Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2919(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0285/2014

Testi mressqa :

B8-0285/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 27/11/2014 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0070

Testi adottati
PDF 276kWORD 114k
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
P8_TA(2014)0070B8-0285/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2014/2919(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma, adottat fl-2009, u l-pjan ta' azzjoni assoċjat għall-2010-2014,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan mid-29 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu "Dinja xierqa għat-tfal",

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE(4),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5), u tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, bit-titolu "Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha jikkostitwixxu l-istandard fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u fihom sensiela komprensiva ta' standards legali internazzjonali għall-protezzjoni u l-benessri tat-tfal;

B.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għandhom obbligi legali ċari biex jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet ta' kull tifel u tifla fil-ġurisdizzjonijiet tagħom;

C.  billi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv espliċitu tal-politiki tal-UE, u billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel kunsiderazzjoni fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

D.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrispettaw il-fatt li t-tfal għandhom id-dritt li jinstemgħu u li, skont l-età u l-maturità tagħhom, jittieħed kont tal-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom ;

E.  billi d-drittijiet tat-tfal – b'mod partikolari l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, id-dritt tat-tfal għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp, in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-dritt tat-tfal li jesprimu opinjoni – jikkonċernaw il-politiki kollha tal-UE;

F.  billi sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal 25 sena ilu, iżda billi d-drittijiet tat-tfal għadhom qed jiġu miksura f'ħafna mkejjen tad-dinja, inkluż fi Stati Membri tal-UE, bħala konsegwenza ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, diżabilità, sess, identità sesswali, età, etniċità, migrazzjoni jew status ta' residenza;

G.  billi, sabiex id-drittijiet ikollhom tifsira, it-tfal kollha u l-familji tagħhom irid ikollhom aċċess inklużiv għall-ġustizzja, kif ukoll għal rimedji ġusti, effikaċi u f'waqthom;

H.  billi madwar 6,6 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' 5 snin mietu fl-2012, l-aktar minħabba kawżi li setgħu jiġu evitati, u għaldaqstant iċċaħdu mid-dritt fundamentali tagħhom li jissopravivu u jiżviluppaw; billi 168 miljun tifel u tifla ta' bejn 5 u 17-il sena huma involuti fit-tħaddim tat-tfal, li jikkomprometti d-dritt tagħhom li jiġu protetti mill-isfruttament ekonomiku u jikser id-dritt tagħhom li jitgħallmu u jilagħbu; billi 11 % tal-bniet jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, u dan jikkomprometti d-drittijiet tagħhom għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, wieħed minn kull għaxart itfal għadu jmut qabel ma jagħlaq il-5 snin;

I.  billi l-edukazzjoni – speċjalment l-edukazzjoni primarja mingħajr ħlas għat-tfal kollha – hija dritt fundamentali li l-gvernijiet ħadu impenn dwaru fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan l-objettiv;

J.  billi edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità hija parti integrali u importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet tas-subien u l-bniet għall-benessri u s-saħħa, filwaqt li tippromwovi l-ugwaljanza u tiġġieled l-istereotipi;

K.  billi l-kriżijiet umanitarji għadu qed ikollhom impatt devastanti fuq it-tfal, u billi fl-2014, il-kriżijiet, l-aktar relatati mal-kunflitt, affettwaw il-ħajja ta' aktar minn 59 miljun tifel u tifla; billi fid-dinja, illum hemm madwar 250 000 suldat taħt l-età, u 40 % minn dawn huma bniet;

L.  billi fl-2012 biss, kważi 95 000 tifel u tifla u adolexxenti taħt l-età ta' 20 sena kienu vittmi ta' omiċidji, kważi biljun tifel u tifla ta' bejn 2 u 14-il sena kienu soġġetti għal kastig fiżiku, wieħed minn tliet adolexxenti ta' bejn 13 u 15-il sena esperjenzaw bullying u madwar 70 miljun tifla ta' bejn 15 u 19-il sena kienu vittmi ta' xi forma ta' vjolenza fiżika, u billi 120 miljun tifla madwar id-dinja, xi darba jew oħra f'ħajjithom, esperjenzaw konġunġiment karnali furzat jew atti sesswali furzati oħra;

M.  billi t-tfal jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u billi madwar 100 miljun tifel u tifla jgħixu fl-UE;

N.  billi skont l-aktar skeda ta' rapport reċenti tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) dwar il-faqar fost it-tfal f'pajjiżi sinjuri, mill-2008 'l hawn, 2,6 miljun tifel u tifla niżlu taħt is-soll tal-faqar fl-aktar pajjiżi għonja tad-dinja, u b'hekk, in-numru ta' tfal li qed jgħixu fil-faqar fid-dinja żviluppata attwalment huwa madwar 76,5 miljun; billi, skont l-istess studju, fl-2013, 7,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-UE ġew ikklassifikati bħala NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ);

O.  billi l-vjolenza fuq it-tfal timmanifesta ruħha f'ħafna forom, inklużi l-abbuż psikoloġiku, fiżiku, sesswali, emozzjonali u verbali, in-negliġenza u l-privazzjoni, u tokkorri f'ħafna ambjenti, inklużi d-dar u l-iskola, fis-sistema tal-kura tas-saħħa u s-sistema tal-ġustizzja, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet u online;

P.  billi l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal toffri qafas ċar għall-azzjoni tal-UE u billi l-implimentazzjoni tagħha rrizilutat f'progress sinifikanti f'għadd ta' oqsma ewlenin ta' azzjoni u leġiżlazzjoni, inklużi l-istabbiliment ta' hotlines għat-tfal mitlufa, il-promozzjoni ta' ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal, it-titjib tal-ġbir tad-data u l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna;

Q.  billi t-tfal kollha huma qabel xejn tfal bi drittijiet li għandhom jiġu ssodisfati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, status ta' immigrant jew status ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

R.  billi l-bniet u s-subien jesperjenzaw aspettattivi u forom ta' soċjalizzazzjoni simili u oħrajn differenti, u billi d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw il-bniet u dik li jesperjenzaw is-subien tvarja f'etajiet differenti;

S.  billi, minkejja li sar progress sostanzjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-traffikar, l-isfruttament sesswali u d-drittijiet tal-vittmi, u f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfittxija ta' asil u tfal mhux akkumpanjati, għad irid isir ħafna aktar biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-migranti tfal jiġu rispettati fl-UE kollha; billi bosta tfal mhux akkumpanjati jgħibu jew jaħarbu wara li jaslu għall-ewwel darba fl-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż;

T.  billi, minħabba n-natura internazzjonali tiegħu, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online – inklużi l-proliferazzjoni ta' materjal marbut mal-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi – għadu jqajjem tħassib kbir fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'offiżi li jibdew minn estorsjoni sesswali u "grooming", għal materjal u xandir dirett ta' produzzjoni proprja marbut mal-abbuż tat-tfal, li huma sfidi investigattivi partikolari minħabba l-innovazzjoni teknoloġika li tipprovdi aċċess aktar faċli u rapidu għall-materjal lit-trasgressuri, inklużi ċ-ċiberpredaturi;

U.  billi t-tfal huma partikolarment milquta mill-faqar u mit-tnaqqis fis-sistemi ta' sigurtà soċjali u benefiċċji soċjali ewlenin bħall-allowance tal-familja, u billi dan it-tip ta' tnaqqis żdied mill-2007 'l hawn fl-UE; billi fl-UE, saħansitra wara t-trasferimenti soċjali, ir-rata ta' riskju ta' faqar fost it-tfal għadha għolja ħafna (20,3 % fl-2013);

V.  billi l-qafas ta' wara l-2015 għall-iżvilupp globali se jkun opportunità biex tiżdied l-importanza tad-drittijiet tat-tfal kollha, f'kull rokna tad-dinja – irrispettivament mis-sess, l-etniċità, ir-razza, id-diżabilità, l-istatus ekonomiku jew kwalunkwe status ieħor;

1.  Iqis li d-drittijiet tat-tfal jinsabu fil-qalba tal-politiki tal-UE u li l-25 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija opportunità biex il-Konvenzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fil-politika u fil-prattika, kif ukoll biex jittieħdu miżuri addizzjonali biex id-drittijiet tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, jiġu rispettati kullimkien;

2.  Jilqa' l-impenn tal-UE fl-ambitu tal-Programm ta' Stokkolma biex tiżviluppa strateġija integrata tal-UE għall-promozzjoni u s-salvagwardja effikaċi tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża u komprensiva għad-drittijiet tat-tfal, u pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin, billi tibni fuq l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u ttejjibha;

3.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tiżviluppa ulterjorment linji gwidi integrati tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal, bil-għan li tnaqqas il-frammentazzjoni li tirriżulta minn risposti bbażati fuq kwistjonijiet partikolari li jindirizzaw tħassib speċifiku dwar il-protezzjoni tat-tfal, sabiex it-tfal kollha fl-UE jkunu protetti b'mod effikaċi minn kull forma ta' vjolenza;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" fl-Istati Membri, u tiżgura l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u l-parteċipazzjoni tat-tfal; jistieden lill-dawk l-Istati Membri li għandhom rati ogħla mill-medja ta' faqar fost it-tfal biex jistabbilixxu objettivi nazzjonali u jipprijoritizzaw l-investimenti bil-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ;

5.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju bħala l-prijorità ewlenija fil-politiki interni tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza l-fatt li dawn l-objettivi, speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistgħu jinkisbu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li huma aċċessibbli għal kulħadd;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw attenzjoni espliċita fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fis-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fi Strateġija Ewropa 2020 riveduta, sabiex tiġi implimentata aħjar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ";

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti tagħha, bil-għan li jiġu integrati b'mod effikaċi d-drittijiet tat-tfal fil-proposti leġiżlattivi, il-politiki u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-UE, u jitwettaq monitoraġġ tal-konformità sħiħa tagħhom mal-acquis tal-UE fir-rigward tat-tfal, u mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mandat u r-riżorsi tal-Koordinatur tad-Drittijiet tat-Tfal jirriflettu adegwatament l-impenn tal-UE biex tintegra b'mod sistematiku u effikaċi d-drittijiet tat-tfal;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità li ngħatatilha mir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex tiżgura li l-fondi tal-UE jkunu ta' benefiċċju għat-tfal l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, huma u jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni, bħall-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità, il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, lit-tfal jikkunsidrawhom espliċitament bħala prijorità; itenni l-importanza li jiġi protett u promoss l-aċċess ugwali għad-drittijiet kollha għat-tfal Rom;

10.  Jinsisti li l-politiki kollha dwar id-drittijiet tat-tfal iridu jintegraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniet, inklużi l-edukazzjoni u s-saħħa;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jitħares fil-leġiżlazzjoni kollha, f'deċiżjonijiet meħuda mir-rappreżentanti tal-gvernijiet fil-livelli kollha u fid-deċiżjonijiet kollha tal-qrati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki bil-għan li jtejbu l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-UE kollha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess effikaċi għas-sistemi tal-ġustizzja maħsuba għall-bżonnijiet u d-drittijiet speċifiċi tagħhom, kemm jekk bħala persuni suspettati, awturi ta' reat, vittmi jew partijiet involuti fi proċedimenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li għandhom il-politiki ta' detenzjoni u s-sistemi ta' ġustizzja kriminali fuq it-tfal; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-UE d-drittijiet tat-tfal jintlaqtu b'mod dirett fil-każ ta' tfal li jgħixu f'ċentri ta' detenzjoni mal-ġenituri tagħhom; jissottolinja l-fatt li, kull sena, madwar 800 000 tifel u tifla fl-UE jiġu mifruda minn ġenitur li jinsab il-ħabs, u dan ikollu bosta riperkussjonijiet fuq id-drittijiet tat-tfal;

14.  Iqis li t-tfal huma vulnerabbli fl-aċċess tagħhom għall-oġġetti u s-servizzi; jistieden lill-komunità tan-negozju u l-partijiet interessati biex ma jindirizzawx reklamar aggressiv u qarrieqi lit-tfal, kemm online kif ukoll offline, billi, fost miżuri oħra, jimplimentaw kodiċi ta' kondotta u inizjattivi simili eżistenti; iqis li r-reklamar destinat għat-tfal dwar ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, melħ jew zokkor għandu jsir b'mod responsabbli, u li dak li jkun għandu jżomm f'moħħu l-obeżità u d-dijabete fost it-tfal;

15.  Huwa tal-fehma li d-data personali tat-tfal li tinsab online trid tkun rispettata kif xieraq u li t-tfal jeħtieġ li jkunu informati, b'mod aċċessibbli u li jqis l-interessi tagħhom, dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jeżistu meta jużaw id-data personali tagħhom online; jisħaq fuq il-fatt li t-tfassil online ta' profili tat-tfal għandu jkun ipprojbit; iqis li t-tfal kollha għandu jkollhom id-dritt li jgawdu minn ambjent moralment pożittiv u sigur, kif ukoll mill-aċċess għal-logħob;

16.  Jsitieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, fid-dawl tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta' traffikar huma bniet u subien żgħar, li huma vittmi ta' tħaddim u sfruttament sesswali, kif ukoll ta' abbużi oħra; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bil-għan li jipprevjenu dawn ir-reati u jressquhom quddiem qorti kriminali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu t-trasferiment illeċitu tat-tfal, jaħdmu f'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi bil-għan li jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-kuntrabandu u t-traffikar tat-tfal, u jressqu lit-traffikanti quddiem il-qorti, b'sanzjonijiet xierqa;

17.  Iqis li jridu jittieħdu passi biex jiġi miġġieled il-bullying fuq l-internet, u li t-tfal, l-għalliema u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni;

18.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jinvestu f'servizzi pubbliċi għat-tfal, inklużi l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa, u b'mod partikolari jinvestu biex jestendu n-netwerk pubbliku ta' kindergartens, nurseries u servizzi ta' utilità pubblika li joffru attivitajiet ta' rikreazzjoni għat-tfal;

19.  Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel livelli ta' edukazzjoni mhux dejjem jiggarantixxu l-livell bażiku ta' tagħlim, jistieden lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni sekondarja obbligatorja mingħajr ħlas għal kulħadd, peress li din hija kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju tad-dritt għal opportunitajiet indaqs;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jaddottaw liġijiet bil-għan li jissalvagwardaw u jsaħħu d-drittijiet għall-maternità u l-paternità sabiex b'hekk jipprovdu ambjent moralment pożittiv u stabbli għat-tfal fl-ewwel xhur ta' ħajjithom;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-kapaċità legali, il-kompetenzi tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-koperazzjoni, inkluża dik mal-Europol, bil-għan li jinvestigaw u jżarmaw netwerks ta' trasgressuri sesswali kontra t-tfal b'mod aktar effikaċi, filwaqt illi jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;

22.  Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni effikaċi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-informatika, il-fornituri tas-servizz tal-Internet (ISPs), is-settur bankarju u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiggarantixxu d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online u jqisuhom bħala persuni vulnerabbli skont il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni u jindirizzaw il-fenomenu taċ-ċiberpredaturi u l-forom kollha ta' bullying fuq l-internet;

23.  Iqis li t-tfal mhux akkumpanjati huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett relatat mas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, sabiex itejbu l-kundizzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex itemmu d-detenzjoni tal-migranti tfal fl-UE kollha; jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-648/11 MA, BT, DA vs Secretary of State for the Home Department, fejn ġie ddikjarat li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal asil li tkun saret f'aktar minn Stat Membru wieħed minn minuri mhux akkumpanjat huwa l-Istat li fih il-minuri ikun preżenti wara li jkun ressaq applikazzjoni hemmhekk; ifakkar li l-minuri mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-prinċipju ewlieni li għandhom iħaddnu l-Istati Membri u l-UE huma u jindirizzaw każijiet ta' minuri mhux akkumpanjati irid ikun il-protezzjoni tat-tfal, aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, biex b'hekk ikunu qed jirrispettaw il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal;

24.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal għal tfal li m'għandhomx kura mill-ġenituri, u l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Fondi Strutturali tal-UE biex tagħti sostenn lit-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fuq il-komunità; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' għadd konsiderevoli ta' każijiet li, fihom, l-awtoritajiet pubbliċi f'xi Stati Membri ġew akkużati li pproċedew bl-adozzjoni furzata mingħajr ma ngħata kunsens mill-ġenituri, biex tipproponi miżuri speċifiċibil-għan li tiżgura li l-prattiki ta' adozzjoni mwettqa fl-Istati Membri jsiru fl-aħjar interessi tat-tfal;

25.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja b'mod pożittiv, uman u rapidu, f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar koordinat biex jinstabu t-tfal neqsin fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'każijiet transfruntiera li jinvolvu tfal neqsin, u jiżviluppaw hotlines għat-tfittxija tat-tfal neqsin u jappoġġaw lill-vittmi tal-abbuż fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-adeżjoni tal-Marokk, is-Singapor, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, il-Gabon u l-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, hija u tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, tieħu b'serjetà l-aħjar interessi tat-tfal, fid-dawl tal-lakuni li jeżistu fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-ġenituri u d-dritt ta' kustodja;

28.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal, l-abbuż fiżiku, sesswali u verbali, iż-żwigijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, it-tortura, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-użu ta' suldati tfal u l-użu tat-tfal bħala tarek umani, il-privazzjoni, in-negliġenza u l-malnutrizzjoni; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura u r-reliġjon m'għandhom qatt jintużaw bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq it-tfal, anki billi jimponu sanzjonijiet u jipprojbixxu b'mod formali s-swat tal-ġisem fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi, jissensibilizzaw il-pubbliku u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tat-tfal kullimkien fid-dinja;

29.  Jikkundanna l-użu tat-tfal għal skopijiet jew attivitajiet ta' natura militari jew terrorista; ifakkar fl-importanza li jingħataw appoġġ u assistenza ta' natura psikoloġika lit-tfal kollha li jkunu ġew esposti għal ġrajjiet vjolenti jew tfal li jkunu vittmi tal-gwerra; jilqa' l-inizjattiva tal-UE "Tfal tal-Paċi", u jissottolinja l-importanza li t-tfal milquta mill-kunflitti jingħataw aċċess għall-edukazzjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tappoġġa l-kampanja tan-NU "Tfal, mhux suldati", maħsuba biex sal-2016 jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tas-suldati tfal mill-forzi ta' sigurtà nazzjonali;

30.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna kollha tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati b'mod effikaċi, anki fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehimiet ta' kummerċ, il-proċess ta' adeżjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, u f'relazzjonjiet mal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jistieden lill-VP/RGħ tagħti rendikont fuq bażi annwali lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja sabiex tiggarantixxi finanzjament adegwat u żżid il-livell ta' protezzjoni għat-tfal milquta minn emerġenzi jew diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, it-tfal spustati f'pajjiżhom jew it-tfal rifuġjati; jissottolinja l-importanza li tinħoloq rabta bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, speċjalment fi kriżijiet li jdumu għaddejjin snin twal, u li l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda jiġu integrati fil-politiki u l-programmi tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu promossi aħjar f'sitwazzjonijiet ta' żvilupp u emerġenza;

32.  Jilqa' l-fatt li l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata b'mod konġunt lil Kailash Satyarthi u Malala Yousafzai għall-impenn tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni; jifraħ bl-approvazzjoni espressa pubblikament min-Netwerk tal-Premju Sakharov għall-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza fuq it-tfal; iqis li dawn l-inizjattivi juru b'mod ċar ir-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-appoġġ u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

33.  Jissottolinja r-rwol importanti li għandhom is-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħdu azzjoni u jfasslu opinjonijiet bil-għan li jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki tal-UE kollha;

34.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jikkoperaw fil-livelli kollha biex itejbu s-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE u fil-bqija tad-dinja; jilqa' u jappoġġa l-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, miktub b'mod konġunt mill-UNICEF u minn 14-il organizzazzjoni li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, u jħeġġeġ lil aktar Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll membri tal-parlamenti nazzjonali, jiffirmaw il-Manifest u jsiru "difensuri tad-drittijiet tat-tfal";

35.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li jinħoloq intergrupp dwar id-drittijiet u l-benessri tat-tfal fi ħdan il-Parlament Ewropew, imsejjes fuq il-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħala entità permanenti responsabbli għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Parlament Ewropew, kemm fil-kuntest tal-affarijiet interni, kif ukoll f'dak tal-affarijiet barranin; jappoġġa, għaldaqstant, l-inizjattiva li jinħatru "punti ta' kuntatt" għad-drittijiet tat-tfal fi ħdan il-kumitati parlamentari kollha sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati f'kull test politiku u leġiżlattiv adottat;

36.  Iqisha ħaġa importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-attivitajiet parlamentari tiegħu, f'konformità mal-prattiki stabbiliti mill-Unjoni Interparlamentari u l-UNICEF; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jesploraw mezzi biex iżidu l-parteċipazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; iħeġġeġ l-użu tal-innovjazzjoni u t-teknoloġiji ġodda biex jiġu konsultati t-tfal u ż-żgħażagħ u tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-protokolli fakultattivi kollha tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jfittxu mezzi biex l-UE taderixxi b'mod unilaterali mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti, is-Somalja u s-Sudan t'Isfel jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal sabiex tinkiseb ratifika universali;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF.

(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(3) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0387.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0105.

Avviż legali