Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2976(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0352/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2014 - 10.23
CRE 17/12/2014 - 10.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2014)0104

Testi adottati
PDF 344kWORD 111k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2014 - Strasburgu Verżjoni finali
L-industrija tal-azzar tal-UE: nipproteġu l-ħaddiema u l-industriji
P8_TA(2014)0104RC-B8-0352/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-settur tal-azzar fl-UE: il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-industriji (2014/2976(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, li minnu tnissel it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011 bit-titolu 'Il-politika industrijali: it-tisħiħ tal-kompetittività' (COM(2011)0642),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu 'Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku – Aġġornament tal-komunikazzjoni dwar il-politika industrijali' (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa' (COM(2013)0407),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar, u dwar ir-ristrutturar, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar informazzjoni lill-ħaddiema u konsultazzjoni tal-ħaddiema, antiċipazzjoni u ġestjoni tar-ristrutturazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impjant tal-azzar Acciai Speciali Terni (AST) fl-Italja (O-000087/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

L-isfidi ġenerali

A.  billi s-settur tal-azzar Ewropew kellu rwol storikament sinifikanti fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea u jikkostitwixxi l-bażi għall-ħolqien tal-valur miżjud industrijali Ewropew;

B.  billi s-settur tal-azzar għandu rwol essenzjali fl-ekonomija u l-industrija tal-Ewropa u attwalment qed iġarrab tnaqqis sostanzjali fid-domanda, li qed jikkawża telf kontinwu ta' impjiegi u kompetittività li mhuwiex sinjal tajjeb għall-irkupru meħtieġ tal-ekonomija Ewropea;

C.  billi l-UE għandha tippromwovi politika favur l-iżvilupp tal-produzzjoni industrijali fl-Istati Membri kollha sabiex tissalvagwardja l-impjiegi fl-UE u għandha tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq l-objettiv indikattiv tagħha li sal-2020 iżżid is-sehem tal-PDG iġġenerat mill-industrija għal 20 %;

D.  billi wieħed mill-objettivi tal-UE huwa li tappoġġa l-industrija tal-azzar u telimina x-xkiel u t-theddid għall-kompetittività tal-industrija, u li l-industrija ssir reattiva għal kundizzjonijiet tas-suq Ewropew, kif ukoll ta' swieq mhux Ewropej, li qed jinbidlu;

E.  billi fis-snin reċenti l-industrija tal-azzar ħabbtet wiċċha ma' sfidi enormi f'termini ta' ristrutturar u fużjonijiet industrijali, bi spejjeż soċjali korrispondenti, kif ukoll f'termini ta' rekwiżiti ġodda biex jintlaħqu l-miri tal-UE rigward il-klima;

F.  billi għadd kbir ta' produtturi tal-azzar, b'mod partikolari, kienu qed jużaw strateġiji li jiffukaw fuq redditi finanzjarji fuq terminu qasir għad-detriment tal-innovazzjoni, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-impjieg u t-tiġdid tal-ħiliet;

G.  billi l-industrija Ewropea tal-azzar qed tħabbat wiċċha ma' kriżi ta' investiment li qed tipperikola l-futur tagħha stess, filwaqt li, fl-istess ħin, il-materjali tal-azzar huma mistennija jkollhom rwol kruċjali fil-provvediment ta' soluzzjonijiet industrijali sostenibbli għall-urbanizzazzjoni, il-mobilità u t-tibdil demografiku;

H.  billi żieda fid-domanda limitata se tfisser li l-Ewropa, minn esportatur nett se ssir importatur nett tal-azzar, speċjalment ta' prodotti ċatti u prodotti ta' valur miżjud għoli;

I.  billi skont il-Kummissjoni l-għeluq ta' impjanti wassal għal telf ta' 60 000 impjieg mill-2007, u l-produzzjoni naqset minn 210 miljun tunnellata fl-2007 għal 166 miljun tunnellata fl-2013(4);

Il-kompetittività u l-kummerċ

J.  billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħtieġa għal prestazzjoni ambjentali għolja maż-żieda fil-kompetittività globali filwaqt li jittaffa t-tħassib dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju u jittejjeb l-aċċess għall-materja prima għadhom sfidi fundamentali għas-settur tal-azzar, meta jitqies il-fatt li kompetituri differenti huma marbuta bi standards differenti;

K.  billi l-ispejjeż għall-enerġija jridu jiġu kkunsidrati f'approċċ globali għall-industrija tal-azzar, u billi l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi industrijali fl-UE jista' jkollhom impatt dirett fuq il-kompetittività;

L.  billi titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi jista' jfisser aktar iffrankar tal-ispejjeż u tnaqqis tal-emissjonijiet għall-industrija;

M.  billi d-domanda mis-settur awtomobilistiku hija limitata minħabba kapaċità strutturali żejda, filwaqt li setturi oħrajn, bħal tal-enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-enerġija jirrappreżentaw opportunitajiet reali għas-settur (pereżempju, turbina tar-riħ waħda ta' 3mW hija ekwivalenti ta' 500 karozza);

L-aspetti soċjali

N.  billi rati tal-qgħad għoljin fl-UE jikkorelataw mal-kontrazzjoni tal-bażi tal-produzzjoni industrijali u tal-manifattura tagħha, u billi l-kriżi attwali ħolqot tbatija soċjali profonda għall-ħaddiema u r-reġjuni milquta;

O.  billi l-industrija tal-azzar tal-UE hija impjegatur ewlieni, li tirrappreżenta 'l fuq minn 350 000 impjieg dirett u bosta miljuni aktar f'industriji relatati, inkluża l-katina tal-provvista tar-riċiklaġġ;

P.  billi s-sitwazzjoni ta' xi impjanti tal-azzar fl-Ewropa qed tikkaġuna tħassib serju għall-ħaddiema u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali;

Q.  billi l-kumpaniji involuti fir-ristrutturar għandhom jaġixxu b'mod soċjalmentresponsabbli, fid-dawl tal-fatt li l-esperjenza wriet li r-ristrutturar soċjalment u ekonomikament sostenibbli jirrikjedi djalogu soċjali suffiċjenti, b'enfasi speċjali fuq l-għoti ta' informazzjoni lill-ħaddiema u l-konsultazzjoni tagħhom, bħalma hu spjegat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2013 li ssemmiet qabel;

R.  billi l-involviment komprensiv tas-sħab soċjali fil-livelli kollha, u t-tisħiħ tad-djalogi soċjali fil-livell tal-UE huma kruċjali għas-salvagwardja kemm tal-interessi tal-kumpaniji tal-azzar kif ukoll tal-ħaddiema tagħhom;

S.  billi bosta impjanti, li jirrappreżentaw kapaċità ta' 20 miljun tunnellata, ilhom temporanjament inattivi għal aktar minn tliet snin; billi, fl-istess ħin, il-forzi tax-xogħol ta' ħafna impjanti fl-Ewropa huma kkaratterizzati minn ħaddiema tas-sengħa li qegħdin jikbru fl-età u li kważi laħqu l-età tal-irtirar;

Ir-riċerka u l-iżvilupp / it-teknoloġija

T.  billi l-industriji ta' teknoloġija avvanzata – pereżempju fis-settur tal-azzar – intużaw bħala mudell ta' know-how teknoloġiku li jrid jiġi protett, u billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata biex jiġi evitat li dawn l-industriji jiġu delokalizzati barra l-UE;

U.  billi r-riċerka u l-iżvilupp huma strateġiċi għal industrija li trid issib mod kif tnaqqas l-emissjonijiet tagħha, speċjalment (iżda mhux esklużivament) tad-diossidu tal-karbonju;

L-isfidi

1.  Jisħaq fuq il-fatt li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jiddependi ħafna minn industrija tal-manifattura b'saħħitha, li fiha l-industrija tal-azzar ikollha rwol importanti, u li l-manifattura tiddependi fuq it-tkabbir u d-domanda domestiċi;

2.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu ppreservati n-know-how u l-għarfien espert żviluppati f'distretti industrijali importanti, fattur li jiżgura d-diversifikazzjoni, is-salvagwardji ambjentali u l-prodotti innovattivi;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef it-tħejjija tagħha tal-pjan direzzjonali għall-politika industrijali li tħabbar għall-ewwel nofs tal-2015 sabiex tingħata spinta lill-industrija Ewropea fil-kuntest tas-suq globali bl-għan li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin fl-oqsma soċjali u ambjentali fl-UE u li ssir ħidma favur ir-reċiproċità fil-pajjiżi terzi;

4.  Iqis li approċċ ambizzjuż għar-riindustrijalizzazzjoni fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa ta' importanza fundamentali għall-kisba ta' politika industrijali tal-UE ġenwina u għat-tnedija mill-ġdid tal-kompetittività industrijali tal-UE fil-livell globali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-pożizzjoni strateġika tal-industrija Ewropea tal-azzar fid-dinja, fid-dawl tal-fatt li l-produzzjoni tal-azzar hija meqjusa strateġika f'għadd kbir ta' pajjiżi, u tiżviluppa b'mod speċifiku pjan direzzjonali ċar għall-inizjattivi fuq terminu medju u twil li biħsiebha tipproponi sabiex tappoġġa l-industrija tal-azzar fl-Ewropa; jenfasizza li pjan direzzjonali bħal dan irid jinkludi involviment komprensiv u bikri tas-sħab soċjali fil-livelli kollha; iqis li, fid-dawl tat-tkomplija tal-kriżi, għandu jiġi ppreżentat ukoll rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-azzar sabiex nibnu fuq ir-riżultati pożittivi ta' din is-sena u ma jintilifx il-momentum;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument ta’ analiżi tas-suq tal-azzar fil-fond li jista’ jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-bilanċ Ewropew u globali tal-provvista tal-azzar u d-domanda għalih, li jiddistingwi bejn il-komponenti strutturali u ċikliċi tal-iżvilupp ta’ dan is-suq; jemmen li l-monitoraġġ tas-suq tal-azzar jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-trasparenza tas-swieq tal-azzar u tar-ruttam u jipprovdi inputs importanti għall-miżuri korrettivi u proattivi, li huma inevitabbli minħabba n-natura ċiklika tal-industrija tal-azzar; jitlob lill-Kummissjoni tuża dan l-istrument ta' analiżi tas-suq biex tantiċipa r-riskji u tinvestiga kif l-għeluq tal-impjanti qed jaffettwa l-irkupru tas-settur;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fuq perjodu qasir tipprovdi rapport dwar l-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom l-industrija tal-azzar fl-Ewropa, inklużi l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li wara li skada t-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tal-iżviluppi fl-industrija Ewropea tal-azzar; jistieden lill-Kummissjoni tħaddan l-esperjenza pożittiva, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi tripartitiċi;

8.  Jitlob li jitwaqqaf mill-ġdid u b'urġenza l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzar fil-kuntest tal-Kulleġġ tal-Kummissarji li għadu kemm ġie elett, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament, u li tiġi organizzata laqgħa f'dak il-qafas bl-għan li l-partijiet ikkonċernati relevanti jiġu informati dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-40 miżura stipulati fil-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-azzar; jistieden lill-Kummissjoni torganizza, kull meta jkun xieraq jew possibbli, laqgħat tal-Grupp ta' Livell Għoli fi żminijiet xierqa sabiex il-ħidma tiegħu tista' talimenta d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill Kompetittività; jistieden lill-Kummissjoni torganizza laqgħat tematiċi darba fis-sena dwar il-politiki tal-kompetizzjoni, il-kummerċ, l-enerġija u l-klima ma' industriji oħrajn li jużaw ħafna enerġija, peress li xi wħud mill-preokkupazzjonijiet tas-settur tal-azzar huma rilevanti wkoll għal industriji oħrajn li jużaw ħafna enerġija;

9.  Iqis li huwa essenzjali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u t-trade unions li jirrappreżentaw iż-żoni li l-impjanti tal-azzar jinsabu fihom ikunu involuti mill-qrib, sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prassi fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir studju dwar kif tista' tiġi indirizzata l-krizi fil-qasam tal-investiment sabiex l-industrija Ewropea tinbidel f'industrija sostenibbli u li tħalli qligħ, filwaqt li jitqies il-fatt li l-investimenti fl-industrija tal-azzar huma kkaratterizzati minn redditi fuq perjodu ta' żmien twil; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddedika parti mill-pakkett ta' investiment tagħha għal proġetti infrastrutturali vijabbli u fit-tul, u għal proġetti industrijali fuq skala kbira ffukati fuq l-innovazzjoni, inklużi proġetti ta' effiċjenza enerġetika u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li jistgħu wkoll jagħtu spinta sinifikanti lid-domanda għall-azzar fl-UE;

11.  Jinkoraġġixxi wkoll l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi oħra bħall-faċilitajiet ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji li jagħtu prijorità lill-industriji tal-azzar fi kriżi; jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp biex ifasslu qafas ta’ finanzjament fit-tul għall-proġetti tal-azzar;

12.  Jenfasizza li l-appoġġ għas-settur tal-azzar huwa kruċjali, inkluż l-iżvilupp strateġiku ta' setturi ewlenin oħra li jużaw l-azzar, pereżempju fis-settur tal-enerġija (ġenerazzjoni u distribuzzjoni ta' enerġija rinnovabbli), fis-settur tat-trasport u l-proġetti ta' kostruzzjoni effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, biex b'hekk jinħolqu inċentivi għal proċessi ta' produzzjoni effiċjenti, jissaħħaħ is-suq intern u jingħataw inċentivi għall-iżvilupp tal-ħiliet;

13.  Jitlob l-applikazzjoni tal-approċċ 'valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja' sabiex jiġu evlalwati l-impatti ambjentali u jitnaqqas l-użu ta' riżorsi tul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja, inklużi l-estrazzjoni u l-konverżjoni ta' materja prima, segwiti mill-manifattura u d-distribuzzjoni, permezz tal-użu u/jew il-konsum, sabiex jitrawwem l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta' materjali u l-irkupru tal-enerġija u biex jitnaqqas ir-rimi finali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni wasslitx għal soluzzjonijiet inġusti fis-suq Ewropew tal-azzar, b'effetti negattivi potenzjali fuq l-effiċjenza tiegħu, u, f'dak il-każ, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta miżuri korrettivi u tipprevjeni sitwazzjonijiet bħal dawn fil-futur; jisħaq fuq il-fatt li d-deċiżjonijiet u r-rimedji tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni m'għandhomx jipperikolaw il-vijabilità ekonomika ta' impjanti individwali li jipproduċu l-azzar, speċjalment fil-kuntest taż-żieda fil-kompetizzjoni globali; iżid li l-Kummissjoni għandha taġixxi wkoll biex tħares l-infrastruttura industrijali ewlenija u l-kapaċità ta' produzzjoni minn impriżi li jaħkmu u jbigħu l-assi ta' impriżi oħra;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskema attwali tal-għajnuna mill-Istat lill-industriji li jużaw ħafna enerġija ma tiġġenerax tfixkil fis-suq intern, u b'hekk tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji; huwa tal-fehma li l-industriji li jużaw ħafna enerġija jeħtieġu qafas stabbli għall-investimenti tagħhom sabiex jiggarantixxu livell għoli ta' impjieg;

Il-kummerċ u l-kompetittività

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti aktar importanza lill-politika industrijali billi tadotta miżuri li jippermettu li tingħata ħajja ġdida lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fis-suq dinji, u tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni effikaċi għall-atturi ekonomiċi kollha;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fi żmien debitu u b'mod effikaċi, l-importazzjoni fis-suq tal-UE ta' azzar suġġett għal dumping jew għal sussidji illegali u biex tuża, fejn ikun adegwat, l-istrumenti ta' rimedju kummerċjali tal-UE skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-fattibilità ta' aġġustament tal-karbonju fuq il-fruntieri (il-ħlas ta' kwoti tal-ETS għal azzar li ġej minn barra l-UE) bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-emissjonijiet ta' CO2, biex b'hekk jiġi eliminat il-fenomenu tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali futuri jinkludu dispożizzjonijiet li jtejbu b'mod sinifikanti l-opportunitajiet ta' esportazzjoni u l-aċċess għas-suq għall-prodotti Ewropej tal-azzar u dawk ibbażati fuq l-azzar; jisħaq fuq il-fatt li l-kummerċ ġust ta' prodotti tal-azzar jista' jopera biss abbażi tal-konformità mad-drittijiet bażiċi tal-impjieg u l-istandards ambjentali, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-importazzjonijet bi prezzijiet ta' dumping iwasslu għal kompetizzjoni inġusta, b'mod partikolari għall-produtturi tal-azzar inossidabbli fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu modernizzati l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni konkreta sabiex jaċċelleraw dan il-proċess ta' modernizzazzjoni, biex b'hekk jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġusta u jippermettu lill-UE tieħu miżuri rapidi u proporzjonati fil-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali inġusti;

20.  Jemmen li l-miżuri pożittivi proposti hawnhekk jippermettu lill-industrija tal-azzar issir aktar kompetittiva fuq livell internazzjonali, fatt li juri li l-prodotti tal-azzar tal-UE jissodisfaw standards soċjali, ambjentali u ekonomiċi ogħla minn dawk li jinsabu bnadi oħra, u jissottolinja l-kwalità tal-produtturi tal-azzar tal-UE, li fl-istess waqt ikun qed itejjeb il-perċezzjoni tal-konsumaturi;

21.  Jenfasizza l-fatt li l-istandards għoljin Ewropej rigward il-ħarsien tal-klima u tal-ambjent jistgħu jsiru standards globali, u dan jiggarantixxi kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni;

22.  Jinnota d-diffikultajiet li s-settur tal-azzar qed iħabbat wiċċu magħhom f'ħafna Stati Membri, li xi wħud minnhom huma kkawżati minn tnaqqis sinifikanti fid-domanda globali, żieda fl-ispejjeż tal-enerġija u żieda fid-delokalizzazzjoni tal-manifattura Ewropea; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (COM(2011)0571) u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-Pjattaforma Ewropea għall-Użu Effiċjenti tar-Riżorsi;

23.  Jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart għandha tittejjeb sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament tas-suq tar-ruttam tal-azzar tal-UE, pereżempju permezz ta' reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Vetturi li M'għadhomx Jintużaw; ifakkar fl-importanza ta' suq tar-ruttam li jiffunzjona tajjeb, li għandu jkompli jiġi stimulat u msaħħaħ fid-dawl tal-istrateġija għal ekonomija ċirkolari tal-UE, sabiex jiġu evitati żidiet eċċessivi tal-prezzijiet b'riżultat tal-preżenza ta' industriji ta' pajjiżi terzi fis-suq tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tikkunsidra l-applikazzjoni ta' dazji tal-esportazzjoni fis-suq tar-ruttam tal-UE sabiex jiġi evitat id-dumping ambjentali li jseħħ normalment;

L-aspetti soċjali

24.  Ifakkar fil-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, u jisħaq fuq ir-relevanza ta' monitoraġġ għaqli min-naħa tal-Kummissjoni tal-iżviluppi li qed isiru sabiex jiġu salvagwardjati l-wirt industrijali u l-forza tax-xogħol ikkonċernati;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-Istati Membri ma jkollhomx jikkompetu kontra xulxin meta produttur kbir tal-azzar li jħaddem impjanti f'diversi pajjiżi jħabbar ristrutturar; barra minn hekk, minħabba l-importanza tal-politiki ta' koordinazzjoni biex tkun żgurata industrija tal-azzar sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li tirreaġixxi għal kundizzjonijiet tas-suq Ewropew u ta' swieq mhux Ewropej li jinbidlu, jitlob li tinstab soluzzjoni pan-Ewropea li tissalvagwardja u toħloq impjiegi tajbin u attività industrijali fir-reġjuni tal-Ewropa;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-industrija, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali jantiċipaw ir-rekwiżiti ta' taħriġ li joriġinaw minn ristrutturar possibbli tal-impjanti li ngħalqu temporanjament;

27.  Huwa favur il-promozzjoni ta' programm ta' trasferiment tal-għarfien espert sabiex il-ħaddiema tas-sengħa li huma akbar fl-età jittrażmettu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom lill-ħaddiema l-ġodda fl-impjanti Ewropej tal-azzar;

28.  Jisħaq fuq il-fatt li l-istandards tal-UE tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-parteċipazzjoni tal-impjegati għandhom jiġu implimentati wkoll mill-kumpaniji Ewropej f'pajjiżi terzi;

29.  Jisħaq fuq il-fatt li l-involviment tal-ħaddiema f'miżuri ta' innovazzjoni u ristrutturar huwa essenzjali biex jiġi xprunat is-suċċess ekonomiku, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma li tinkludi s-sħab soċjali bl-għan li tagħti pariri dwar, timplimenta u timmonitorja l-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar l-azzar;

30.  Jappella biex is-sħab soċjali ta' impjanti tal-azzar li jinsabu f'qagħda ekonomika kritika jikkunsidraw l-alternattivi li jeżistu biex jitnaqqas kollettivament il-ħin tax-xogħol f'sitwazzjonijiet ta' kriżi sabiex jiġu evitati s-sensji u t-telf ta' impjiegi;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-użu tal-fondi relevanti tal-UE, bħalma huma l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-istrumenti ta' politika sabiex ittaffi l-ispejjeż soċjali ta' aġġustament, u tiżgura li l-ħiliet relevanti jinżammu u jiġu żviluppati għall-kompetittività futura tal-industrija;

32.  Jipproponi li l-rikavat tal-bejgħ tal-kwoti mingħajr ħlas tal-kumpaniji jiġi investit mill-ġdid fl-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju (tagħmir, teknoloġiji, R&Ż, taħriġ tal-ħaddiema);

33.  Jemmen li t-tibdil drastiku li jista' jseħħ fil-ġejjieni fis-settur tal-azzar u f'setturi industrijali oħra għandu jiġi antiċipat; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom jallinjaw iktar mill-qrib il-politiki ta' edukazzjoni u ta' taħriġ mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol bl-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu ma' sitwazzjonijiet simili u jippromwovu l-interess fl-oqsma tekniċi u xjentifiċi, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm professjonisti speċjalizzati fis-settur tal-azzar sabiex jixprunaw l-innovazzjoni;

34.  Jenfasizza l-bżonn ta' persuni kwalifikati u kompetenti biex l-Ewropa tlaħħaq mat-tranżizzjoni lejn proċessi ta' produzzjoni u prodotti iktar sostenibbli, u jappella għal strateġija Ewropea dwar it-taħriġ u l-edukazzjoni; jilqa' l-proġett ta' Edukazzjoni Vokazzjonali Teknika u Taħriġ b'Approċċ aktar Ekoloġiku għas-settur tal-azzar, li fih il-kumpaniji tal-azzar, l-istituti ta' riċerka u s-sħab soċjali investigaw b'mod konġunt il-ħiliet meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-proġett;

Ir-riċerka u l-iżvilupp / it-teknoloġija

35.  Jagħraf il-ħtieġa li l-aqwa tekniki disponibbli (BATs) jiġu żviluppati u disseminati fl-UE kollha, biex tiġi appoġġata, fejn ikun possibbli, is-sostituzzjoni tal-minerali bir-ruttam ferruż, kif ukoll biex jiżdied l-użu tal-fran tal-ark elettriċi (EAFs) u s-sostituzzjoni tal-faħam tal-kokk bil-gass;

36.  Jappella biex l-investiment jiġi orjentat lejn teknoloġiji li jimmassimizzaw l-użu tad-dħul ta' enerġija, pereżempju billi jottimizzaw l-użu tal-gassijiet tal-ipproċessar u tas-sħana residwa għall-produzzjoni tal-fwar u tal-elettriku;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u pagi deċenti, permezz tal-liġi jew ta' ftehimiet kollettivi, u protezzjoni effikaċi kontra t-tkeċċija inġusta;

38.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp bħala aspetti kruċjali fit-tiġdid u fl-għoti ta' nifs ġdid lill-ekonomija b'mod ġenerali, u lill-industrija tal-azzar b'mod partikolari, li hija bbażata fuq ċikli ta' ħajja twal u potenzjal kbir ta' riċiklaġġ; isemmi, f'dan ir-rigward, it-teknoloġiji eżistenti u ġodda bbażati fuq l-idroġenu li jintużaw għar-riduzzjoni ta' minerali tal-ħadid, li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu jew jeliminaw ammonti kbar ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju; jitlob l-istabbiliment u l-promozzjoni ta' marka kummerċjali għall-prodotti tal-azzar etiċi 'made in Europe';

39.  Jemmen li sforzi konġunti fir-riċerka u l-iżvilupp jippromwovu l-użu baxx tal-karbonju u l-produzzjoni tal-azzar b'impatt baxx, u b'hekk jiffavorixxu industrija aktar sostenibbli u kompetittiva;

40.  Jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza kruċjali tal-programmi Orizzont 2020 u Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija (SPIRE), kif ukoll il-ħtieġa għal finanzjament, min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istrument futur NER400, tal-programmi ta' innovazzjoni u riċerka l-aktar riskjużi;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li twitti t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti u proċessi innovattivi, ta' kwalità għolja u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, politika li tippermetti lill-UE tibqa' kompetittiva fid-dawl ta' kompetizzjoni globali dejjem aktar ħarxa; jenfasizza l-fatt li s-soluzzjoni għat-titjib tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-azzar, fid-dawl tal-preżenza ta' fornituri minn pajjiżi terzi, hija l-innovazzjoni fil-prodotti l-ġodda - bħalma huma prodotti tal-azzar tal-massa, inklużi folji tal-azzar b'saħħithom ħafna u b'reżistenza għolja li jintużaw għall-produzzjoni tal-vetturi, kif ukoll azzar illigat ħafna bi proprjetajiet fiżiċi u kimiċi differenti, u proċessi ta' produzzjoni ġodda, speċjalment il-metallurġija bl-użu tal-idroġenu u l-metallurġija bl-użu tat-teknika tat-tidwib mill-ġdid tal-metall - u jemmen li dan il-qasam għandu jingħata appoġġ partikolari;

42.  Ifakkar li l-innovazzjoni trid tiġi stimulata billi jiġu appoġġati mhux biss ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u t-trasferiment tal-għarfien iżda wkoll l-introduzzjoni fis-suq u r-raggruppamenti tal-innovazzjoni, permezz tal-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati f'setturi strateġiċi bħalma hija l-industrija tal-azzar sabiex jiġi mmobilizzat aktar kapital privat;

43.  Jappoġġa l-finanzjament tal-proġetti pilota industrijali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju bl-għan li tiġi ssodisfata l-ħtieġa urgenti ta' tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u dekarbonizzata, ekonomija li l-aspetti ewlenin tagħha huma l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura intelliġenti, u bl-għan li t-teknoloġija ta' produzzjoni tal-azzar b'emissjonijiet baxxi ħafna ta' CO2 (Ultra-low CO2 steelmaking, ULCOS), tinbidel f'għodda tal-politika industrijali effiċjenti mil-lat ambjentali u fl-użu tal-enerġija;

44.  Jemmen li l-possibilitajiet ta' tnaqqis, b'mod partikolari għas-setturi tal-industrija tal-azzar, jiddependu bil-kbir fuq teknoloġiji ġodda, u b'hekk jenfasizza r-rwol importanti li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni ffinanzjati mill-UE jista' jkollhom sabiex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea permezz ta' Orizzont 2020, kif ukoll ir-rwol tagħhom fl-iżgurar tal-kompetittività tas-settur tal-azzar Ewropew u l-kwalità għolja tal-produzzjoni tiegħu; ifakkar li r-riċerka u l-innovazzjoni huma xpruni importanti għat-tkabbir ekonomiku u għall-industrija kompetittiva;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-inizjattiva SustSteel, bħalma ġie propost fil-pjan ta' azzjoni dwar l-azzar, inizjattiva li għandha l-appoġġ sħiħ tal-Parlament, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, u biex dan tagħmlu mill-aktar fis possibbli;

o
o   o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0069.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0060.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0005.
(4) Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa tal-11 ta' Ġunju 2013 (COM(2013)0407)’ (SWD(2014)0215).

Avviż legali