Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2946(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0278/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2014)0068

Testi adottati
PDF 230kWORD 66k
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
P8_TA(2014)0068RC-B8-0278/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta'  Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3 għall-Baġit Ġenerali tal-2014 (COM(2014)0329),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali fl-UE kollha kemm hi u hija mutur eċċellenti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi tikkostitwixxi parti maġġuri mill-istrateġija tal-UE għar-rimedju tal-iżbilanċi u l-inugwaljanzi reġjonali, għad-diversifikazzjoni u l-adattament għat-tibdil industrijali u għat-twettiq ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; u billi f'xi Stati Membri hija s-sors prinċipali tal-investiment pubbliku;

B.  billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, dawn ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;

C.  billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni, bi qbil mal-għan kumplessiv tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

D.  billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu l-iskeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

E.  billi hemm dewmien ċar fil-proċess ta' programmazzjoni, b'biss għadd limitat ta' programmi operazzjonali (ftit aktar minn 100) li huma mistennija jiġu approvati sa tmiem l-2014;

F.  billi, fuq it-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

G.  billi hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-ftuħ tal-implimentazzjoni; (i) għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u (ii) għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

H.  billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;

I.  billi, minbarra d-dewmien tal-implimentazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni, il-politika ta' koeżjoni qed tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti pendenti li jammontaw għal madwar EUR 23 biljun għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, b'mod li jkompli jimmina l-kredibbiltà, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħha;

J.  billi l-President tal-Kummissjoni indika li biħsiebu jvara pakkett ta' investimenti ta' EUR 315-il biljun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.  Jenfasizza li d-dewmien tal-lum qed jipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li b'mod effikaċi jippjanaw u jimplimentaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-perjodu 2014-2020;

3.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-kofinanzjament żgurat mill-Istati Membri, tipprovdi proporzjon maġġuri tal-infiq pubbliku relatat mat-tkabbir ekonomiku fl-UE; jenfasizza li huwa imperattiv, għaldaqstant, li l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tinfetaħ mill-aktar fis possibbli, biex jimmassimizzaw ir-riżultati tal-investiment, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jqawwu t-tkabbir tal-produttività;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014 b'tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

5.  Jesiġi li l-Kummissjoni – filwaqt li tikkonċentra sewwa fuq il-kwalità u fuq il-ħtieġa li tissokta l-ġlieda kontra l-frodi – tanalizza kull possibbiltà biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-24 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

6.  Huwa konxju li t-tieni wieħed mix-xenarji msemmija hawn fuq, applikabbli għall-Programmi Operazzjonali li ma jkunux lesti għall-adozzjoni sa tmiem l-2014, jiġifieri l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, anki jekk tkun ta' natura teknika, tkun trid tikkonforma mal-proċedura tal-baġit pluriennali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex mill-aktar fis possibbli tibda diskussjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill bil-għan li tfassal pjan direzzjonali kredibbli li tiżgura li r-reviżjoni tal-QFP tiġi adottata kemm jista' jkun kmieni fl-2015;

7.  Jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, flimkien mal-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

9.  Huwa allarmat dwar l-istatus tal-pagamenti pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil dwar dan is-suġġett, abbażi tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara; jesiġi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rapport dwar l-eżitu tan-negozjati previst fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, tanalizza l-impatt possibbli tad-dewmien tal-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, kif ukoll tagħmel rakkomandazzjonijiet abbażi tat-tagħlimiet meħuda;

11.  Jitlob li l-pakkett ta' investiment ta' EUR 315 biljun li l-Kummisjsoni mistennija tħabbar ikun għalkollox komplementari mal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali