Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2039(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0071/2014

Testi mressqa :

A8-0071/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0099

Testi adottati
PDF 311kWORD 57k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-istrument ta' flessibbiltà – finanzjament tal-programmi tal-Fondi Strutturali għal Ċipru
P8_TA(2014)0099A8-0071/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità, b'konformità mal-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (COM(2014)0349 – C8-0022/2014 – 2014/2039(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0349 – C8-0022/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), (Regolament QFP) u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikulari l-punt 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit ġenerali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Novembru 2014 (COM(2014)0723),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottata mill-Kunsill fis-12 ta’ Diċembru 2014 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (16739/2014 – C8-0287/2014),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fis-17 ta' Diċembru 2014 dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit tal-2015(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0071/2014),

A.  billi, wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonjiet ta’ impenn taħt is-subintestatura 1b, jidher li tinħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn,

B.  billi l-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza l-Istrument ta’ Flessibbiltà lil hinn mil-limitu massimu tal-QFP sabiex tikkomplementa l-finanzjament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, bl-ammont ta' EUR 79 8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fir-rigward tal-allokazzjoni addizzjonali mill-Fondi Strutturali lil Ċipru, b'ammont totali ta' EUR 100 miljun għall-2015,

1.  Jirrimarka li, minkejja tisħiħ ristrett fl-approprjazzjonijiet ta' impenn fuq għadd limitat ta' partiti tal-baġit, il-limitu massimu għall-2015 tas-subintestatura 1b ma jippermettix finanzjament adegwat għal prijoritajiet politiċi importanti u urġenti tal-Unjoni;

2.  Jaqbel għalhekk mal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà u jemenda l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiffinanzja l-allokazzjoni addizzjonali għall-programmi tal-Fondi Strutturali Ċiprijotti taħt is-subintestatura 1b sal-ammont ta' EUR 83,26 miljun;

3.  Itenni li l-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument, kif prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-QFP, turi biċ-ċar għal darb'oħra l-ħtieġa kruċjali li l-baġit tal-Unjoni jkun flessibbli;

4.  Itenni l-opinjoni tiegħu li ilha stabbilita li, mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiġu mobilizzati għal intestaturi baġitarji speċifiċi permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà mingħajr mobilizzazzjonijiet preċedenti f'impenji, il-pagamenti li jirriżultaw minn impenji preċedentement mobilizzati permezz tal-Istrument ta' Flessibbiltà jistgħu jingħaddu biss oltre l-limiti massimi;

5.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0100.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/421.)

Avviż legali