Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2053(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0076/2014

Testi mressqa :

A8-0076/2014

Dibattiti :

PV 16/12/2014 - 14
CRE 16/12/2014 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2014)0090

Testi adottati
PDF 304kWORD 60k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2014: Riżorsi proprji tradizzjonali (TOR), bażijiet tal-VAT u Dħul Gross Nazzjonali (DGN)
P8_TA(2014)0090A8-0076/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2014 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III – Il-Kummissjoni (16741/2014 – C8-0290/2014 – 2014/2053(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, adottat b'mod definittiv fl-20 ta' Novembru 2013(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 4/2014 adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Lulju 2014 (COM(2014)0461)),

–  wara li kkunsidra l-ittra emendatorja Nru 1 tal-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 4/2014, li l-Kummissjoni ppreżentat fis-16 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet konġunti approvati mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2014 adottata mill-Kunsill fil-12 ta' Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (16741/2014 – C8-0290/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8‑0076/2014),

A.  billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju (ABE) Nru 4/2014, jirrigwarda reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. dazji doganali u imposti fuq is-settur taz-zokkor), il-VAT u d-Dħul Gross Nazzjonali (DGN), l-ibbaġitjar tal-korrezzjonijiet rilevanti li jikkonċernaw r-Renju Unit, u reviżjoni tal-previżjoni ta' dħul ieħor li jiġi minn multi, li b'hekk jirriżulta f'bidla fil-livell u d-distribuzzjoni bejn l-Istati Membri u l-kontribuzzjoni tar-riżorsi proprji tagħhom għall-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-ABE Nru 4/2014 inaqqas ukoll l-approprjazzjonijiet baġitarji ta’ impenn u ta’ ħlas għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data b’EUR 248 260 u jipproponi xi modifiki għan-nomenklatura tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jirrifletti l-bażi legali adottata,

C.  billi l-ABE huwa kruċjali biex jevita nuqqas ta’ likwidità li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ implimentazzjoni fl-2014,

1.  Jieħu nota tal-ABE Nru 4/2014, emendat bl-ittra emendatorja Nru 1 tal-ABE Nru 4/2014, li jipprovdi għar-reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (i.e. dazji doganali u imposti fuq is-settur taz-zokkor), fuq il-bażi tal-aħjar estimi tal-Kummissjoni u ċerti żviluppi oħrajn, kif ukoll ir-reviżjoni ulterjuri tal-previżjoni ta’ dħul ieħor, li jiġi minn serje ta’ multi li saru definittivi u għalhekk jistgħu jiġu bbaġitjati;

2.  Jinnota li t-tnaqqis fir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali, previst li jkun madwar EUR 646,1 miljun, u fir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT, b’EUR 192,4 miljun, huwa kkumpensat bil-multi msemmija hawn fuq għal ammont kumulat ta’ EUR 2 433 miljun u b’hekk jitnaqqas mekkanikament il-bżonn għal kontribuzzjonijiet addizzjonali tal-DGN b’EUR 1 594,5 miljun;

3.  Jinnota li l-ABE Nru 4/2014, inkluża l-ittra emendatorja Nru 1 tiegħu, jipprovdi għal tnaqqis kumplessiv fir-rekwiżiti għar-riżorsi proprji addizzjonali, primarjament minħabba l-ibbaġitjar ta' multi u mgħax fuq ħlasijiet li jaslu tard li saru definittivi, u li jammonta għal EUR 2 433 miljun;

4.  Jinnota li l-ABE Nru 4/2014 jipproponi tnaqqis kemm fl-approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f’dawk ta’ ħlas għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) b’EUR 248 460 minħabba d-dewmien fil-ħatra tal-Kontrollur u l-Assistent KEPD l-ġodda;

5.  Iħaddan il-konklużjonijiet konġunti miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2014 bil-għan li japprova l-ABE Nru 4/2014 kif oriġinarjament propost mill-Kummissjoni, u kif emendat mill-Ittra Emendatorja Nru 1 għal ABE Nru 4/2014, bl-inklużjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn mill-ABE Nru 6/2014 relatati mall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-riżerva għall-Ftehimiet ta' Sħubija dwar Sajd Sostenibbli, kif ukoll ir-riallokazzjoni tal-ammont ta' EUR 248 460 tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas disponibbli identifikati fl-intestatura għall-KEPD għalll-intestatura baġitarja 23 02 01 Għajnuna umanitarja;

6.  Ifakkar li l-adozzjoni ta' dan l-ABE se tnaqqas il-bżonn għal riżorsi proprji addizzjonali għall-baġit tal-Unjoni b'EUR 2 433 miljun u għalhekk, flimkien mas-sehem imnaqqas tal-kontribuzzjoni tal-DGN mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni li jirriżulta mill-ABE Nru 3/2014, l-ABE Nru 6/2014 u l-ABE Nru 8/2014, tikkumpensa bis-sħiħ għall-ħlasijiet addizzjonali meħtieġa rikjesti fl-ABE Nru 3/2014, kif miftiehem fil-konklużjonijiet konġunti tat-8 ta' Diċembru 2014;

7.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2014;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2014 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 20.2.2014, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

Avviż legali