-baġit tal-Unjoni, għandhom jindirizzaw il-bżonn ta' pjan direzzjonali għal sede unika, kif iddikjarat mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet preċedenti;

88.  Jilqa' pożittivament in-nota riveduta tas-Segretarju Ġenerali tas-17 ta' Settembru 2014 li tipproponi li d-deċiżjonijiet u l-aġġustamenti tekniċi reċenti tal-Bureau jiġu riflessi fil-baġit; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li tali modifiki jħallu impatt baġitarju newtrali; japprova dawn l-aġġustamenti fl-estimi tiegħu;

89.  Inaqqas t-tabelli tal-organigramma tal-Parlament sabiex ikun hemm konformità mat-tnaqqis fil-persunal li ntlaħaq qbil dwaru fil-qafas tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal;

90.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-gruppi politiċi ma jikkorrispondux għall-ħidma amministrattiva tagħhom; josserva li l-gruppi politiċi ffriżaw ir-riżorsi għall-persunal tagħhom mill-2012, u li l-ħtiġijiet tagħhom kienu biss koperti parzjalment fis-snin baġitarji preċedenti; jinsisti li l-livell totali tal-persunal fil-gruppi politiċi fl-2015 u s-snin segwenti m'għandux ikun anqas mil-livell attwali; ifakkar li tali deċiżjoni diġà ttieħdet mill-Parlament fil-leġiżlatura preċedenti(10);

91.  Jikkonstata li l-ispiża fil-mira tal-proġett KAD hija stmata għal EUR 441,27 miljun fi prezzijiet attwali (EUR 406,22 miljun fi prezzijiet kostanti) u li, fl-2005, il-ħtiġijiet finanzjarji għall-proġett KAD se jkunu jikkorrispondu għal EUR 128,91 miljun (jew 29 % tal-ispiża kumplessiva); jissottolinja li, flimkien mar-riżorsi baġitarji diġà disponibbli u li għadhom ma ntużawx, il-bqija tal-ħtiġijiet finanzjarji fl-2015 huma stmati għal EUR 84,8 miljun; iqis li dan l-ammont jista' jitnaqqas konsiderevolment permezz ta' trasferiment fi tmiem is-sena fl-2014 u li l-parti li jkun fadal għandha tkun iffinanzjata bis-self; ifakkar li, minħabba l-kostruzzjoni tal-binja KAD, fil-ġejjieni l-pagamenti totali fis-sena se jkunu ħafna anqas mill-ispejjeż biex tinkera proprjetà immobbli paragunabbli;

92.  Jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet għall-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej b'EUR 3 miljun sabiex jiżgura li l-fondazzjonijiet politiċi wkoll ikunu jistgħu iwettqu bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-firxa kollha ta' gruppi politiċi, kif ukoll jintensifikaw l-attivitajiet ta' riċerka u pariri tagħhom sabiex jikkomunikaw u jippreżentaw l-ideat tagħhom sabiex iħaffu l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea; jenfasizza li din iż-żieda se tkun newtrali f'sens baġitarju billi din se tiġi kkumpensata mir-riżerva ta' kontinġenza; jiffissa għalhekk il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu għall-2015 għal EUR 1 794 929 112; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jikkorrispondi għal żieda ta' 0 % fuq il-livell tal-estimi tiegħu, adottati fis-sessjoni plenarja tas-17 ta' April 2014;

93.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konġunt li jirrakkomanda lill-Membri jużaw titjiriet tal-klassi economy għal vjaġġi qosra; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta valutazzjoni tal-eżitu ta' din ir-rakkomandazzjoni sal-aħħar tal-2015 l-aktar tard;

94.  Jilqa' l-eżitu tal-Grupp ta' Ħidma Konġunt dwar l-evalwazzjoni tal-iffrankar possibbli fir-rigward tan-nefqa fuq il-vetturi u x-xufiera; jistenna li dan iffrankar jidher fil-baġits tas-snin li ġejjin;

Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

95.  Jissottolinja li, minkejja ż-żieda bla preċedent fil-volum ta' każijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tneħħi mill-AB tal-Qorti tal-Ġustizzja 12-il pożizzjoni ġdida mmirati li jipprevjenu kull restrinġiment u jillimitaw kemm jista' jkun ir-riskju li s-sentenza ma tinqatax fi żmien raġonevoli; jisħaq fuq il-fatt li permezz ta' dan il-Kummissjoni poġġiet f'riskju l-produttività tat-tliet Qrati fil-kuntest taż-żieda kontinwa u bla preċedent ta' każijiet ġodda u b'hekk ħolqot riskju gravi għall-baġit;

96.  Japprova l-ħolqien ta' 12-il pożizzjoni ġdida, kif inizjalment mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja; konsegwentement iżid il-linji baġitarji relatati u jaġġusta t-tabelli tal-organigramma tal-pjan tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ippreżentat fl-estimi tal-baġit tagħha;

97.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 3 %, sabiex jiżgura li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tiffaċċja b'mod adegwat il-volum ta' xogħol li dejjem qed jiżdied u jkun jista' jsir użu sħiħ mit-tabella tal-organigramma tagħha; jenfasizza li t-tnaqqis propost mill-Kunsill huwa f'kontradizzjoni totali mal-okkupazzjoni tal-persunal li tammonta għal 98 % (98 % - l-ogħla ċifra possibbli jekk dak li jkun iqis l-effett inevitabbli ta' ċaqliq tal-persunal matul is-sena) u b'rata ta' eżitu għar-remunerazzjonijiet ta' kważi 99 % fl-2013;

98.  Jissottolinja li l-Qorti Ġenerali, minkejja l-isforzi sostanzjali tagħha, ma għadhiex tiflaħ għall-volum ta' xogħol li dejjem qiegħed jiżdied; jisħaq fuq il-fatt li din ix-xejra ġeneralment 'il fuq hija totalment ikkonfermata mid-data osservata s'issa fl-2014 u se tibqa' minħabba, fost ħwejjeġ oħra, it-tibdiliet li saru mit-Trattat ta' Lisbona (li se jestendi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti mill-1 ta' Diċembru 2014 fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja), u l-adeżjoni tal-Kroazja;

99.  Jenfasizza li, minkejja l-inizjattivi sostanzjali li ttieħdu sal-lum b'rabta mal-produttività, l-għadd ta' kawżi pendenti għadu jikber (+25 % fl-2013, +6 % sa tmiem Ġunju 2014), filwaqt li issa feġġ ir-riskju ta' proċedimenti minħabba li s-sentenzi ma jinqatgħux fi żmien raġonevoli (partikolarment fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li issa qajla tiflaħ għall-volum ta' każijiet), bl-ewwel ilment ippreżentat abbażi ta' dan f'Ġunju 2014, b'responsabilitajiet serji eventwali għall-Unjoni; jenfasizza li d-dewmien fl-għoti ta' sentenzi fi żmien raġonevoli fil-Qorti tal-Ġustizzja u b'mod partikolari b'rabta mal-liġi dwar il-kompetizzjoni, ixekklu bi kbir il-funzjonament tas-suq intern u jistgħu jkunu ta' theddida serja għall-baġit tal-Unjoni;

100.  Ifakkar fil-ftehim bi prinċipju bejn il-Parlament u l-Kunsill li skontu jrid jiżdied in-numru ta' mħallfin; jenfasizza li f'tali ċirkostanzi huwa urġenti li jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibbli dwar il-ħatra ta' mħallfin supplementari fi ħdan il-Qorti; iqiegħed EUR 2 miljun f'riżerva għall-ħatra ta' disa' mħallfin ġodda u jistieden lill-Qorti tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew evalwazzjoni aġġornata tal-bżonnijiet finanzjarji addizzjonali għall-imħallfin u għall-persunal ġodda; jistenna li fil-Kunsill se jintlaħaq qbil mill-aktar fis possibbli u li l-proċedura leġiżlattiva se tkun finalizzata sal-1 ta' Ottubru 2015; jinsisti li l-bżonn ta' persunal addizzjonali li jkun jikkorrispondi mal-ħatra ta' disa' mħallfin għandu jiġi evalwat b'mod prudenti;

Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

101.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 2,1 %, bil-għan li l-Qorti tal-Awdituri tkun tista' tissodisfa l-bżonnijiet tagħha fir-rigward tat-tabella tal-organigramma;

102.  Ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji baġitarji relatati mar-remunerazzjoni ta' persunal ieħor, bil-ħsieb li jiżgura li l-Qorti tal-Awdituri tista' tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha fil-konfront tal-persunal tagħha;

Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

Implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni

103.  Ifakkar li, skont il-ftehim ta' kooperazzjoni tal-5 ta' Frar 2014, huwa previst it-trasferiment ta' massimu ta' 80 pożizzjoni miż-żewġ Kumitati għall-Parlament u li ntlaħaq qbil fuq it-tisħiħ tal-approprjazzjonijiet għaż-żieda fl-attivitajiet politiċi tagħhom u għall-bżonnijiet addizzjonali għall-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni;

104.  Jirrikonoxxi li minimu ta' 60 pożizzjoni mistennijin li jiġu trasferiti lill-Parlament u li tali trasferiment se jiġi implimentat f'żewġ fażijiet, l-ewwel fażi mill-1 ta' Ottubru 2014 u t-tieni fażi aktar tard fl-2015; jinkludi fil-baġit l-aġġustamenti relatati mat-trasferiment ta' 42 pożizzjoni (30 pożizzjoni mill-KESE, 12 mill-KtR) li jikkorrispondu mal-implimentazzjoni tal-ewwel fażi, u jpoġġi nofs l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu mat-trasferiment tal-pożizzjonijiet addizzjonali mistennija (minimu ta' 6 mill-KESE u minimu ta' 12 mill-KtR) f'riżerva, li għandhom jiġu żblukkati ladarba tittieħed id-deċiżjoni definittiva dwar it-trasferiment li fadal; jistenna li t-trasferiment finali se jitlesta sa Lulju 2015;

105.  Jilqa' l-kooperazzjoni li għaddejja bejn iż-żewġ Kumitati fi kwistjonijiet amministrattivi u jħeġġiġhom ikomplu jsaħħu tali kooperazzjoni billi jistgħu jintlaħqu aktar objettivi komuni u ffrankar; jistieden lill-KESE u lill-KtR jeżaminaw il-mod kif ir-riformi strutturali u organizzattivi tagħhom ikunu jistgħu jiġu segwiti b'mod koordinat billi japprofondixxu l-kooperazzjoni bilaterali tagħhom;

Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

106.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 4,5 %, bil-għan li jippermetti lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ilaħħaq mat-tnaqqis kontinwu fil-persunal;

Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

107.  Jissottolinja li għall-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) il-baġit tal-2015 se jkun ikkaratterizzat minn żieda fl-attivitajiet politiċi tiegħu, billi l-mandat politiku il-ġdid (is-sitt wieħed) tal-KtR se jibda fi Frar 2015, u se tkun l-ewwel sena li fiha se jkun integrat fil-baġit l-effett sħiħ tal-ħolqien tal-ħames grupp politiku fil-KtR (il-Grupp ECR);

108.  Ma jaqbilx bil-kbir mat-tnaqqis min-naħa tal-Kummissjoni, tan-nefqa direttament marbuta mal-attivitajiet politiċi tal-KtR u dik relatata, jew in-nefqa assoċjata mal-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni; iżid, fid-dawl tal-bidu tal-mandat tal-KTR il-ġdid, il-linji baġitarji kkonċernati;

Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

109.  Josserva li l-Kunsill naqqas l-abbozz ta' baġit tal-Ombudsman b'1,7 %; jissottolinja li tali tnaqqis se jimponi piż qawwi fuq il-baġit ferm limitat tal-Ombudsman u se jħalli impatt qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-Ombudsman u fuq il-kapaċità tal-istituzzjoni li taqdi liċ-ċittadini Ewropej b'mod effiċjenti u effikaċi; Ireġġa' għaldaqstant lura għal li kienu l-linji baġitarji kollha li tnaqqsu mill-Kunsill biex l-Ombudsman ikun jista' jaqdi l-mandat tiegħu u jonora l-impenji tiegħu;

Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

110.  Ifakkar li mingħajr ma jitqiesu l-obbligi ġuridiċi inevitabbli, bħal pereżempju n-nefqa relatata mat-tmiem tal-mandat tal-Membri tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) jew mal-aġġustamenti fis-salarji, iż-żieda ewlenija fil-baġit tal-2014 hija marbuta mal-ħolqien tat-task force tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll mal-attivitajiet speċifiċi l-ġodda identifikati għall-perjodu 2014-2020;

111.  Ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji baġitarji relatati mal-mandat tal-EDPS il-ġdid, il-ħolqien tat-task force tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u dawk li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni, partikolarment fid-dawl tal-istrateġija l-ġdida tiegħu għall-2014-2020; jissottolinja li t-tnaqqis orizzontali fin-nefqa jistgħu jkunu ta' ħsara kbira u jkunu kontroproduċenti, speċjalment għal istituzzjoni daqstant żgħira;

Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

112.  Ifakkar lill-Kunsill li l-Istati Membri qablu li jinħoloq is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u li dan għandu bzonn biżżejjed riżorsi sabiex iwettaq l-attivitajiet tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jesploraw iżjed is-sinerġiji bejn l-ambaxxati nazzjonali u s-SEAE, bħal pereżempju l-użu ta' infrastruttura komuni tal-bini, is-sigurtà, u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet amministrattivi;

113.  Jaġġusta mill-ġdid ir-rata ta' tnaqqis standard għal-livell inizjali ta' 5,3 % għas-sede prinċipali tas-SEAE, 2,7 % għad-delegazzjonijiet u 2,7% għall-esperti nazzjonali militari ssekondati u jreġġa' l-approprjazzjonijiet lura għal li kienu kif mitlub fl-abbozz ta' baġit; jisħaq fuq il-fatt li tali żieda fir-rati ta' tnaqqis se timplika li l-persunal se jitnaqqas aktar mit-tnaqqis mandatorju ta' 1 % fit-tabella tal-organigramma u rispettivament, se xxekkel il-funzjonament tiegħu u tostakola l-iżvilupp tiegħu bħala entità ġdida b'kompiti dejjem jiżdiedu;

114.  Ireġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-linji baġitarji kollha mnaqqsa mill-Kunsill, partikolarment dawk relatati mal-approprjazzjonijiet għas-sigurtà tal-komunikazzjonijiet tas-SEAE biex ir-Rappreżentant Għoli u l-persunal ta' livell għoli tiegħu jitħallew jipparteċipaw b'mod effiċjenti f'negozjati sensittivi ħafna;

115.  Iħeġġeġ li s-sistemi ta' komunikazzjoni tas-SEAE jkunu mħarsa kontra intrużjonijiet u li s-sistemi ta' komunikazzjoni ta' bejn is-SEAE u l-Istati Membri minn naħa, u dawk tas-sede prinċipali u tad-delegazzjonijiet min-naħa l-oħra, ikunu sikuri u moderni;

116.  Jappoġġa l-proposta tar-Rappreżentant Għoli biex fil-baġit tas-SEAE jkunu inklużi l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex tinfetaħ delegazzjoni ġdida fil-żona tal-Golf, fejn l-Unjoni mhijiex rappreżentata biżżejjed(11); iżid għalhekk il-linji baġitarji kkonċernati, kif mitlub mis-SEAE fl-estimi tiegħu;

117.  Jittrasferixxi l-approprjazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi komuni għall-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet, minn Taqsima III (il-Kummissjoni) għal Taqsima X (SEAE) tal-baġit; jissottolinja li dan it-trasferiment huwa newtrali mil-lat ta' baġit u ma għandu l-ebda impatt ieħor fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi tal-Kummissjoni u lanqas fuq il-kundizzjonijiet ta' xogħol tal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet u se jirrispondi għas-semplifikazzjoni fil-ġestjoni tan-nefqa amministrattiva tad-delegazzjonijiet tal-UE mitluba mis-SEAE, mill-Kunsill u mqajma minn rapport reċenti tal-Qorti tal-Awdituri; jinsisti li t-trasferiment għandu jiġi implimentat f'sens ta' kooperazzjoni tajba bejn is-SEAE u l-Kummissjoni; jistieden lill-Kunsill jirrispetta n-newtralità tal-baġit ta' dan il-ftehim;

o
o   o

118.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet l-oħra kkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0247.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0450.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0358.
(8) http://ec.europa.eu/about/juncker-commission/docs/pg_mt.pdf
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-2 ta'  Lulju 2014: Għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa (COM(2014)0398).
(10) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (P7_TA(2013)0437).
(11) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' April 2014 dwar l-istrateġija tal-UE rigward l-Iran, Testi adottati P7_TA(2014)0339.

Avviż legali