Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0277/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.22
CRE 17/12/2014 - 10.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0103

Testi adottati
PDF 294kWORD 62k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
Rikonoxximent ta' stat Palestinjan
P8_TA(2014)0103RC-B8-0277/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rikonoxximent ta’ stat Palestinjan (2014/2964(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tas-17 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President dwar l-attakk fis-sinagoga ta' Har Nof fit-18 ta' Novembru 2014 u dwar l-attakk terroristiku f'Ġerusalemm tal-5 ta' Novembru 2014, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani tal-10 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra t-tħabbira tat-30 ta' Ottubru 2014 tal-Gvern Svediż li jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina, kif ukoll ir-rikonoxximent preċedenti min-naħa ta' Stati Membri oħra qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-mozzjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina approvati mill-House of Commons tar-Renju Unit fit-13 ta' Ottubru 2014, mis-Senat Irlandiż fit-22 ta' Ottubru 2014, mill-Parlament Spanjol fit-18 ta' Novembru 2014, mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fit-2 ta' Diċembru 2014, u mill-Assemblea Portugiża fit-12 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE ripetutament ikkonfermat l-appoġġ tagħha għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati bl-Istat ta' Iżrael sikur u bi Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u talbet li t-taħdidiet ta' paċi diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestina jissuktaw;

B.  billi s-sejbien ta' paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani ilha kwistjoni ta' interess ewlieni għall-kommunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, għal aktar minn nofs seklu;

C.  billi t-taħditiet diretti dwar il-paċi bejn il-partijiet huma wieqfa; billi l-UE stiednet lill-partijiet ifittxu azzjonijiet li jwasslu għall-ambjent ta’ fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati b'sinifikat, joqogħdu lura milli jieħdu azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibilità tal-proċess u jipprevjenu t-tixwix;

D.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012, il-Parlament Ewropew enfasizza li l-mezzi paċifici u mhux vjolenti huma l-uniku mod li permezz tiegħu tista’ tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, talab li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jissuktaw it-taħditiet diretti ta' paċi bejn iż-żewġ partijiet, appoġġja, f'dan ir-rigward, it-talba tal-Palestina li ssir stat osservatur mhux membru fin-Nazzjonijiet Uniti, qies li dan kien pass importanti biex l-pretiżi Palestinjani jsiru aktar viżibbli, aktar b'saħħithom u aktar effikaċi, u stieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali jilħqu ftehim f'din id-direzzjoni;

E.  billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet fid-29 ta’ Novembru 2012 li tagħti lill-Palestina l-istatus ta’ stat osservatur mhux membru fin-NU;

F.  billi r-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina jagħmel parti mill-kompetenza tal-Istati Membri;

G.  filwaqt li jfakkar fl-impenn tal-PLO li tirrikonoxxi l-Istat ta' Iżrael sa mill-1993;

1.  Jappoġġja fil-prinċipju r-rikonoxximent ta' stat Palestinjan u s-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jemmen li dawn għandhom jimxu id f'id mal-iżvilupp tat-taħdidiet ta' paċi, li għandhom jitmexxew 'il quddiem;

2.  Jappoġġja l-isforzi tal-President Abbas u l-gvern Palestinjan ta' kunsens nazzjonali; jerġa' jisħaq fuq l-importanza li tiġi kkonsolidata l-awtorità tal-gvern Palestinjan ta' kunsens u l-amministrazzjoni tiegħu fl-Istrixxa ta' Gaża; iħeġġeġ lill-fazzjonijiet Palestinjani kollha, inkluż il-Ħamas, jaċċettaw l-impenji tal-PLO u jtemmu d-diviżjonijiet interni; jitlob li l-UE tkompli tagħti appoġġ u għajnuna għall-bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali Palestinjani;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li f'dan ir-reġjun, it-tensjonijiet qed jikbru u l-vjolenza qed tiżdied; jikkundanna bil-qawwa kollha l-atti kollha ta' terroriżmu u vjolenza, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi; iwissi dwar ir-riskju ta' eskalazzjoni ulterjuri tal-vjolenza li tinvolvi siti mqaddsa, li jistà jittrasforma l-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani f'kunflitt reliġjuż; jistieden lill-mexxejja politiċi min-naħat kollha biex jaħdmu flimkien permezz ta' azzjonijiet viżibbli ħalli jbaxxu t-tensjonijiet u jenfasizza li l-mezzi mhux vjolenti u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju huma l-uniku mod ta' kif tista' tinstab soluzzjoni sostenibbli u paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni vjolenti tista' biss tkebbes l-estremiżmu fuq iż-żewġ naħat; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' taggrava s-sitwazzjoni permezz ta' tixwix, provokazzjoni, użu eċċessiv ta' forza jew ritaljazzjoni;

4.  Jenfasizza wkoll li kwalunkwe azzjoni li tqajjem dubji dwar l-impenji ddikjarati għal soluzzjoni negozjata għandha tiġi evitata; jissottolinja li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali; jitlob liż-żewġ partijiet ma jeħdux azzjonijiet li jistgħu jdgħajfu l-vijabbiltà u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

5.  Itenni s-sostenn qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat ta' Iżrael sikur u bi Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà abbażi tad-dritt ta' awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali;

6.  Jilqa' ż-żjara riċenti tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President fl-Iżrael u fil-Palestina u l-impenn tagħha li tinvolvi ruħha b'mod proattiv fi proċess pożittiv li jkollu l-għan li ċ-ċirku ta' kunflitt jitkisser u li joħloq l-kundizzjonijiet politiċi għal progress ġenwin fil-proċess ta' paċi; jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha ġġorr ir-responsabilità tagħha u ssir attur u faċilitatur ġenwin fil-proċess ta' paċi tal-Lvant Nofsani, anke fil-perspettiva tal-ħtieġa li jissuktaw it-taħdidiet ta' paċi , inkluż permezz ta' approċċ komuni u strateġija komprensiva biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; itenni li approċċ diplomatiku taħt l-awspiċi tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani huwa meħtieġ, u jfakkar fl-importanza tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;

7.  Jistieden lill-RGħ/VP tiffaċilita pożizzjoni komuni tal-UE f'dan ir-rigward;

8.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' paċi komprensiva, li ttemm kwalunkwe pretiża u twettaq l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ partijiet, inklużi dawk tal-Iżraeljani għas-sigurtà u dawk tal-Palestinjani għal stat; jenfasizza li l-unika soluzzjoni possibbli għall-kunflitt hija l-koeżistenza ta' żewġ stati, l-Iżrael u l-Palestina;

9.  Jiddeċiedi li jvara inizjattiva ta’ “Membri Parlamentari għall-Paċi” intiża biex tiġbor flimkien Membri Parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani bil-għan li tgħin biex tmexxi 'l quddiem l-aġenda għall-paċi u tikkumplementa l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u l-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

Avviż legali