Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2183(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0063/2014

Testi mressqa :

A8-0063/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2014 - 5.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0082

Testi adottati
PDF 339kWORD 79k
It-Tlieta, 16 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas - Greċja
P8_TA(2014)0082A8-0063/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas, imressqa mill-Greċja) (COM(2014)0702 – C8-0245/2014 – 2014/2183(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0702 – C8‑0245/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0063/2014),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin jew dawk ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin lil dawk il-ħaddiema jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi stabbilita għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas S.A fid-29 ta' Lulju 2014 wara t-tkeċċija ta' 551 ħaddiema f'Odyssefs Fokas S.A., impriża li kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Rev. 2 diviżjoni 47 ("Kummerċ bl-imnut, ħlief għall-vetturi bil-mutur u muturi");

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Griegi qiesu l-benefiċċji kbar ta' dan l-istrument baġitarju u diġà użawh bosta drabi bħala mezz biex jiffaċċjaw l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni skont il-kriterju ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi mill-anqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja jew li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet fir-rigward tal-fornituri tagħha u tal-produtturi tagħha aktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni;

3.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Lulju 2014 u li l-valutazzjoni tagħha tqiegħdet għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni fil-11 ta' Novembru 2014; jilqa' l-valutazzjoni rapida ta' anqas minn ħames xhur;

4.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi jsostnu li l-ġrajjiet li wasslu għas-sensji kienu prinċipalment tnejn: it-tnaqqis tad-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi ― minħabba ż-żieda fil-piż tat-taxxa, it-tnaqqis fis-salarji (kemm ta’ impjegati privati kif ukoll ta' ħaddiema tal-gvern) u ż-żieda fil-qgħad ― li rriżultaw fi tnaqqis qawwi tal-kapaċità tal-akkwist; u t-tnaqqis drastiku ta’ self lil intrapriżi u lil individwi minħabba n-nuqqas ta’ likwidità fil-banek Griegi;

5.  Jaqbel li dawn il-fatturi huma marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009(4) u li l-Greċja għaldaqstant hija intitolata għal kontribuzzjoni mill-FEG;

6.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-bejgħ bl-imnut kien is-suġġett ta' tliet applikazzjonijiet għall-FEG, tnejn minnhom mill-Greċja, ibbażati wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

7.  Jinnota li dawn is-sensji sejrin ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad f'pajjiż fejn matul il-perjodu 2008-2013 in-numru ta' persuni qiegħda żdied b'erba' darbiet u li jippreżenta l-ogħla rata ta’ qgħad fost l-Istati Membri u l-ħames l-ogħla waħda madwar id-dinja; jinsab partikolarment imħasseb dwar ir-reġjuni ta' Attika u tal-Maċedonja Ċentrali, li jikkonċentraw 90 % tas-sensji u li diġà jippreżentaw rati ta' qgħad 'il fuq mill-medja nazzjonali ta' 27,5 %;

8.  Jinnota li minbarra l-551 sensja matul il-perjodu ta' referenza, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 49 ħaddiem imkeċċi qabel il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, u b'hekk l-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli jammonta għal 600 persuna; jinnota li 89,17 % tal-ħaddiema ssensjati eliġibbli għal appoġġ mill-FEG huma nisa.

9.  Jilqa' l-fatt li, barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi sejrin jipprovdu servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 500 żagħżugħ(a) li mhumiex fl-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) li jkollhom anqas minn 30 sena fid-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni, peress li s-sensji kollha msemmijin fil-paragrafu 8 jseħħu fir-reġjuni tal-livell 2 tan-NUTS ta' Κεντρική Μακεδονία (Maċedonja Ċentrali) (EL12), Θεσσαλία (Tessalja) (EL14) u Aττική (Attika) (EL30), li huma eliġibbli skont l-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u għaldaqstant in-numru totali ta' benefiċarji hu 1100;

10.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ddeċidew li jipprovdu servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta' 500 NEET taħt it-30 sena; jinnota li skont l-applikazzjoni, l-awtoritajiet Griegi sejrin jużaw – fost l-oħrajn – kriterji allinjati mal-kriterji inklużi fil-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ (jiġifieri żgħażagħ f'riskju tal-esklużjoni, il-livell tad-dħul tal-unitajiet domestiċi, il-livell tal-edukazzjoni, it-tul taż-żmien tal-qgħad, u oħrajn), kif ukoll, espressjonijiet ta' interess; jappella lill-awtoritajiet Griegi biex iżommu f'moħħhom il-kriterji soċjali u jiżguraw li l-għażla tal-benefiċjarji għall-appoġġ mill-FEG tkun tirrispetta kompletament il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs;

11.  Jappoġġa l-kriterji soċjali applikati mill-awtoritajiet Griegi biex jidentifikaw l-NEETs fil-mira tal-miżuri tal-FEG, bil-kunsiderazzjoni tad-data dwar dħul tal-unitajiet domestiċi, il-livell tal-edukazzjoni u t-tul taż-żmien tal-qgħad; jappella biex l-għażla tal-benefiċjarji tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni sabiex tagħti opportunitajiet anke lil dawk l-iżjed imbiegħda mis-suq tax-xogħol;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Griegi jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-azzjonijiet u l-eżiti ffinanzjati bl-għan li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki, speċjalment fir-rigward tal-għażla u l-appoġġ ipprovdut lill-NEETs;

13.  Jinnota li l-ispejjeż totali stmati huma ta' EUR 10 740 000, li minnhom EUR 210 000 huma ddedikati għall-implimentazzjoni, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG tammonta għal EUR 6 444 000, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali;

14.  Jinnota li l-kontribuzzjoni għal attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni, informazzjoni u reklamar, u kontroll u rrapurtar jikkostitwixxu 1,96% tal-baġit totali; jinnota barra minn hekk li hu ppjanat li kważi nofs din il-kontribuzzjoni tintuża għall-informazzjoni u r-reklamar;

15.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Griegi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-20 ta' Ottubru 2014, qabel id-deċiżjoni definittiva dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

16.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira (eks imjegati ta' Fokas u avukati tal-impjegati) u l-Federazzjoni tal-Impjegati Privati fil-Greċja;

17.  Jinnota li s-servizzi personalizzati li għandhom jiġu pprovduti ġew imfassla biex jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tal-NEETs u jikkonsistu fil-miżuri li ġejjin: gwida okkupazzjonali, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, kontribuzzjoni għall-bidu ta’ negozju, benefiċċji għat-tfittix għal impjieg, benefiċċji għat-taħriġ u benefiċċji tal-mobilità;

18.  Jenfasizza l-importanza tas-servizzi personalizzati immirati biex jgħinu l-benefiċjarji fil-mira biex jidentifikaw il-ħiliet tagħhom u biex jistabbilixxu pjan realistiku għal karriera abbażi tal-interessi u tal-kwalifiki tagħhom;

19.  Jilqa' l-fatt li l-monitoraġġ hu inkluż fil-miżuri proposti, li jipprevedi segwitu tal-parteċipanti matul is-sitt xhur li jmiss wara tmiem l-implimentazzjoni tal-miżuri;

20.  Jinnota li l-parti l-kbira tal-fondi mitluba għandhom l-għan li jappoġġaw il-kontribuzzjoni għat-tnedija ta' negozji ġodda (EUR 3 000 000) u miżuri ta' taħriġ (EUR 2 960 000);

21.  Jinnota li l-ammont massimu eliġibbli ta' EUR 15 000 se jingħata lil 200 ħaddiema u NEET magħżula bħala kontribuzzjoni biex ikunu jistgħu jwaqqfu n-negozji proprji tagħhom; jenfasizza l-fatt li l-għan ta' din il-miżura hu l-promozzjoni tal-intraprenditorija billi jiġi pprovdut finanzjament għal inizjattivi ta' negozju vijabbli, li għandhom iwasslu għall-ħolqien ta' aktar postijiet tax-xogħol fuq perjodu ta' żmien medju; jinnota li dan l-ammont massimu eleġibbli se jingħata taħt kundizzjonijiet speċifiċi u skont il-vijabbiltà tan-negozji ġodda appoġġjati;

22.  Jenfasizza l-valur miżjud ġenwin u jirrakkomanda l-offerta għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol; jinnota li madwar terz tal-appoġġ ippjanat jikkonsisti f'benefiċċji u għaldaqstant f'miżuri passivi tas-suq tax-xogħol;

23.  Jinnota li l-ispiża għal miżuri ta' taħriġ f'din l-applikazzjoni tikkumpara tajjeb ma' dik ta' applikazzjoni preċedenti mill-Greċja; jinnota li hemm varjazzjoni ta' dawn l-ispejjeż f'applikazzjonijiet simili minn Stati Membri oħrajn;

24.  Jappella sabiex il-miżuri tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ippjanati fi ħdan il-perjodu ta' programmazzjoni tal-FSE l-ġdid jikkomplementaw il-pjan tal-FEG u jiffaċilitaw ir-riintegrazzjoni tal-ħaddiema f'setturi ekonomiċi sostenibbli u orjentati lejn il-ġejjieni; ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti u sostenibbli fl-użu tar-riżorsi;

25.  Jilqa' l-fatt li se jkunu rispettati l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom;

26.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/013 EL/Odyssefs Fokas, ippreżentata mill-Greċja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/43.)

Avviż legali