Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2970(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0292/2014

Dibattiti :

PV 27/11/2014 - 7.2
CRE 27/11/2014 - 7.2

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2014)0065

Testi adottati
PDF 224kWORD 58k
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj
P8_TA(2014)0065RC-B8-0292/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj (2014/2970(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-Kummissjoni dwar is-Serbja tat-8 ta' Ottubru 2014 (SWD(2014)0302),

–  wara li kkunsidra l-Istatut tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 (ICTY),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 65 tar-Regoli ta' Proċedura u ta' Prova tal-ICTY,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Vojislav Šešelj, il-president tal-Partit Radikali Serb, ġie akkużat quddiem l-ICTY b'persekuzzjonijiet għal raġunijiet politiċi, razzjali jew reliġjużi, deportazzjoni, atti diżumani (trasferiment furzat) (delitti kontra l-umanità), u bi qtil, tortura, trattament krudili, qerda mingħajr raġuni ta' villaġġi jew qerda mhux ġustifikata minn ħtieġa militari, qerda jew danni intenzjonati ta' istituzzjonijiet iddedikati għar-reliġjon jew l-edukazzjoni, serq ta' proprjetà pubblika jew privata (vjolazzjonijiet tal-liġijiet jew tal-prattiki tal-gwerra) fil-Kroazja, il-Bosnja-Ħerżegovina u partijiet minn Vojvodina (is-Serbja), li twettqu bejn l-1991 u l-1993;

B.  billi l-ICTY ġie stabbilit fl-1993 min-Nazzjonijiet Uniti biex jittratta delitti tal-gwerra li seħħew fid-disgħinijiet, u b'hekk bena l-pedament għas-soluzzjoni tal-kunflitti jew l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti fir-reġjun;

C.  billi fis-6 ta' Novembru 2014, wara iżjed minn ħdax-il sena ta' detenzjoni u filwaqt li għadu għaddej il-proċess tiegħu, l-Awla tal-Proċessi tat-Tribunal ħarġet ordni proprio motu għall-ħelsien provviżorju ta' Šešelj minħabba d-deterjorament ta' saħħtu, suġġett għall-kundizzjonijiet li: (i) ma jinfluwenzax lix-xhieda u lill-vittmi; u (ii) li jidher quddiem l-Awla hekk kif din tordnalu jagħmel dan; billi Šešelj kellu attitudni ostili fir-rigward tal-ICTY mindu beda l-proċess billi jinterrompi, itellef u jirritratta kontinwament il-proċedimenti quddiem il-Qorti, u fi tliet okkażjonijiet separati ġie mixli b'disprezz tal-qorti minħabba intimidazzjoni tax-xhieda;

D.  billi wara r-ritorn tiegħu fis-Serbja Šešelj għamel bosta diskorsi pubbliċi f'Belgrad fejn enfasizza li hu mhuwiex se jirritorna lura fit-Tribunal volontarjament meta jintalab jagħmel dan, u b'hekk ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikser waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat il-ħelsien tiegħu;

E.  billi fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu Šešelj appella ripetutament għall-ħolqien ta' ''Serbja Akbar'', filwaqt li ddikjara pubblikament pretensjonijiet fuq pajjiżi ġirien, inkluża l-Kroazja, li hija Stat Membru tal-UE, u xewwex il-mibegħda kontra persuni li mhumiex Serbi; billi fi stqarrija għall-istampa huwa awgura liċ-Chetniks Serbi għal-'liberazzjoni' ta' Vukovar fit-23 anniversarju mindu dik il-belt Kroata waqgħet f'idejn il-forzi parlamentari Serbi u l-armata Jugoslava fl-1991 u l-atroċitajiet assoċjati, u b'hekk kiser ir-rekwiżit li ma jinfluwenzax lill-vittmi; billi l-grupp paċifiku Serb ''Women in black'' (Nisa bl-Iswed) inġabar f'Belgrad biex ifakkar lill-vittmi tal-assedju b'wirja bl-isem ''We will never forget the crimes of Vukovar'' (Aħna qatt m'aħna se ninsew id-delitti ta' Vukovar);

1.  Jikkundanna bil-kbir il-propaganda tal-gwerra, it-tixwix tal-mibegħda u l-inkoraġġiment ta' pretensjonijiet territorjali u t-tentattivi tiegħu li jiżvija lis-Serbja mit-triq Ewropea tagħha; jiddeplora l-attivitajiet pubbliċi provokattivi tiegħu u r-retorika ta' żmien il-gwerra li uża mindu nħeles provviżorjamemt, li reġgħu fetħu l-feriti psikoloġiċi tal-vittmi li ġarrbu waqt il-gwerra u l-atroċitajiet fil-bidu tad-disgħinijiet; jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet reċenti ta' Šešelj jistgħu jfixklu l-progress li sar fil-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni u jimminaw l-isforzi ta' dawn l-aħħar snin;

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet Serbi fl-obbligi li għandhom skont il-qafas għall-kooperazzjoni mal-ICTY u fl-obbligi tas-Serbja bħala pajjiż kandidat tal-UE; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' reazzjoni politika adegwata u ta' rispons ġuridiku mill-awtoritajiet Serbi rigward l-imġiba ta' Šešelj jimmina l-fiduċja tal-vittmi fil-proċess ġudizzjarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi u lill-partiti demokratiċi jikkundannaw kull forma ta' turija fil-pubbliku ta' diskors ta' mibegħda jew retorika ta' żmien il-gwerra u jippromwovu l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi u dawk kulturali; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw jekk Šešelj kisirx il-liġi Serba u sabiex isaħħu u japplikaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tiddikjara bħala illegali d-diskors ta' mibegħda, id-diskriminazzjoni u t-tixwix tal-vjolenza; jappoġġa lill-partiti politiċi kollha, lill-NGOs u lill-individwi fis-Serbja li qed jiġġieldu kontra d-diskors ta' mibegħda;

3.  Jistieden lill-ICTY u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' dan it-Tribunal jieħdu miżuri biex jeżaminaw mill-ġdid l-eżistenza ta' rekwiżiti għall-ħelsien provviżorju taħt ċirkostanzi ġodda; jinnota li standards differenti fir-rigward tal-prattika tat-Tribunal b'rabta mal-ħelsien provviżorju mhumiex se jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-ICTY; iħeġġeġ lill-ICTY jieħu azzjoni determinata sabiex jerġa' jqajjem fiduċja fih, billi din iddgħajfet minħabba d-dikjarazzjonijiet pubbliċi terribbli u inammissibbli ta' Šešelj, inkluż billi jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jaċċelera t-twettiq tal-proċessi u l-appelli kollha li hemm quddiemu; ifakkar li l-fatt li dawk li wettqu delitti tal-gwerra jinġiebu quddiem il-ġustizzja jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għal proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin u dejjiemi;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-ICTY.

Avviż legali