Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 27 ta' Novembru 2014 - StrasburguVerżjoni finali
Pakistan: liġijiet dwar il-blasfemija
 Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj
 Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa
 Deċiżjoni li ma' ssirx oġġezzjoni għal att iddelegat: sistema provviżorja ta’ pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni matul il-perjodu provviżorju
 Dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
 Il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
 Il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
 Suq uniku diġitali
 Nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Pakistan: liġijiet dwar il-blasfemija
PDF 243kWORD 80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-Pakistan liġijiet dwar atti blasfemi (2014/2969(RSP))
P8_TA(2014)0064RC-B8-0289/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta’ Intolleranza u ta’ Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għall-indipendenza tal-ġudikanti u tal-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, wara l-missjoni tagħha fil-Pakistan mid-19 sad-29 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1), li jikkundannaw il-persekuzzjoni tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin(2),

–  wara li kkunsidra l-pjan UE-Pakistan ta' impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu rigward id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014 li hu jorbot ħafna ma' tal-ewwel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2013 dwar il-Pakistan(3), li jtennu dak li tistenna l-UE rigward il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom u jikkundannaw kull att ta' vjolenza, inklużi dawk kontra minoranzi reliġjużi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2014 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore li tikkonferma l-kundanna tas-Sinjura Asia Bibi fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tad-29 ta' Ottubru 2014 maħruġa mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Pakistan, fl-okkażjoni taż-żjara tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Pakistan mis-26 sad-29 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Paksitan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Asia Bibi, mara Nisranija mill-Punjab, ġiet arrestata fl-2009 u kkundannata għall-mewt fl-2010 għal atti blasfemi skont it-Taqsima 295-C tal-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan; billi l-Qorti Superjuri ta' Lahore fis-16 ta' Ottubru 2014 ma laqgħetx l-appell ta' Asia Bibi u kkonfermat il-verdett; billi fl-24 ta' Novembru 2014 il-kwerelata rreġistrat appell fil-Qorti Suprema, proċedura li taf iddum is-snin; billi l-President tal-Pakistan, permezz ta' maħfra Presidenzjali, għadu fil-qagħda li jwaqqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore u jagħti amnestija lil Asia Bibi;

B.  billi fis-7 ta' Novembru 2014 żewġ Insara, Shama Bibi u Shahbaz Masih, ġew imsawta minn marmalja, bl-akkuża li kienu ħarqu paġni mill-Kuran fil-Pakistan tal-Lvant; billi l-iġsma tagħhom ġew maħruqa f'forn għall-ħami tal-briks, u skont xi rapporti, kienu għadhom ħajjin meta xeħtuhom fil-forn;

C.  billi dan l-aħħar inqatgħu diversi sentenzi tal-mewt fuq ċittadini tal-Pakistan għar-raġuni li kienu kisru l-liġijiet dwar atti blasfemi, fosthom is-Sur Sawan Masih, Nisrani, talli allegatament insulta lill-Profeta Muħammad waqt konversazzjoni u koppja Nisranija Shafqat Emmanuel u Shagufta Kausar talli allegatament insultaw lill-Profeta f'SMS;

D.  billi l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem u avukat Rashid Rehman inqatel fis-7 ta' Mejju 2014; billi Rehman kien ġie mhedded ġimgħat qabel talli ddefenda għalliem universitarju li kien qed jiffaċċja prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Pakistan dwar atti blasfemi;

E.  billi, f'Ottubru 2014, Mohammad Asghar, ċittadin Britanniku ta' oriġini mill-Pakistan, li kienet saritlu djanjosi ta' mard mentali fir-Renju Unit iżda li minkejja dan intefa' l-ħabs fuq akkużi ta' atti blasfemi, safa ferut minn gwardjan tal-ħabs b'tir ta' pistola; billi l-aggressur tiegħu ġie arrestat u nstab ħati ta' attentat ta' qtil mill-awtoritajiet provinċjali, u billi tmien gwardjani tal-ħabs oħra ġew sospiżi mill-funzjonijiet tagħhom;

F.  billi fil-5 ta' Novembru 2014 Tufail Haidar, Shia ta' 45 sena, inqatel minn pulizija li kien qed jinterrogah, u li wara qal li s-Sur Haidar kien għadda rimarki derogatorji kontra "kumpanji tal-Profeta Muħammad";

G.  billi ġie rrappurtat li total ta' 1 438 persuna ġew akkużati li wettqu atti blasfemi fil-Pakistan bejn l-1987 u Ottubru 2014, fosthom 633 Musulman, 494 Ahmadi, 187 Nisrani u 21 Hindu; billi, mill-1990 'l hawn, talanqas 60 inqatlu fi vjolenza tal-marmalja f'każijiet relatati ma' atti blasfemi;

H.  billi bħalissa bosta tużżani ta' nies, fosthom Musulmani, Hindu, Insara u oħrajn, jinsabu l-ħabs fuq akkużi li wettqu atti blasfemi; billi sal-lum ma ġiet eżegwita l-ebda sentenza tal-mewt fuq akkużi ta' twettiq ta' atti blasfemi, iżda bosta persuni akkużati sfaw maqtula mill-vjolenza tal-marmalja; billi ċerti mexxejja reliġjużi qed jeżerċitaw pressjoni tremenda fuq is-sistema ġudizzjarja tal-Pakistan biex din tikkonferma u teżegwixxi sentenzi tal-mewt, li soltu jingħataw minn qrati inferjuri; billi l-proċedimenti ġudizzjarji spiss idumu ħafna snin għaddejja, u għandhom effett devastanti fuq ċittadini innoċenti tal-Pakistan, u fuq il-familji u l-komunitajiet tagħhom;

I.  billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar atti blasfemi jagħmluha perikoluża għall-minoranzi reliġjużi li jesprimu lilhom infushom liberament jew jinvolvu ruħhom b'mod miftuħ f'attivitajiet relġijużi; billi l-abbuż komuni ta' dawn il-liġijiet huwa dookumentat sewwa; billi, minflok ma jipproteġu l-komunitajiet reliġjużi, xeħtu star ta' biża' fuq is-soċjetà fil-Pakistan; billi kull tentattiv ta' riforma ta' dawn il-liġijiet jew tal-applikazzjoni tagħhom safa fgat minn theddidiet u assassinji; billi tentattivi ta' diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet fil-media, online jew offline, spiss jintlaqgħu b'theddid u fastidju, inkluż min-naħa tal-gvern;

J.  billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u hu mistenni li l-pajjiż jagħti l-eżempju billi jsaħħaħ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi l-Pakistan dan l-aħħar irratifika sebgħa mid-disa' drittijiet tal-bniedem internazzjonali prinċipali, jiġifieri l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, li fihom bosta dispożizzjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, mad-dritt għal proċess ekwu, mal-ugwaljanza quddiem il-liġi u man-nondiskriminazzjoni;

L.  billi l-Pakistan intalab, permezz ta' mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, jirrevoka l-liġijiet dwar atti blasfemi, jew tal-anqas, jimplimenta minnufih salvagwardji għall-prevenzjoni ta' abbużi tal-liġi għall-fini ta' vittimizzazzjoni ta' ċittadini, li spiss ikunu minn komunitajiet reliġjużi minoritarji;

M.  billi l-UE u l-Pakistan approfondew u wessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, kif jixhdu l-pjan ta’ impenn fuq ħames snin, varat fi Frar 2012, u t-tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f’Ġunju 2014; billi l-għan tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan huwa li tinbena relazzjoni strateġika u li tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

N.  billi l-Pakistan daħal fl-iskema GSP+ għall-ewwel darba fl-1 ta' Jannar 2014; billi din l-iskema 'għandha tagħti inċentiv qawwi għar-rispett tad-drittijiet ċentrali tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ambjent u tal-prinċipji tal-governanza tajba';

1.  Jinsab profondament imħasseb u ddispjaċut bid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri ta' Lahore, tas-16 ta’ Ottubru 2014, li tikkonferma s-sentenza ta’ mewt għal Asia Bibi minħabba atti ta’ blasfemija; jistieden lill-Qorti Superjuri sabiex malajr u bla dewmien tiftaħ il-proċedimenti tagħha fuq il-każ u ssostni l-istat ta’ dritt u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem fis-sentenza tagħha;

2.  Jistieden anki lill-qrati Pakistani biex jipproċedu malajr bir-rieżami tas-sentenzi ta' mewt fil-konfront ta' Sawan Masih, Mohammad Asgar u Shafqat Emmanuel u l-mara tiegħu Shagufta Kausar, u essenzjalment għal dawk iċ-ċittadini kollha l-oħra li fil-preżent huma kkundannati għall-mewt talli allegatament marru kontra l-liġijiet dwar atti blasfemi;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ Shama Bibi u Shahbaz Masih u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tagħhom, kif ukoll lill-familji tal-vittmi innoċenti kollha maqtula minħabba l-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija fil-Pakistan; jitlob li min iwettaq dawn l-atti jitressaq quddiem il-liġi; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-gvern ta’ Punjab li tistabbilixxi kumitat biex l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Shama Bibi u Shahbaz Masih tkun aċċelarata u tordna protezzjoni addizzjonali permezz tal-pulizija għall-inħawi fil-provinċja fejn jgħixu l-Insara; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li fil-Pakistan tintemm il-klima ta’ impunità u li jkun hemm riformi aktar wiesgħa li jittrattaw il-kwistjoni ta' vjolenza kontra minoranzi reliġjużi, li għadha mifruxa;

4.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet kontroversjali dwar atti ta’ blasfemija jistgħu jintużaw ħażin u anki jistgħu jolqtu nies ta' kull tip ta' fidi; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li fil-Pakistan il-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija, li kienu opposti pubblikament mill-ex Ministru Shahbaz Bhatti, l-ex Gvernatur Salman Taseer u Rashid Rehman, li sfaw maqtula għall-pożizzjoni tagħhom favur it-tolleranza reliġjuża, huma dejjem iżjed użati sabiex jitqiegħdu fil-mira gruppi ta' minoranza vulnerabbli, inklużi Ahmedis u Insara;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet dwar atti ta’ blasfemija u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' blasfemija, bil-għan li dawn il-liġijiet jitħassru; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan ineħħi l-piena tal-mewt, inkluż għal atti ta’ blasfemija jew apostasija, u jistabbilixxi salvagwardji li jimpedixxu l-abbuż ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi dwar atti ta’ blasfemija jew apostasija;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità ma' standards internazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji, inkluż billi jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati; jitlob, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdi protezzjoni biżżejjed għal dawk kollha involuti fil-każijiet dwar atti ta’ blasfemija, inkluż billi l-imħallfin jiġu mħarsa minn pressjoni esterna, bil-protezzjoni tal-akkużat kif ukoll tal-familji u l-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-folla, u billi jipprovdu soluzzjonijiet għal dawk li jiġu liberati iżda ma jistgħux jirritornaw lura għall-postijiet ta' oriġini tagħhom;

7.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma garantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru tal-2008 'l hawn, bħall-istabbiliment ta' kwota ta' 5 % għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-festi pubbliċi li mhumiex Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani, madankollu, biex iżid l-isforzi għal fehim interreliġjuż aħjar, biex jittratta attivament l-ostilitajiet reliġjużi minn atturi tas-soċjetà u jiġġieled l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-impunità jew il-perċezzjoni tagħha;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kif ukoll it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni u intolleranza għal raġunijiet ta' reliġjon u twemmin; jenfasizza li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, li l-Pakistani kollha, irrispettivamnet mill-fidi u r-reliġjon tagħhom, jixirqilhom rispett ugwali, u l-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

10.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni jużaw kwalunkwe strument għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż kif ifformulat fil-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, biex jgħinu lil komunitajiet reliġjużi u biex jitfgħu lill-Gvern Pakistani taħt pressjoni sabiex jagħmel aktar għall-ħarsien ta’ minoranzi reliġjużi; japprezza, f’dan ir-rigward, iż-żjara reċenti tal-Rapppreżentant Speċjali tal-UE għall-Pakistan għad-Drittijiet tal-Bniedem, u d-diskussjonijiet li kellu hemm;

11.  Jenfasizza li l-għoti tal-istatus GSP+ huwa bil-kondizzjoni u, fost affarijiet oħra, soġġett għar-ratifika u l-implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni internazzjonali, kif indikat fl-Anness VIII għar-Regolament Bażiku GSP il-ġdid, b’ħafna minnhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li l-UE tista' tiddeċiedi li tirtira l-preferenzi GSP+ jekk pajjiż ma jissodisfax l-impenji tiegħu;

12.  Iħeġġeġ lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jissorveljaw b'mod strett il-konformità tal-Pakistan mal-impenji tiegħu skont il-GSP+, u biex jippromwovu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan;

13.  Jistieden lis-SEAE u l-Kummissjoni biex jaħdmu mal-awtoritajiet Pakistani sabiex jirriformaw il-mod kif jintużaw il-liġijiet dwar atti blasfemi, inkluż bl-implimentazzjoni tal-miżuri ssuġġeriti fil-paragrafu 6 hawn fuq;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan sabiex jaħdem mal-entitajiet tan-NU, inkluż ir-Rapporteur tan-NU dwar il-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin, biex jittratta tħassib validu dwar problemi tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0575.
(2) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/EN/foraff/137585.pdf
(3) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/135946.pdf
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0208.


Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj
PDF 224kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-Serbja: il-każ tal-akkużat ta' delitti tal-gwerra Šešelj (2014/2970(RSP))
P8_TA(2014)0065RC-B8-0292/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Serbja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-2014 tal-Kummissjoni dwar is-Serbja tat-8 ta' Ottubru 2014 (SWD(2014)0302),

–  wara li kkunsidra l-Istatut tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991 (ICTY),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 65 tar-Regoli ta' Proċedura u ta' Prova tal-ICTY,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Vojislav Šešelj, il-president tal-Partit Radikali Serb, ġie akkużat quddiem l-ICTY b'persekuzzjonijiet għal raġunijiet politiċi, razzjali jew reliġjużi, deportazzjoni, atti diżumani (trasferiment furzat) (delitti kontra l-umanità), u bi qtil, tortura, trattament krudili, qerda mingħajr raġuni ta' villaġġi jew qerda mhux ġustifikata minn ħtieġa militari, qerda jew danni intenzjonati ta' istituzzjonijiet iddedikati għar-reliġjon jew l-edukazzjoni, serq ta' proprjetà pubblika jew privata (vjolazzjonijiet tal-liġijiet jew tal-prattiki tal-gwerra) fil-Kroazja, il-Bosnja-Ħerżegovina u partijiet minn Vojvodina (is-Serbja), li twettqu bejn l-1991 u l-1993;

B.  billi l-ICTY ġie stabbilit fl-1993 min-Nazzjonijiet Uniti biex jittratta delitti tal-gwerra li seħħew fid-disgħinijiet, u b'hekk bena l-pedament għas-soluzzjoni tal-kunflitti jew l-iżvilupp ta' wara l-kunflitti fir-reġjun;

C.  billi fis-6 ta' Novembru 2014, wara iżjed minn ħdax-il sena ta' detenzjoni u filwaqt li għadu għaddej il-proċess tiegħu, l-Awla tal-Proċessi tat-Tribunal ħarġet ordni proprio motu għall-ħelsien provviżorju ta' Šešelj minħabba d-deterjorament ta' saħħtu, suġġett għall-kundizzjonijiet li: (i) ma jinfluwenzax lix-xhieda u lill-vittmi; u (ii) li jidher quddiem l-Awla hekk kif din tordnalu jagħmel dan; billi Šešelj kellu attitudni ostili fir-rigward tal-ICTY mindu beda l-proċess billi jinterrompi, itellef u jirritratta kontinwament il-proċedimenti quddiem il-Qorti, u fi tliet okkażjonijiet separati ġie mixli b'disprezz tal-qorti minħabba intimidazzjoni tax-xhieda;

D.  billi wara r-ritorn tiegħu fis-Serbja Šešelj għamel bosta diskorsi pubbliċi f'Belgrad fejn enfasizza li hu mhuwiex se jirritorna lura fit-Tribunal volontarjament meta jintalab jagħmel dan, u b'hekk ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jikser waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li fuqhom kien ibbażat il-ħelsien tiegħu;

E.  billi fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu Šešelj appella ripetutament għall-ħolqien ta' ''Serbja Akbar'', filwaqt li ddikjara pubblikament pretensjonijiet fuq pajjiżi ġirien, inkluża l-Kroazja, li hija Stat Membru tal-UE, u xewwex il-mibegħda kontra persuni li mhumiex Serbi; billi fi stqarrija għall-istampa huwa awgura liċ-Chetniks Serbi għal-'liberazzjoni' ta' Vukovar fit-23 anniversarju mindu dik il-belt Kroata waqgħet f'idejn il-forzi parlamentari Serbi u l-armata Jugoslava fl-1991 u l-atroċitajiet assoċjati, u b'hekk kiser ir-rekwiżit li ma jinfluwenzax lill-vittmi; billi l-grupp paċifiku Serb ''Women in black'' (Nisa bl-Iswed) inġabar f'Belgrad biex ifakkar lill-vittmi tal-assedju b'wirja bl-isem ''We will never forget the crimes of Vukovar'' (Aħna qatt m'aħna se ninsew id-delitti ta' Vukovar);

1.  Jikkundanna bil-kbir il-propaganda tal-gwerra, it-tixwix tal-mibegħda u l-inkoraġġiment ta' pretensjonijiet territorjali u t-tentattivi tiegħu li jiżvija lis-Serbja mit-triq Ewropea tagħha; jiddeplora l-attivitajiet pubbliċi provokattivi tiegħu u r-retorika ta' żmien il-gwerra li uża mindu nħeles provviżorjamemt, li reġgħu fetħu l-feriti psikoloġiċi tal-vittmi li ġarrbu waqt il-gwerra u l-atroċitajiet fil-bidu tad-disgħinijiet; jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet reċenti ta' Šešelj jistgħu jfixklu l-progress li sar fil-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni u jimminaw l-isforzi ta' dawn l-aħħar snin;

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet Serbi fl-obbligi li għandhom skont il-qafas għall-kooperazzjoni mal-ICTY u fl-obbligi tas-Serbja bħala pajjiż kandidat tal-UE; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' reazzjoni politika adegwata u ta' rispons ġuridiku mill-awtoritajiet Serbi rigward l-imġiba ta' Šešelj jimmina l-fiduċja tal-vittmi fil-proċess ġudizzjarju; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi u lill-partiti demokratiċi jikkundannaw kull forma ta' turija fil-pubbliku ta' diskors ta' mibegħda jew retorika ta' żmien il-gwerra u jippromwovu l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi u dawk kulturali; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jinvestigaw jekk Šešelj kisirx il-liġi Serba u sabiex isaħħu u japplikaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni li tiddikjara bħala illegali d-diskors ta' mibegħda, id-diskriminazzjoni u t-tixwix tal-vjolenza; jappoġġa lill-partiti politiċi kollha, lill-NGOs u lill-individwi fis-Serbja li qed jiġġieldu kontra d-diskors ta' mibegħda;

3.  Jistieden lill-ICTY u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' dan it-Tribunal jieħdu miżuri biex jeżaminaw mill-ġdid l-eżistenza ta' rekwiżiti għall-ħelsien provviżorju taħt ċirkostanzi ġodda; jinnota li standards differenti fir-rigward tal-prattika tat-Tribunal b'rabta mal-ħelsien provviżorju mhumiex se jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-ICTY; iħeġġeġ lill-ICTY jieħu azzjoni determinata sabiex jerġa' jqajjem fiduċja fih, billi din iddgħajfet minħabba d-dikjarazzjonijiet pubbliċi terribbli u inammissibbli ta' Šešelj, inkluż billi jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jaċċelera t-twettiq tal-proċessi u l-appelli kollha li hemm quddiemu; ifakkar li l-fatt li dawk li wettqu delitti tal-gwerra jinġiebu quddiem il-ġustizzja jikkostitwixxi kundizzjoni indispensabbli għal proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin u dejjiemi;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President tal-ICTY.


Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa
PDF 237kWORD 72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar l-Iraq: sekwestru u trattament ħażin tan-nisa (2014/2971(RSP))
P8_TA(2014)0066RC-B8-0295/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi ISIL/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-1 ta' Settembru 2014 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u mill-gruppi assoċjati miegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-isem "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2016 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Ġunju 2013 dwar il-vjolenza sesswali f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati u wara l-kunflitti;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li l-Iraq hu firmatarju tiegħu, u r-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) kkommetta għadd kbir ta' atroċitajiet, li jammontaw għal reati kontra l-umanità, u li jinkludu massakri, eżekuzzjonijiet ordnati minn qrati awtoproklamati tal-IS, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Sharia, vjolenza sesswali fuq in-nisa u t-tfal, skjavitù, stupri, żwiġijiet furzati, traffikar tal-persuni, spustamenti u sekwestri, u li kkawżaw kriżi umanitarja katastrofika u l-ispustament ta' għadd kbir ta' nies mill-inħawi taħt il-kontroll tagħhom;

B.  billi f'Awwissu 2014, ġellieda tal-IS daħlu aktar 'il ġewwa fit-Tramuntana tal-Iraq, u ħasdu lill-forzi Kurdi Peshmerga li kienu daħlu f'żoni abbandunati mill-armata Iraqina; billi l-belt ta' Sinjar intrebħet, id-diega ta' Mosul li għandha importanza strateġika, li tipprovdi l-ilma u l-elettriku lil partijiet kbar tal-Iraq inħatfet, waqt li l-ġellieda tal-IS waslu sa 40 kilometru minn Irbil, il-kapitali tal-Kurdistan Iraqi; billi ħafna nisa Kurdi qed jiġġieldu f'Kobani, inkluż nisa li huma membri u mexxejja tal-forzi tal-PKK;

C.  billi membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, b'mod partikolari ta' komunitajiet Insara, Yazidi, Turkmeni, Shabaki, Kaka'e, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Sunniti, spiċċaw fil-mira tal-IS f'Mosul u fl-inħawi tal-madwar, inkluż f'Sinjar u f'Tal Afar;

D.  billi l-Human Rights Watch jikkalkula li 3 133 Yazidi nħatfu u nqatlu mill-IS, jew ilhom nieqsa mill-attakki tal-IS fil-bidu ta' Awwissu; billi din il-lista tinkludi 2 305 persuni li huwa maħsub li ġew sekwestrati, 412 minnhom tfal; billi l-IS qiegħed jindottrina t-tfal Yazidi maħtufa;

E.  billi, f'Ottubru 2014 ir-riċerkaturi tan-NU qalu li bejn 5 000 u 7 000 mara kienu qed jinżammu f'ċentri ta' detenzjoni improvviżati, minn fejn kienu qegħdin jittieħdu u jinbigħu bħala skjavi jew jingħataw f'idejn il-ġiħadisti bħala konkubini; billi huwa maħsub li fil-belt ta' Tal Afar biss hemm madwar 3 500 persuna bejn nisa u tfal, f'ħames ċentri ta' detenzjoni;

F.  billi l-aġir tal-IS u ta' estremisti ġiħadisti oħrajn fl-Iraq u fis-Sirja kkawża flussi ta' rifuġjati lejn il-kampijiet tar-rifuġjati fit-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, fejn in-nisa u t-tfal b'mod partikolari qed jgħixu f'kundizzjonijiet umanitarji diffiċli u huma esposti ħafna għall-fastidju, il-vjolenza sesswali, iż-żwieġ furzat u abbużi oħrajn;

G.  billi n-natura transnazzjonali tal-IS u tal-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu tippreokkupa d-dinja kollha;

H.  billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (l-UNHCR) hija mħassba ħafna dwar kemm il-komunità internazzjonali hija kapaċi tlaħħaq mal-ħtiġijiet tax-xitwa fl-Iraq, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk spustati reċentement;

I.  billi l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali għall-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ksur u l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jirriżultaw mill-atti mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristiċi assoċjati miegħu, li jammontaw għal reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa kollha, b'mod partikolari, kull tip ta' vjolenza kontra l-persuni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża u etnika tagħhom, kif ukoll il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' atroċitajiet imwettqa mill-IS, immirati speċifikament lejn in-nisa, u li jammontaw għal reati kontra l-umanità, bħal sekwestri, stupri u forom oħra ta' vjolenza sesswali, skjavitù u żwiġijiet u konverżjonijiet furzati; jenfasizza l-ħtieġa li dawk responsabbli minn tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jirrispondu għal azzjonijiethom;

3.  Jenfasizza li t-tfal għandhom jitħallew jerġgħu jingħaqdu minnufih mal-familji tagħhom, iż-żwiġijiet furzati u l-abbuż sesswali jieqfu, u l-priġunieri ċivili kollha, speċjalment in-nisa, miżmuma mill-IS jinħelsu immedjatament;

4.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jirratifika l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sabiex jippermetti lill-QKI tipproċedi fil-konfront tar-reati tal-gwerra u tar-reati kontra l-umanità mwettqa mill-IS;

5.  Jistieden lill-Gvern Iraqi jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem billi jinvolvi l-komponenti kollha tas-soċjetà Iraqina fi spirtu ta' għaqda nazzjonali u rikonċiljazzjoni u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali fl-isforzi tiegħu biex jikkonfronta l-IS; joffri l-appoġġ tiegħu biex jgħin lill-gvern jibni soċjetà aktar ġusta u inklussiva, u waħda li tħares u tippromwovi d-drittijiet tan-nisa;

6.  Jilqa' l-isforzi tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari tal-Istati Uniti, li jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali Iraqini fil-ġlieda tagħhom kontra l-IS, iwaqqfu lill-IS milli jkompli javvanza u jiffaċilitaw l-aċċess għall-appoġġ umanitarju; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġildilha, inkluż b'mezzi militari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tagħti l-assistenza ta' salvataġġ meħtieġa għall-persuni fl-Iraq matul ix-xitwa, inklużi l-familji Yazidi li għadhom jinsabu fuq l-Għolja Sinjar jiddefendu t-tempji tagħhom milli jinqerdu mill-IS;

7.  Jistieden lill-atturi reġjonali kollha biex jagħmlu kulma jistgħu biex iwaqqfu l-attivitajiet kollha ta' korpi uffiċjali u privati li jippropagaw u jxerrdu ideoloġiji Iżlamiċi estremi bil-kliem u bl-atti; jistieden lill-komunità internazzjonali, b'mod speċjali l-UE, biex tiffaċilita djalogu reġjonali dwar il-problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom il-Lvant Nofsani u tinkludi l-partijiet sinifikanti kollha,b'mod partikolari l-Iran u l-Arabja Sawdija;

8.  Iħeġġeġ lin-NU, b'mod partikolari r-Rapporteur Speċjali tagħha dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, Rashida Manjoo, biex tagħmel ħilitha kollha biex tirrintraċċa l-vittmi, kif ukoll tinvestiga u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-abbużi u l-illegalitajiet fil-konfront tan-nisa mwettqa mill-IS u mill-gruppi terroristi assoċjati miegħu fl-Iraq u fis-Sirja, bil-ħsieb li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jappoġġja x-xogħol tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura;

9.  Jistieden lill-aġenziji umanitarji internazzjonali li jaħdmu fl-Iraq, inklużi l-aġenziji tan-NU, biex iżidu s-servizzi mediċi u ta' konsulenza tagħhom għall-persuni spustati li ħarbu mill-avvanzi tal-IS, b'attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-vittmi ta' vjolenza sesswali u t-tfal;

10.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw il-qagħda tan-nisa fl-Iraq u jiggarantixxu l-libertà tagħhom u r-rispett tad-drittijiet l-aktar fundamentali tagħhom, kif ukoll jadottaw miżuri biex jipprevjenu l-isfruttament, l-abbuż u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li żdiedet kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa Yazidi, li qed jiġu miżmuma f'ħabsijiet, stuprati, abbużati sesswalment u mibjugħa mill-membri tal-IS; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki tagħhom b'tali mod li jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-superstiti u jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti lin-nisa trawmatizzati mis-Sirja u mill-Iraq, b'mod partikolari n-nisa Yazidi, jirċievu konsulenza post-trawmatika mfassla apposta skont il-ħtiġijiet tagħhom;

11.  Jinsab konvint li l-assistenza u l-protezzjoni umanitarja immedjata jeħtieġ tkun supplimentata minn strateġiji fit-tul favur id-drittijiet soċjoekonomiċi u l-opportunitajiet ta' għajxien għan-nisa rifuġjati, kif ukoll għan-nisa li jirritornaw jew li huma spustati, b'enfasi fuq it-tmexxija u l-parteċipazzjoni, bil-ħsieb li tingħatalhom is-setgħa biex jagħżlu soluzzjonijiet li jservu fit-tul u li jaqblu mal-bżonnijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-ħtiġijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

12.  Jikkundanna l-fatt li, bl-avvanz tal-IS, qed iseħħu atti ta' vjolenza u qtil fil-konfront ta' Iraqini LGBT b'impunità totali; jinnota li, filwaqt li l-Iraqini LGBT mhumiex l-uniku grupp li qiegħed f'riskju fil-kriżi u l-kunflitt attwali, huma qegħdin f'sitwazzjoni vulnerabbli ħafna minħabba l-livell limitat ta' appoġġ u protezzjoni li jingħataw mill-familja, mill-komunità u mill-gvern; jinnota li l-Iraqini LGBT jibqgħu marġinalizzati u f'riskju fil-komunitajiet tar-rifuġjati u f'ċerti soċjetajiet li jospitawhom; jistieden lill-Gvern Iraqi jipprovdi protezzjoni għall-Iraqini LGBT;

13.  Jiddispjaċih li, konsegwenza tas-snin ta' dittatorjat u kunflitt, ħajjet in-nisa Iraqini marret lura ferm; jappella għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-bini tad-demokrazija; jinsisti li mingħajr il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet ma jista' jkun hemm ebda protezzjoni reali, u ebda sigurtà reali, għan-nisa fl-Iraq;

14.  Jappella għal sforz internazzjonali konġunt, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet Musulmani, fil-konfront tal-ideoloġija radikali Salafita/Waħħabita li tirfed u tnebbaħ l-azzjonijiet tal-IS u tal-organizzazzjonijiet terroristiċi assoċjati miegħu u li qed issir theddida dejjem akbar għas-sigurtà tal-Istati Membri; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex, fid-djalogu tagħhom mal-pajjiżi tal-Golf, jesprimu l-preokkupazzjonijiet kbar tagħhom dwar l-isforzi ta' indottrinazzjoni Salafiti/Waħħabiti f'ħafna pajjiżi b'maġġoranza Musulmana u f'komunitajiet Musulmani madwar id-dinja min-naħa ta' atturi minn dawn il-pajjiżi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0022.


Deċiżjoni li ma' ssirx oġġezzjoni għal att iddelegat: sistema provviżorja ta’ pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni matul il-perjodu provviżorju
PDF 223kWORD 56k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 li ma ssir l-ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 dwar is-sistema provviżorja ta’ pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni matul il-perjodu provviżorju (C(2014)7164 – 2014/2882(DEA))
P8_TA(2014)0067B8-0246/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 (C(2014)7164),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2014, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament Delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-4 ta' Novembru 2014 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 65(5)(a), (b) u (c) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament SRM) jiddisponi għall-istabbiliment tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (il-Bord) sa mid-19 ta' Awissu 2014 fil-forma ta' aġenzija tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-Artikolu 98 tar-Regolament SRM jirrikjedi li l-Bord ikun kompletament operattiv sa mill-1 ta' Jannar 2015;

C.  billi l-Bord għandu jkollu baġit awtonomu li ma jiffurmax parti mill-baġit tal-Unjoni u li għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju, b'mod partikolari permezz ta' kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet tal-kreditu, l-impriżi prinċipali, id-ditti ta' investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma koperti mir-Regolament SRM;

D.  billi l-Artikolu 65(5) tar-Regolament SRM jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati dwar kontribuzzjonijiet sabiex jiġu determinati t-tip u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet, u b'mod partikolari l-kontribuzzjonijiet annwali meħtieġa biex jiġi kopert l-infiq amministrattiv tal-Bord qabel ma jsir kompletament operattiv;

E.  billi fit-8 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat, b'konformità mas-setgħa li ngħatat imsemmija hawn fuq, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni dwar is-sistema provviżorja ta’ pagamenti fuq il-kontribuzzjonijiet biex ikopru l-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni matul il-perjodu provviżorju;

F.  billi dan ir-Regolament Delegat jista' jidħol fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta' skrutinju tal-Parlament u tal-Kunsill biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament u lanqas mill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw; billi l-perjodu ta' skrutinju ġie stabbilit, skont l-Artikolu 93(6) tar-Regolament SRM, għal tliet xhur wara d-data ta' notifika, jiġifieri sat-8 ta' Jannar 2015, u jista' jiġi estiż sa tliet xhur iktar;

G.  billi, sabiex il-Bord jiffunzjona sew sal-1 ta' Jannar 2015, dan se jeħtieġ li l-arranġamenti ta' finanzjament tiegħu jkunu stabbiliti mill-iktar fis possibbli, u fi kwalunkwe każ qabel l-1 ta' Jannar 2015, biex b'hekk ikun jista' jkopri l-ewwel infiq amministrattiv (ħlas lill-persunal, infrastruttura, infiq amministrattiv u operattiv) mir-riżorsi proprji;

H.  billi r-Regolament Delegat imsemmi hawn fuq għandu, għalhekk, jidħol fis-seħħ fl-2014, qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' skrutinju msemmi fil-Premessa F;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.


Dewmien fit-tnedija tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020
PDF 230kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar dewmien fil-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 (2014/2946(RSP))
P8_TA(2014)0068RC-B8-0278/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta'  Diċembru 2013 li jistabbilixxi qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3 għall-Baġit Ġenerali tal-2014 (COM(2014)0329),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta’ Proċeduri tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali fl-UE kollha kemm hi u hija mutur eċċellenti għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi tikkostitwixxi parti maġġuri mill-istrateġija tal-UE għar-rimedju tal-iżbilanċi u l-inugwaljanzi reġjonali, għad-diversifikazzjoni u l-adattament għat-tibdil industrijali u għat-twettiq ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; u billi f'xi Stati Membri hija s-sors prinċipali tal-investiment pubbliku;

B.  billi, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, dawn ir-riżorsi jiġu mmirati lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi li għandhom potenzjal li jtejbu t-tkabbir ekonomiku, bħalma huma l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, is-sostenn tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-infrastruttura;

C.  billi l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni, bi qbil mal-għan kumplessiv tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

D.  billi l-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxu l-iskeda ta' żmien għat-tressiq u l-adozzjoni ta' Ftehimiet ta' Sħubija u Programmi Operazzjonali, skont liema skeda l-Ftehimiet ta' Sħubija kellhom jiġu adottati sa tmiem Awwissu 2014 u l-Programmi Operazzjonali jridu jiġu adottati sa mhux aktar tard minn tmiem Jannar 2015;

E.  billi hemm dewmien ċar fil-proċess ta' programmazzjoni, b'biss għadd limitat ta' programmi operazzjonali (ftit aktar minn 100) li huma mistennija jiġu approvati sa tmiem l-2014;

F.  billi, fuq it-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ppreparat dokument informali dwar it-trattament tal-impenji tal-2014 fil-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni li ma jkunux adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2014;

G.  billi hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, li t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-ftuħ tal-implimentazzjoni; (i) għal dawk li jitqiesu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014, il-proċedura ta' riport, u (ii) għall-programmi li jitqiesu 'mhux lesti għall-adozzjoni' sa tmiem l-2014, l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni tal-2014, mhux utilizzata, għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, b'mod li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

H.  billi, skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, fil-proċedura ta' riport, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015, u fil-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid, wara l-1 ta' Mejju 2015;

I.  billi, minbarra d-dewmien tal-implimentazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni, il-politika ta' koeżjoni qed tħabbat wiċċha wkoll ma' pagamenti pendenti li jammontaw għal madwar EUR 23 biljun għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, b'mod li jkompli jimmina l-kredibbiltà, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħha;

J.  billi l-President tal-Kummissjoni indika li biħsiebu jvara pakkett ta' investimenti ta' EUR 315-il biljun;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li jagħraf li huwa importanti li Programmi Operazzjonali ta' kwalità għolja jiġu adottati fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni ħalli tiġi evitata r-riprogrammazzjoni fi stadju ulterjuri;

2.  Jenfasizza li d-dewmien tal-lum qed jipperikola l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li b'mod effikaċi jippjanaw u jimplimentaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għall-perjodu 2014-2020;

3.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-kofinanzjament żgurat mill-Istati Membri, tipprovdi proporzjon maġġuri tal-infiq pubbliku relatat mat-tkabbir ekonomiku fl-UE; jenfasizza li huwa imperattiv, għaldaqstant, li l-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda tinfetaħ mill-aktar fis possibbli, biex jimmassimizzaw ir-riżultati tal-investiment, jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u jqawwu t-tkabbir tal-produttività;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni u lill-Istati Membri biex jagħtu xhieda ta' responabbiltà u jagħmlu ħilithom kollha ħalli diġà fl-2014 iħaffu l-adozzjoni ta' għadd massimu ta' Programmi Operazzjonali, kif ukoll biex jiżguraw li kemm jista' jkun programmi jkunu 'lesti għall-adozzjoni' sal-31 ta' Diċembru 2014 b'tali mod li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-proċedura ta' riport, bi qbil mal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 4 tar-Regoli ta' Applikazzjoni tiegħu;

5.  Jesiġi li l-Kummissjoni – filwaqt li tikkonċentra sewwa fuq il-kwalità u fuq il-ħtieġa li tissokta l-ġlieda kontra l-frodi – tanalizza kull possibbiltà biex tissemplifika l-proċeduri interni tagħha ħalli tiżgura li l-Programmi Operazzjonali li jkunu reġgħu tressqu wara l-iskadenza tas-24 ta' Novembru 2014 jiġu kkunsidrati wkoll bil-ħsieb li l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tiġi konkluża sa tmiem is-sena, u jiġu ttrattati bħala lesti għall-adozzjoni jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' kwalità;

6.  Huwa konxju li t-tieni wieħed mix-xenarji msemmija hawn fuq, applikabbli għall-Programmi Operazzjonali li ma jkunux lesti għall-adozzjoni sa tmiem l-2014, jiġifieri l-ibbaġitjar mill-ġdid fl-2015 tal-ammonti mhux impenjati fl-2014, bi qbil mal-Artikolu 19 tal-QFP, jimplika reviżjoni tal-QFP sal-1 ta' Mejju 2015, li, anki jekk tkun ta' natura teknika, tkun trid tikkonforma mal-proċedura tal-baġit pluriennali; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex mill-aktar fis possibbli tibda diskussjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill bil-għan li tfassal pjan direzzjonali kredibbli li tiżgura li r-reviżjoni tal-QFP tiġi adottata kemm jista' jkun kmieni fl-2015;

7.  Jenfasizza, barra minn hekk, li biex il-Programmi operazzjonali jiġu adottati, jeħtieġ li jiġi approvat abbozz ta' baġit emendatorju korrispondenti li jkopri l-approprjazzjonijiet ta' impenn rispettivi għall-2015, u li dan jimplika li, fl-aktar xenarju favorevoli, il-ftuħ effettiv tal-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi jiddewwem sa nofs is-sena 2015;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, tressaq lill-Parlament il-miżuri li biħsiebha tieħu biex, mill-aktar fis, tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, flimkien mal-iskeda ta' żmien li tipprevedi;

9.  Huwa allarmat dwar l-istatus tal-pagamenti pendenti fil-politika ta' koeżjoni għall-Programmi Operazzjonali tal-perjodu 2007-2013; jisħaq fuq l-importanza u l-urġenza li, sa tmiem l-2014, jintlaħaq qbil dwar dan is-suġġett, abbażi tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-ftuħ tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda, kif ukoll tipproponi soluzzjonijiet li, kemm jista' jkun, jillimitaw il-ħsara; jesiġi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rapport dwar l-eżitu tan-negozjati previst fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, tanalizza l-impatt possibbli tad-dewmien tal-ftuħ tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, kif ukoll tagħmel rakkomandazzjonijiet abbażi tat-tagħlimiet meħuda;

11.  Jitlob li l-pakkett ta' investiment ta' EUR 315 biljun li l-Kummisjsoni mistennija tħabbar ikun għalkollox komplementari mal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


Il-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni
PDF 315kWORD 75k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs (2014/2967(RSP))
P8_TA(2014)0069RC-B8-0311/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt (IA) tal-Kummissjoni u l-abbozz tal-linji gwida tal-IA riveduti korrispondenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-IAs, bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni, jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar l-effetti soċjali u ambjentali, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE, il-piż regolatorju u amministrattiv mistenni kif ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;

B.  billi l-linji gwida eżistenti tal-IA jipprevedu rwol ċentrali għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u għall-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk IA hijiex meħtieġa jew le għal inizjattiva speċifika;

C.  billi l-IAB għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għall-IAs;

D.  billi t-Trattati jinkludu klawżoli soċjali u ambjentali orizzontali – flimkien ma' obbligi li jitħarsu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – li jridu jitqiesu fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet tal-Unjoni u li jeħtieġu analiżi dettaljata tal-impatt relevanti ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta;

E.  billi skont grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, l-ispiża għal SME biex tikkonforma ma' regolament tista' tkun għaxar darbiet aktar mill-ispiża għal kumpaniji akbar; billi, għalhekk, IA xierqa u indipendenti hija ta' rilevanza partikolari għall-SMEs li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;

F.  billi l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" huwa l-pedament tas-"Small Business Act" għall-Ewropa tal-2008; billi ilu jagħmel parti mil-linji gwida tal-IA mill-2009, u minn testi oħra tal-Kummissjoni mill-2005; billi dan il-prinċipju għandu l-għan li jqis l-interessi tal-SMEs fi stadji bikrin ħafna tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni tkun aktar favorevoli għall-SMEs; billi hija disponibbli firxa wiesgħa ta' għodda sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dan il-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;

G.  billi l-linji gwida attwali tal-IA jipprevedu gwida speċifika fis-sura ta' test tal-SMEs, fosthom għal miżuri possibbli ta' mitigazzjoni; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;

H.  billi valutazzjoni xierqa tal-emendi sostantivi tal-Parlament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni turi valur miżjud konsiderevoli biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Parlament fin-negozjati fil-qafas tat-trilogu;

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tirrevedi regolarment il-linji gwida tal-IA bil-għan li jittejbu l-proċeduri tal-IA;

2.  Jissottolinja l-fatt li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aspetti ekonomiċi, soċjali, amministrattivi u ambjentali jiġu vvalutati fl-istess dettall;

3.  Huwa mħasseb, madankollu, mill-fatt li l-abbozz tal-linji gwida riveduti huwa ħafna inqas speċifiku mil-linji gwida eżistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni għall-IAs u li l-abbozz iħalli ħafna aktar possibilità ta' interpretazzjoni f'idejn id-direttorat ġenerali responsabbli fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk IA hijiex meħtieġa jew le; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-IAB fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;

4.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta IA għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin:

   (a) il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CLWP);
   (b) il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni b'impatti ekonomiċi, amministrattivi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikabbli b'mod ċar;
   (c) l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjieni (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjar għal ftehimiet internazzjonali);
   (d) atti delegati jew ta' implimentazzjoni mdaħħla mill-Kummissjoni – u l-aġenziji tagħha meta jkun relevanti – li x'aktarx ikollhom impatti identifikabbli sinifikanti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u fuq il-piż amministrattiv;

5.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt trid tkun rigoruża, komprensiva u bbażata fuq l-informazzjoni l-aktar eżatta, objettiva u kompleta disponibbli, b'analiżi li tkun proporzjonata u li tiffoka fuq l-għan u l-objettiv tal-proposta, sabiex tippermetti deċiżjoni politika informata sew;

6.  Huwa konvint li l-IAs huma mezz importanti ta' appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u huma parti importanti tal-proċess ta' regolamentazzjoni aħjar; madankollu, jirrikonoxxi l-fatt li l-IAs ma jistgħux jieħdu post l-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi;

7.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati kollha fi stadju bikri tal-proċess tal-IA sabiex l-input tagħhom ikun jista' jitqies meta l-IAs ikunu qed jitfasslu, u qabel ma jiġu ppubblikati;

8.  Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' IA jista' ma jikkorrispondix mal-proposti adottati meta dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jinkludi dikjarazzjoni li l-IA għandha tiġi aġġornata biex tiżgura l-kontinwità bejn il-kwistjonijiet ikkunsidrati fiha u kwalunkwe proposta li finalment tiġi adottata mill-Kummissjoni;

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)

9.  Jesprimi tħassib serju għall-fatt li r-rwol tal-IAB fil-proċess tal-IA mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti bil-qawwa li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra din l-omissjoni u tistabbilixxi b'mod aktar ċar proċeduri relatati mal-IAB f'sett ġdid ta' abbozz tal-linji gwida riveduti fir-reazzjoni tagħha għal din ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament;

10.  Iqis li tali proċeduri ġodda għandhom jistabbilixxu b'mod ċar, li jiftiehem u trasparenti, il-proċess ta' sottomissjoni, reviżjoni u approvazzjoni aħħarija tal-IAs ippreżentati lill-IAB;

11.  Itenni l-fehma tiegħu li m'għandhomx jiġu adottati proposti mill-Kummissjoni sakemm ma jkunux akkumpanjati minn opinjoni approvata mill-IAB;

12.  Ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar it-talba tal-Parlament li tissaħħaħ l-indipendenza tal-IAB, u b'mod partikolari li membri tal-IAB ma jkunux soġġetti għal kontroll politiku; iqis li l-IAB għandu jkun magħmul biss minn persuni bi kwalifiki għoljin li jkunu kompetenti biex jivvalutaw l-analiżi ppreżentata fir-rigward tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

13.  Jistenna bil-ħerqa kjarifika mill-Kummissjoni l-ġdida dwar kif beħsiebha tipproċedi dwar aspetti mqajma minn din ir-riżoluzzjoni, sabiex tagħti kont aħjar ta' dan l-approċċ fit-tħejjija tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-komunikazzjoni REFIT reċenti tal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Parlament f'dan il-kuntest;

It-test tal-SMEs

14.  Ifakkar li fir-rieżami tagħha tal-2011 dwar is-"Small Business Act", il-Kummissjoni qieset li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex ixerrdu aħjar il-prinċipji tat-test tal-SMEs fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b'appoġġ għall-politika dwar l-SMEs;

15.  Jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; jiddeplora, madankollu, il-fatt li, bil-kontra għal dak li tħabbar, it-test tal-SMEs lanqas biss hu msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-IA;

16.  Ifakkar li l-Kummissjoni, fis-"Small Business Act", impenjat ruħha li timplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika tagħha, u li dan jinkludi t-test tal-SMEs biex jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni fil-ġejjieni u l-inizjattivi amministrattivi dwar l-SMEs; jenfasizza li huwa vitali li jiġi żgurat li dan it-test jitwettaq sew, u jqis li hemm marġini sinifikanti ta' progress li għad irid isir;

17.  Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit fl-Anness 8 tal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex jiġi evitat li l-SMEs jintlaqtu b'mod sproporzjonat jew jiġu żvantaġġati mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li f'każijiet bħal dawn, l-IA għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi u/jew flessibbiltajiet alternattivi sabiex jgħinu lill-SMEs jikkonformaw mal-inizjattiva (kif previst fl-Anness 8.4); jilqa', f'dan ir-rigward, l-esklużjoni tal-mikrointrapriżi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva bħala għażla politika ddikjarata fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jemmen, madankollu, li l-eżenzjoni awtomatika tal-mikrointrapriżi mhux dejjem tista' tkun l-aħjar approċċ, u li għalhekk dan irid jiġi vvalutat każ b'każ għal kull proposta sabiex tiġi riflessa l-politika tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi, jiġifieri li l-mikrointrapriżi għandhom jibqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposti sakemm ma jintweriex li għandhom jiġu inklużi; jappoġġa l-kunsiderazzjoni ta' soluzzjonijiet adattati u reġimi eħfef għall-SMEs fl-IAs meta dan ma jillimitax b'mod inadegwat l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

Applikazzjoni u monitoraġġ

19.  Jinnota li l-forma aħħarija ta' att leġiżlattiv tista' tkun ferm differenti mill-proposta adottata mill-Kummissjoni; jemmen li jkun utli li titħejja sinteżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż stmati għal atti leġiżlattivi adottati, u li din tkun aġġornata biex tirrifletti bidliet mill-analiżi li hija inkluża fl-IA bħala riżultat ta' emendi li saru matul il-proċess leġiżlattiv; iqis li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt ta' proposta jkunu ssimplifikati b'eżerċizzju bħal dan;

L-istabbiliment ta' Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar

20.  Jirrikonoxxi l-ħidma u r-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, skont il-mandat tal-Kummissjoni; ifakkar fl-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni l-aktar reċenti tagħha dwar ir-REFIT (Ġunju 2014), li tistabbilixxi grupp ġdid ta' livell għoli dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati u esperti nazzjonali;

21.  Jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi mill-aktar fis possibbli lil dan il-grupp bħala Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar ta' livell għoli li jinvolvi kemm il-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll l-esperti nazzjonali; jipproponi mandat konsultattiv qawwi u indipendenti għal dan il-korp, li għandu jikkomplementa l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-IAs; jemmen li l-kompetenzi ta' tali korp, anke fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jistgħu jipprovdu valur miżjud għall-proċedura tal-IA u għal inizjattivi oħra relatati mar-regolamentazzjoni aħjar; jitlob li l-Parlament u l-Kunsill jiġu involuti fil-proċedura tan-nomina ta’ esperti; jissuġġerixxi li jitqiesu l-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-korpi eżistenti għal regolamentazzjoni aħjar (bħal dawk fl-Isvezja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit u fil-Ġermanja);

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq abbozz ġdid tal-linji gwida riveduti tal-IA, li jqis il-punti enfasizzati minn din ir-riżoluzzjoni u l-istruttura tal-Kummissjoni li għadha kif ġiet introdotta, b'mod partikolari r-rwol tal-Viċi President il-ġdid inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament

23.  Jitlob li l-IAs tal-Kummissjoni jiġu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;

24.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar il-garanzija li l-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu indipendenti, u li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari, strument li diġà huwa disponibbli; ifakkar li intestatura baġitarja speċifika u servizzi dedikati huma disponibbli biex ikopru t-twettiq tal-IAs; iqis li r-rikors għal IA parlamentari huwa partikolarment meħtieġ meta jkunu ddaħħlu bidliet sostantivi għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Kunsill Ewropew

25.  Jistenna li l-Kunsill jonora l-impenn tiegħu li jivvaluta b'mod sistematiku l-impatt tal-emendi sostantivi tiegħu stess;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

(1) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 31.


Il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal
PDF 276kWORD 114k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2014/2919(RSP))
P8_TA(2014)0070B8-0285/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York, fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, adottata fi New York, fit-13 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma, adottat fl-2009, u l-pjan ta' azzjoni assoċjat għall-2010-2014,

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan mid-29 ta' Novembru sal-1 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tan-NU bit-titolu "Dinja xierqa għat-tfal",

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE(4),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5), u tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili"(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-koperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva" (COM(2014)0335),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012, bit-titolu "Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha jikkostitwixxu l-istandard fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u fihom sensiela komprensiva ta' standards legali internazzjonali għall-protezzjoni u l-benessri tat-tfal;

B.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u għandhom obbligi legali ċari biex jippromwovu, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet ta' kull tifel u tifla fil-ġurisdizzjonijiet tagħom;

C.  billi l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal hija objettiv espliċitu tal-politiki tal-UE, u billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel kunsiderazzjoni fl-azzjonijiet kollha tal-UE;

D.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrispettaw il-fatt li t-tfal għandhom id-dritt li jinstemgħu u li, skont l-età u l-maturità tagħhom, jittieħed kont tal-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom ;

E.  billi d-drittijiet tat-tfal – b'mod partikolari l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, id-dritt tat-tfal għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp, in-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-dritt tat-tfal li jesprimu opinjoni – jikkonċernaw il-politiki kollha tal-UE;

F.  billi sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal 25 sena ilu, iżda billi d-drittijiet tat-tfal għadhom qed jiġu miksura f'ħafna mkejjen tad-dinja, inkluż fi Stati Membri tal-UE, bħala konsegwenza ta' vjolenza, abbuż, sfruttament, faqar, esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, diżabilità, sess, identità sesswali, età, etniċità, migrazzjoni jew status ta' residenza;

G.  billi, sabiex id-drittijiet ikollhom tifsira, it-tfal kollha u l-familji tagħhom irid ikollhom aċċess inklużiv għall-ġustizzja, kif ukoll għal rimedji ġusti, effikaċi u f'waqthom;

H.  billi madwar 6,6 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' 5 snin mietu fl-2012, l-aktar minħabba kawżi li setgħu jiġu evitati, u għaldaqstant iċċaħdu mid-dritt fundamentali tagħhom li jissopravivu u jiżviluppaw; billi 168 miljun tifel u tifla ta' bejn 5 u 17-il sena huma involuti fit-tħaddim tat-tfal, li jikkomprometti d-dritt tagħhom li jiġu protetti mill-isfruttament ekonomiku u jikser id-dritt tagħhom li jitgħallmu u jilagħbu; billi 11 % tal-bniet jiżżewġu qabel ma jagħlqu l-15-il sena, u dan jikkomprometti d-drittijiet tagħhom għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni; billi fl-Afrika sub-Saħarjana, wieħed minn kull għaxart itfal għadu jmut qabel ma jagħlaq il-5 snin;

I.  billi l-edukazzjoni – speċjalment l-edukazzjoni primarja mingħajr ħlas għat-tfal kollha – hija dritt fundamentali li l-gvernijiet ħadu impenn dwaru fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989; billi l-objettiv għas-sena 2015 huwa li jiġi żgurat li s-subien u l-bniet kollha jikkompletaw kors sħiħ ta' edukazzjoni primarja; billi minkejja l-ftit progress li sar fid-dinja li għadha fil-fażi tal-iżvilupp, għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq dan l-objettiv;

J.  billi edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità hija parti integrali u importanti fit-tisħiħ tad-drittijiet tas-subien u l-bniet għall-benessri u s-saħħa, filwaqt li tippromwovi l-ugwaljanza u tiġġieled l-istereotipi;

K.  billi l-kriżijiet umanitarji għadu qed ikollhom impatt devastanti fuq it-tfal, u billi fl-2014, il-kriżijiet, l-aktar relatati mal-kunflitt, affettwaw il-ħajja ta' aktar minn 59 miljun tifel u tifla; billi fid-dinja, illum hemm madwar 250 000 suldat taħt l-età, u 40 % minn dawn huma bniet;

L.  billi fl-2012 biss, kważi 95 000 tifel u tifla u adolexxenti taħt l-età ta' 20 sena kienu vittmi ta' omiċidji, kważi biljun tifel u tifla ta' bejn 2 u 14-il sena kienu soġġetti għal kastig fiżiku, wieħed minn tliet adolexxenti ta' bejn 13 u 15-il sena esperjenzaw bullying u madwar 70 miljun tifla ta' bejn 15 u 19-il sena kienu vittmi ta' xi forma ta' vjolenza fiżika, u billi 120 miljun tifla madwar id-dinja, xi darba jew oħra f'ħajjithom, esperjenzaw konġunġiment karnali furzat jew atti sesswali furzati oħra;

M.  billi t-tfal jirrappreżentaw nofs il-popolazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, u billi madwar 100 miljun tifel u tifla jgħixu fl-UE;

N.  billi skont l-aktar skeda ta' rapport reċenti tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) dwar il-faqar fost it-tfal f'pajjiżi sinjuri, mill-2008 'l hawn, 2,6 miljun tifel u tifla niżlu taħt is-soll tal-faqar fl-aktar pajjiżi għonja tad-dinja, u b'hekk, in-numru ta' tfal li qed jgħixu fil-faqar fid-dinja żviluppata attwalment huwa madwar 76,5 miljun; billi, skont l-istess studju, fl-2013, 7,5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-UE ġew ikklassifikati bħala NEETs (żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ);

O.  billi l-vjolenza fuq it-tfal timmanifesta ruħha f'ħafna forom, inklużi l-abbuż psikoloġiku, fiżiku, sesswali, emozzjonali u verbali, in-negliġenza u l-privazzjoni, u tokkorri f'ħafna ambjenti, inklużi d-dar u l-iskola, fis-sistema tal-kura tas-saħħa u s-sistema tal-ġustizzja, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunitajiet u online;

P.  billi l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal toffri qafas ċar għall-azzjoni tal-UE u billi l-implimentazzjoni tagħha rrizilutat f'progress sinifikanti f'għadd ta' oqsma ewlenin ta' azzjoni u leġiżlazzjoni, inklużi l-istabbiliment ta' hotlines għat-tfal mitlufa, il-promozzjoni ta' ġustizzja li tqis l-interessi tat-tfal, it-titjib tal-ġbir tad-data u l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna;

Q.  billi t-tfal kollha huma qabel xejn tfal bi drittijiet li għandhom jiġu ssodisfati mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mill-oriġini etnika, in-nazzjonalità jew l-istatus soċjali, status ta' immigrant jew status ta' residenza tagħhom jew tal-ġenituri tagħhom;

R.  billi l-bniet u s-subien jesperjenzaw aspettattivi u forom ta' soċjalizzazzjoni simili u oħrajn differenti, u billi d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw il-bniet u dik li jesperjenzaw is-subien tvarja f'etajiet differenti;

S.  billi, minkejja li sar progress sostanzjali, b'mod partikolari fl-oqsma tat-traffikar, l-isfruttament sesswali u d-drittijiet tal-vittmi, u f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfittxija ta' asil u tfal mhux akkumpanjati, għad irid isir ħafna aktar biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-migranti tfal jiġu rispettati fl-UE kollha; billi bosta tfal mhux akkumpanjati jgħibu jew jaħarbu wara li jaslu għall-ewwel darba fl-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż;

T.  billi, minħabba n-natura internazzjonali tiegħu, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online – inklużi l-proliferazzjoni ta' materjal marbut mal-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi – għadu jqajjem tħassib kbir fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'offiżi li jibdew minn estorsjoni sesswali u "grooming", għal materjal u xandir dirett ta' produzzjoni proprja marbut mal-abbuż tat-tfal, li huma sfidi investigattivi partikolari minħabba l-innovazzjoni teknoloġika li tipprovdi aċċess aktar faċli u rapidu għall-materjal lit-trasgressuri, inklużi ċ-ċiberpredaturi;

U.  billi t-tfal huma partikolarment milquta mill-faqar u mit-tnaqqis fis-sistemi ta' sigurtà soċjali u benefiċċji soċjali ewlenin bħall-allowance tal-familja, u billi dan it-tip ta' tnaqqis żdied mill-2007 'l hawn fl-UE; billi fl-UE, saħansitra wara t-trasferimenti soċjali, ir-rata ta' riskju ta' faqar fost it-tfal għadha għolja ħafna (20,3 % fl-2013);

V.  billi l-qafas ta' wara l-2015 għall-iżvilupp globali se jkun opportunità biex tiżdied l-importanza tad-drittijiet tat-tfal kollha, f'kull rokna tad-dinja – irrispettivament mis-sess, l-etniċità, ir-razza, id-diżabilità, l-istatus ekonomiku jew kwalunkwe status ieħor;

1.  Iqis li d-drittijiet tat-tfal jinsabu fil-qalba tal-politiki tal-UE u li l-25 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija opportunità biex il-Konvenzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fil-politika u fil-prattika, kif ukoll biex jittieħdu miżuri addizzjonali biex id-drittijiet tat-tfal kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, jiġu rispettati kullimkien;

2.  Jilqa' l-impenn tal-UE fl-ambitu tal-Programm ta' Stokkolma biex tiżviluppa strateġija integrata tal-UE għall-promozzjoni u s-salvagwardja effikaċi tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija ambizzjuża u komprensiva għad-drittijiet tat-tfal, u pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin, billi tibni fuq l-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u ttejjibha;

3.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tiżviluppa ulterjorment linji gwidi integrati tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal, bil-għan li tnaqqas il-frammentazzjoni li tirriżulta minn risposti bbażati fuq kwistjonijiet partikolari li jindirizzaw tħassib speċifiku dwar il-protezzjoni tat-tfal, sabiex it-tfal kollha fl-UE jkunu protetti b'mod effikaċi minn kull forma ta' vjolenza;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tagħha bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ" fl-Istati Membri, u tiżgura l-aċċess għal servizzi ta' kwalità u l-parteċipazzjoni tat-tfal; jistieden lill-dawk l-Istati Membri li għandhom rati ogħla mill-medja ta' faqar fost it-tfal biex jistabbilixxu objettivi nazzjonali u jipprijoritizzaw l-investimenti bil-għan li jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal u ż-żgħażagħ;

5.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju bħala l-prijorità ewlenija fil-politiki interni tagħhom u r-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza l-fatt li dawn l-objettivi, speċjalment il-qerda tal-faqar, l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jistgħu jinkisbu biss permezz tal-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi li huma aċċessibbli għal kulħadd;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw attenzjoni espliċita fuq it-tfal u ż-żgħażagħ fis-Semestru Ewropew, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fi Strateġija Ewropa 2020 riveduta, sabiex tiġi implimentata aħjar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ";

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi differenti tagħha, bil-għan li jiġu integrati b'mod effikaċi d-drittijiet tat-tfal fil-proposti leġiżlattivi, il-politiki u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-UE, u jitwettaq monitoraġġ tal-konformità sħiħa tagħhom mal-acquis tal-UE fir-rigward tat-tfal, u mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mandat u r-riżorsi tal-Koordinatur tad-Drittijiet tat-Tfal jirriflettu adegwatament l-impenn tal-UE biex tintegra b'mod sistematiku u effikaċi d-drittijiet tat-tfal;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni taħtaf l-opportunità li ngħatatilha mir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali sabiex tiżgura li l-fondi tal-UE jkunu ta' benefiċċju għat-tfal l-aktar żvantaġġati u vulnerabbli;

9.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, huma u jipprogrammaw u jimplimentaw politiki reġjonali u ta' koeżjoni, bħall-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità, il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom u l-politika tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, lit-tfal jikkunsidrawhom espliċitament bħala prijorità; itenni l-importanza li jiġi protett u promoss l-aċċess ugwali għad-drittijiet kollha għat-tfal Rom;

10.  Jinsisti li l-politiki kollha dwar id-drittijiet tat-tfal iridu jintegraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u jitlob li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniet, inklużi l-edukazzjoni u s-saħħa;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal jitħares fil-leġiżlazzjoni kollha, f'deċiżjonijiet meħuda mir-rappreżentanti tal-gvernijiet fil-livelli kollha u fid-deċiżjonijiet kollha tal-qrati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki bil-għan li jtejbu l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-UE kollha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess effikaċi għas-sistemi tal-ġustizzja maħsuba għall-bżonnijiet u d-drittijiet speċifiċi tagħhom, kemm jekk bħala persuni suspettati, awturi ta' reat, vittmi jew partijiet involuti fi proċedimenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li għandhom il-politiki ta' detenzjoni u s-sistemi ta' ġustizzja kriminali fuq it-tfal; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-UE d-drittijiet tat-tfal jintlaqtu b'mod dirett fil-każ ta' tfal li jgħixu f'ċentri ta' detenzjoni mal-ġenituri tagħhom; jissottolinja l-fatt li, kull sena, madwar 800 000 tifel u tifla fl-UE jiġu mifruda minn ġenitur li jinsab il-ħabs, u dan ikollu bosta riperkussjonijiet fuq id-drittijiet tat-tfal;

14.  Iqis li t-tfal huma vulnerabbli fl-aċċess tagħhom għall-oġġetti u s-servizzi; jistieden lill-komunità tan-negozju u l-partijiet interessati biex ma jindirizzawx reklamar aggressiv u qarrieqi lit-tfal, kemm online kif ukoll offline, billi, fost miżuri oħra, jimplimentaw kodiċi ta' kondotta u inizjattivi simili eżistenti; iqis li r-reklamar destinat għat-tfal dwar ikel b'kontenut għoli ta' xaħam, melħ jew zokkor għandu jsir b'mod responsabbli, u li dak li jkun għandu jżomm f'moħħu l-obeżità u d-dijabete fost it-tfal;

15.  Huwa tal-fehma li d-data personali tat-tfal li tinsab online trid tkun rispettata kif xieraq u li t-tfal jeħtieġ li jkunu informati, b'mod aċċessibbli u li jqis l-interessi tagħhom, dwar ir-riskji u l-konsegwenzi li jeżistu meta jużaw id-data personali tagħhom online; jisħaq fuq il-fatt li t-tfassil online ta' profili tat-tfal għandu jkun ipprojbit; iqis li t-tfal kollha għandu jkollhom id-dritt li jgawdu minn ambjent moralment pożittiv u sigur, kif ukoll mill-aċċess għal-logħob;

16.  Jsitieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, fid-dawl tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-vittmi ta' traffikar huma bniet u subien żgħar, li huma vittmi ta' tħaddim u sfruttament sesswali, kif ukoll ta' abbużi oħra; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bil-għan li jipprevjenu dawn ir-reati u jressquhom quddiem qorti kriminali; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiġġieldu t-trasferiment illeċitu tat-tfal, jaħdmu f'koperazzjoni ma' pajjiżi terzi bil-għan li jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-kuntrabandu u t-traffikar tat-tfal, u jressqu lit-traffikanti quddiem il-qorti, b'sanzjonijiet xierqa;

17.  Iqis li jridu jittieħdu passi biex jiġi miġġieled il-bullying fuq l-internet, u li t-tfal, l-għalliema u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni;

18.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jinvestu f'servizzi pubbliċi għat-tfal, inklużi l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni u s-saħħa, u b'mod partikolari jinvestu biex jestendu n-netwerk pubbliku ta' kindergartens, nurseries u servizzi ta' utilità pubblika li joffru attivitajiet ta' rikreazzjoni għat-tfal;

19.  Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel livelli ta' edukazzjoni mhux dejjem jiggarantixxu l-livell bażiku ta' tagħlim, jistieden lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni sekondarja obbligatorja mingħajr ħlas għal kulħadd, peress li din hija kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju tad-dritt għal opportunitajiet indaqs;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jaddottaw liġijiet bil-għan li jissalvagwardaw u jsaħħu d-drittijiet għall-maternità u l-paternità sabiex b'hekk jipprovdu ambjent moralment pożittiv u stabbli għat-tfal fl-ewwel xhur ta' ħajjithom;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-kapaċità legali, il-kompetenzi tekniċi u r-riżorsi finanzjarji tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex iżidu l-koperazzjoni, inkluża dik mal-Europol, bil-għan li jinvestigaw u jżarmaw netwerks ta' trasgressuri sesswali kontra t-tfal b'mod aktar effikaċi, filwaqt illi jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti;

22.  Jitlob li jkun hemm approċċ ta' kollaborazzjoni u skambju ta' informazzjoni effikaċi bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji, l-industrija tal-informatika, il-fornituri tas-servizz tal-Internet (ISPs), is-settur bankarju u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiggarantixxu d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online u jqisuhom bħala persuni vulnerabbli skont il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni u jindirizzaw il-fenomenu taċ-ċiberpredaturi u l-forom kollha ta' bullying fuq l-internet;

23.  Iqis li t-tfal mhux akkumpanjati huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett relatat mas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, sabiex itejbu l-kundizzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex itemmu d-detenzjoni tal-migranti tfal fl-UE kollha; jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-648/11 MA, BT, DA vs Secretary of State for the Home Department, fejn ġie ddikjarat li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal asil li tkun saret f'aktar minn Stat Membru wieħed minn minuri mhux akkumpanjat huwa l-Istat li fih il-minuri ikun preżenti wara li jkun ressaq applikazzjoni hemmhekk; ifakkar li l-minuri mhux akkumpanjati huma l-ewwel u qabel kollox tfal li potenzjalment jinsabu fil-periklu, u li l-prinċipju ewlieni li għandhom iħaddnu l-Istati Membri u l-UE huma u jindirizzaw każijiet ta' minuri mhux akkumpanjati irid ikun il-protezzjoni tat-tfal, aktar milli l-politiki tal-immigrazzjoni, biex b'hekk ikunu qed jirrispettaw il-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tat-tfal;

24.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jimplimentaw l-istandards stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal għal tfal li m'għandhomx kura mill-ġenituri, u l-Linji Gwida tan-NU għall-Kura Alternattiva tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Fondi Strutturali tal-UE biex tagħti sostenn lit-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fuq il-komunità; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' għadd konsiderevoli ta' każijiet li, fihom, l-awtoritajiet pubbliċi f'xi Stati Membri ġew akkużati li pproċedew bl-adozzjoni furzata mingħajr ma ngħata kunsens mill-ġenituri, biex tipproponi miżuri speċifiċibil-għan li tiżgura li l-prattiki ta' adozzjoni mwettqa fl-Istati Membri jsiru fl-aħjar interessi tat-tfal;

25.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja b'mod pożittiv, uman u rapidu, f'konformità mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm approċċ aktar koordinat biex jinstabu t-tfal neqsin fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'każijiet transfruntiera li jinvolvu tfal neqsin, u jiżviluppaw hotlines għat-tfittxija tat-tfal neqsin u jappoġġaw lill-vittmi tal-abbuż fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-adeżjoni tal-Marokk, is-Singapor, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, il-Gabon u l-Armenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, hija u tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, tieħu b'serjetà l-aħjar interessi tat-tfal, fid-dawl tal-lakuni li jeżistu fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-ġenituri u d-dritt ta' kustodja;

28.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza fuq it-tfal, l-abbuż fiżiku, sesswali u verbali, iż-żwigijiet furzati, it-tħaddim tat-tfal, il-prostituzzjoni, it-traffikar, it-tortura, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-użu ta' suldati tfal u l-użu tat-tfal bħala tarek umani, il-privazzjoni, in-negliġenza u l-malnutrizzjoni; iqis li t-tradizzjoni, il-kultura u r-reliġjon m'għandhom qatt jintużaw bħala ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom u jiġġieldu kwalunkwe forma ta' vjolenza fuq it-tfal, anki billi jimponu sanzjonijiet u jipprojbixxu b'mod formali s-swat tal-ġisem fuq it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-koperazzjoni u d-djalogu tagħhom ma' pajjiżi terzi, jissensibilizzaw il-pubbliku u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tat-tfal kullimkien fid-dinja;

29.  Jikkundanna l-użu tat-tfal għal skopijiet jew attivitajiet ta' natura militari jew terrorista; ifakkar fl-importanza li jingħataw appoġġ u assistenza ta' natura psikoloġika lit-tfal kollha li jkunu ġew esposti għal ġrajjiet vjolenti jew tfal li jkunu vittmi tal-gwerra; jilqa' l-inizjattiva tal-UE "Tfal tal-Paċi", u jissottolinja l-importanza li t-tfal milquta mill-kunflitti jingħataw aċċess għall-edukazzjoni; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tappoġġa l-kampanja tan-NU "Tfal, mhux suldati", maħsuba biex sal-2016 jintemmu r-reklutaġġ u l-użu tas-suldati tfal mill-forzi ta' sigurtà nazzjonali;

30.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna kollha tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati b'mod effikaċi, anki fil-kuntest tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-ftehimiet ta' kummerċ, il-proċess ta' adeżjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, u f'relazzjonjiet mal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), b'mod partikolari dawk il-pajjiżi li jinsabu f'kunflitt; jistieden lill-VP/RGħ tagħti rendikont fuq bażi annwali lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu f'dak li għandu x'jaqsam mal-azzjoni esterna tal-UE ffokata fuq it-tfal;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja sabiex tiggarantixxi finanzjament adegwat u żżid il-livell ta' protezzjoni għat-tfal milquta minn emerġenzi jew diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, it-tfal spustati f'pajjiżhom jew it-tfal rifuġjati; jissottolinja l-importanza li tinħoloq rabta bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp, speċjalment fi kriżijiet li jdumu għaddejjin snin twal, u li l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda jiġu integrati fil-politiki u l-programmi tal-UE sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu promossi aħjar f'sitwazzjonijiet ta' żvilupp u emerġenza;

32.  Jilqa' l-fatt li l-Premju Nobel għall-Paċi ngħata b'mod konġunt lil Kailash Satyarthi u Malala Yousafzai għall-impenn tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni; jifraħ bl-approvazzjoni espressa pubblikament min-Netwerk tal-Premju Sakharov għall-inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza fuq it-tfal; iqis li dawn l-inizjattivi juru b'mod ċar ir-rwol importanti li għandhom is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-appoġġ u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet minquxa fil-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

33.  Jissottolinja r-rwol importanti li għandhom is-sħab soċjali u l-awtoritajiet lokali fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jieħdu azzjoni u jfasslu opinjonijiet bil-għan li jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fil-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki tal-UE kollha;

34.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jikkoperaw fil-livelli kollha biex itejbu s-sitwazzjoni tat-tfal fl-UE u fil-bqija tad-dinja; jilqa' u jappoġġa l-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, miktub b'mod konġunt mill-UNICEF u minn 14-il organizzazzjoni li jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, u jħeġġeġ lil aktar Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll membri tal-parlamenti nazzjonali, jiffirmaw il-Manifest u jsiru "difensuri tad-drittijiet tat-tfal";

35.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li jinħoloq intergrupp dwar id-drittijiet u l-benessri tat-tfal fi ħdan il-Parlament Ewropew, imsejjes fuq il-Manifest dwar id-Drittijiet tat-Tfal, bħala entità permanenti responsabbli għall-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Parlament Ewropew, kemm fil-kuntest tal-affarijiet interni, kif ukoll f'dak tal-affarijiet barranin; jappoġġa, għaldaqstant, l-inizjattiva li jinħatru "punti ta' kuntatt" għad-drittijiet tat-tfal fi ħdan il-kumitati parlamentari kollha sabiex id-drittijiet tat-tfal jiġu integrati f'kull test politiku u leġiżlattiv adottat;

36.  Iqisha ħaġa importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal fl-attivitajiet parlamentari tiegħu, f'konformità mal-prattiki stabbiliti mill-Unjoni Interparlamentari u l-UNICEF; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jesploraw mezzi biex iżidu l-parteċipazzjoni tat-tfal u l-adolexxenti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; iħeġġeġ l-użu tal-innovjazzjoni u t-teknoloġiji ġodda biex jiġu konsultati t-tfal u ż-żgħażagħ u tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfal;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-protokolli fakultattivi kollha tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jfittxu mezzi biex l-UE taderixxi b'mod unilaterali mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti, is-Somalja u s-Sudan t'Isfel jirratifikaw il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal sabiex tinkiseb ratifika universali;

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u lid-Direttur Eżekuttiv tal-UNICEF.

(1) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(2) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(3) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0387.
(5) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0105.


Suq uniku diġitali
PDF 260kWORD 96k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2014/2973(RSP))
P8_TA(2014)0071B8-0286/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 26, 36, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 21, 38 u 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' kodeċiżjoni 2013/0309 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness (COM(2013)0627),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E–commerce Action Plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 26 tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tat-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni tal-2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem ‘Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online’ (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-politika Ewropea tal-konsumatur(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar  2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ April 2012 intitolata ‘Suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun’(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar "Kif wieħed jista' jibni soċjetà diġitali tal-UE li tkun dejjem aktar preżenti kullimkien",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A tiegħu bl-isem ‘Entertainment x.0 to boost broadband deployment’ (Divertiment x.0 bħala spinta għat-tifrix tal-broadband),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 tad-Dipartiment Tematiku A dwar id-diskriminazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014 fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, fejn id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data ġiet dikjarata invalida,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mill-oqsma ta' progress li, għalkemm jinvolvu sfidi, joffru potenzjal għal gwadanji effiċjenti ħafna li jistgħu jammontaw għal EUR 260 biljun fis-sena, u b'hekk jikkontribwixxi għall-irkupru tal-Ewropa mill-kriżi;

B.  billi l-ikkompletar tas-suq uniku diġitali joħloq miljuni ta' impjiegi u għandu l-potenzjal li jippermetti lill-Ewropa tiggwadanja 4% fi PDG sal-2020;

C.  billi l-ekonomija tal-app waħidha mistennija li tittriplika l-fatturat mill-2013 sal-2018, bil-ħolqien ta' 3 miljun impjieg fl-istess perjodu;

D.  billi l-Parlament ikkummissjona studju ta' analiżi dwar il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku Diġitali, li jsaħħaħ l-importanza li s-soluzzjonijiet diġitali jitqiesu bħala opportunità u mhux bħala theddida għall-konsumaturi, ċittadini u intrapriżi;

E.  billi l-Unjoni teħtieġ li tindokra l-adozzjoni tal-massa tal-cloud computing fl-Ewropa, peress li dan jikkostitwixxi mutur b'saħħtu għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea; billi dan l-istudju jixhed gwadannji sinifikanti previsti marbutin mal-iżvilupp mgħaġġel tiegħu;

F.  billi l-ostakoli li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali marbuta ma' prattiki diskriminatorji bħar-restrizzjoni ta' fornituri tas-servizzi għal ċerti pajjiżi jew territorji, is-sempliċi rifjut ta' bejgħ, rotti alternattivi awtomatiċi u d-diversifikazzjoni mhux ġustifikata tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ;

G.  billi l-pagamenti bil-mowbajl u l-pagamenti elettroniċi siguri, effiċjenti, kompetittivi u innovativi huma kruċjali jekk il-konsumaturi għandhom igawdu mill-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;

H.  billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, kif ukoll iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u għall-ksib tal-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

I.  billi d-disponibilità transEwropea ta' aċċess mifrux, ta' veloċità għolja u sigur għal internet ta' veloċità għolja u ta' servizzi diġitali fl-interess pubbliku hi essenzjali għat-tkabbir soċjali u ekonomiku, il-kompetittività, l-inklużjoni soċjali u s-suq uniku;

J.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali, għandhom jgħinu biex ikun żgurat li l-Ewropa tibqa' kompetittiva fit-terminu medju u dak twil;

K.  billi l-iskjerament rapidu ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja hu kruċjali għall-iżvilupp tal-produttività Ewropea u għall-iżvilupp ta' intrapriżi ġodda u żgħar li jistgħu jkunu mexxejja f'setturi differenti, pereżempju, l-industriji għall-kura tas-saħħa, l-immanifatturar u tas-servizzi;

L.  billi s-settur privat għandu jwettaq rwol ewlieni fid-distribuzzjoni u l-immodernizzar ta' netwerks tal-broadband, bis-sostenn ta' qafas regolatorju kompetittiv u qrib tal-investiment;

M.  billi s-suq uniku diġitali huwa wieħed mis-setturi l-aktar innovattivi tal-ekonomija u għalhekk qed ikollu rwol ewlieni fil-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku permezz tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, filwaqt li jiffaċilita wkoll l-ottemperanza amministrattiva u finanzjarja tan-negozji u joffri lill-konsumaturi għażla usa' ta' prodotti u servizzi;

N.  billi s-suq uniku diġitali mhux biss joffri benefiċċji ekonomiċi iżda għandu wkoll impatt profond fuq il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' kuljum tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE;

O.  billi suq uniku diġitali kompetittiv ma jistax jeżisti mingħajr netwerks ta' broadband u ta' telekomunikazzjonijiet veloċi u ta' aktar kapaċità fir-reġjuni kollha tal-UE, inklużi ż-żoni remoti;

P.  billi d-distakk diġitali attwali li qed ikompli jikber qed ikollu impatt negattiv dirett fuq l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, kemm fir-rigward tal-aċċess għall-internet kif ukoll għall-e-skills (ħiliet elettroniċi);

Q.  billi l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza u s-sigurtà tal-komunikazzjoni elettronika u n-netwerks elettroniċi huma prijorità fis-suq uniku diġitali, peress li dawn huma prerekwiżiti fundamentali għall-funzjonament tiegħu u għall-ksib tal-fiduċja taċ-ċittadini u tal-konsumaturi;

R.  billi s-swieq online, jekk iridu jikbru u jespandu, jeħtieġ li jkunu sew aktar flessibbli kif ukoll ta' użu faċli għall-konsumatur;

S.  billi l-kummerċ elettroniku jikkumplementa b'mod sinifikanti n-negozju offline u huwa mutur ewlieni għall-għażla tal-konsumatur, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, u b'hekk jikkontribwixxi għall-konverġenza tal-Unjoni Ewropea f'ekonomija tal-għarfien;

T.  billi kompetizzjoni mingħajr tfixkil u kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji, li se jsaħħu l-investiment, huma vitali għal dan is-settur tal-ekonomija peress li se jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul għall-benefiċċju tal-utenti finali; billi kompetizzjoni effettiva hija mutur tajjeb għal investiment effiċjenti u tista' tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi fir-rigward tal-għażla, il-prezz u l-kwalità;

U.  billi f'xi oqsma tas-suq uniku diġitali hemm dgħufijiet li jiġu minn konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq u operaturi dominanti;

V.  billi l-isfida tal-frammentazzjoni tas-suq u n-nuqqas ta' interoperabbiltà fl-Unjoni Ewropea huma ostaklu għall-iżvilupp rapidu tas-suq uniku diġitali;

W.  billi l-impjiegi li nħolqu permezz tas-suq uniku diġitali huma, bħala medja, impjiegi bi kwalifiki għolja u mħallsin tajjeb u huma kontribut importanti għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli;

X.  billi l-Kummissjoni għandha tgħasses li ma jkunx hemm imġiba monopolistika fir-rigward tal-pluralità tal-midja, f'termini kemm ta' provvediment ta' kontenut kif ukoll tas-sjieda tal-kontenut, għax l-aċċess għall-informazzjoni hu kruċjali għal demokrazija b'saħħitha;

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, permezz ta' sforzi tal-implimentazzjoni tar-regoli eżistenti u l-infurzar ta' dawn ir-regoli, biex, bħala parti minn strateġija ġenerali, jindirizzaw l-ostakli eżistenti kollha li qed ixekklu l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, filwaqt li jiżguraw li l-miżuri jiġu vvalutati fir-rigward tal-impatt tagħhom, fuq kemm huma tajbin għall-futur u adegwati għall-era diġitali; jemmen li dawn l-isforzi jeħtieġ li jkunu fil-qalba tal-isforzi tal-UE biex tiġġenera tkabbir ekonomiku u impjiegi u ssaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tagħha fi ħdan l-ekonomija globali;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe proposta leġiżlattiva relatata mas-suq diġitali uniku trid tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sabiex id-drittijiet minquxa fiha jkunu protetti bis-sħiħ fil-qasam diġitali;

3.  Jenfasizza partikolarment il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku, li huwa stmat li bih il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw aktar minn EUR 11,7 biljun fis-sena jekk ikunu f'pożizzjoni li jistgħu jagħżlu mill-firxa kollha ta' prodotti u servizzi tal-UE meta jixtru online;

4.  Filwaqt li jilqa' t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku, jinnota l-pożizzjoni dominanti f'xi Stati Membri ta' ftit atturi biss fil-bejgħ dirett ta' prodotti fiżiċi jew fil-pjattaforma bbażata fuq is-suq għal oħrajn biex ibigħu prodotti fiżiċi; jenfasizza l-ħtieġa fil-livell Ewropew biex jiġi sorveljat u evitat l-abbuż ta' tali pożizzjonijiet dominanti fir-rigward tad-disponibbiltà ta' prodotti għal konsumaturi u l-ħlasijiet rikjesti mill-SMEs għall-użu ta' tali pjattaformi bbażati fuq is-suq;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-distakk diġitali jiġi indirizzat u miġġieled għal apprezzament sħiħ tal-potenzjal tas-suq diġitali uniku, u jenfasizza l-ħtieġa li tkun possibbli l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-soċjetà fl-era diġitali, irrispettivament mill-introjtu, is-sitwazzjoni soċjali, il-lokazzjoni ġeografika, is-saħħa jew l-età tagħhom;

6.  Jinnota b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli li għad hemm għall-konsumaturi u għan-negozji rigward il-kummerċ elettroniku, inklużi s-servizzi online, l-aċċess għall-kontenut diġitali, il-prevenzjoni tal-frodi, ir-reġistrazzjonijiet tal-websajts, il-promozzjonijiet tal-bejgħ u l-ittikkettar;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida tas-suq uniku għas-servizzi u l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' regoli bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, soluzzjoni online għat-tilwim, filwaqt li tiżgurat li l-piżijiet amministrattivi jitnaqqsu;

8.  Jitlob li jiġi adottat bil-ħeffa l-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data mmodernizzat ħalli jipprovdi bilanċ xieraq bejn, minn naħa, livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali, sikurezza tal-utenti u kontroll fuq id-data personali tal-individwi u, min-naħa l-oħra, kwadru leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li fih in-negozji jkunu jistgħu jiffjorixxu fi ħdan suq uniku għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, kundizzjonijiet indaqs li jġibu 'l quddiem l-investiment, u ambjent li jikkontribwixxi għall-attrattività tal-UE kollha kemm hi bħala destinazzjoni għan-negozji; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika permezz ta' miżuri leġiżlattivi u kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet, sew fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku diġitali jkollhom kundizzjonijiet indaqs, ħalli jkunu jistgħu jikkompetu; jitlob lil l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza sewwa r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex tipprevjeni konċentrazzjonijiet eċċessivi tas-suq u abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti, kif ukoll tissorvelja l-kompetizzjoni fir-rigward tal-kontenuti u s-servizzi miġbura f'daqqa;

10.  Jinnota li jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji fis-suq uniku diġitali biex niggarantixxu ekonomija diġitali ħajja fl-UE; jenfasizza li infurzar eżawrjenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali se jkun fattur determinanti għat-tkabbir tas-suq, l-aċċess tal-konsumaturi u s-setgħa tagħhom li jagħżlu, u l-kompetittività fit-tul; jenfasizza l-importanza li fil-livell online l-konsumaturi jingħataw l-istess protezzjoni li jgawdu minnha fis-swieq tradizzjonali tagħhom;

11.  Iqis li l-Kummissjoni għandha taġixxi biex toħloq u tiżgura ambjent leġiżlattiv u ġuridikament ċert li jiffavorixxi l-kreattività u l-innovazzjoni għan-negozji li jkunu għadhom qed jibdew, il-mikroimpriżi u l-SMEs;

12.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress rapidu u jiftaħ negozjati mal-Parlament dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, minħabba li dan ikollu l-effett konkret li jtemm il-ħlasijiet għar-roaming fi ħdan l-UE, joffri aktar ċertezza ġuridika rigward in-newtralità tal-internet, u jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan is-suq uniku; jemmen li dan ir-regolament jista' jikkostitwixxi pass kruċjali lejn it-twettiq ta' suq uniku Ewropew għas-servizzi ċellulari;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva għal intraprenditorija diġitali, peress li din hija kritika għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u ideat innovattivi, inklużi miżuri biex itejbu l-aċċess għall-finanzi għal intreprendituri diġitali ġodda (pereżempju permezz ta' crowdsourcing) u jinkoraġġixxu intraprendituri li fallew jieħdu ċans ieħor;

14.  Jenfasizza li jeħtieġ li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat bl-istess mod, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat, min jirċievi, it-tip, il-kontenut, l-apparat, is-servizz jew l-applikazzjoni;

15.  Jinnota li s-suq tat-tiftix online huwa ta' importanza partikolari fl-iżgurar ta' kundizzjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq uniku diġitali, fid-dawl tal-iżvilupp potenzjali tal-magni tat-tiftix fi gwardjani li jirregolaw l-aċċess, u l-possibbiltà li għandhom li jikkummerċjalizzaw l-isfruttament sekondarju tal-informazzjoni li tinkiseb; jitlob li l-Kummissjoni, għalhekk, tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni b'mod deċiżiv, abbażi ta' kontributi mill-persuni interessati kollha u fil-qies tal-istruttura sħiħa tas-suq uniku diġitali, bil-għan li tiżgura li jkun hemm rimedji li jibbenefikaw minnhom tassew il-konsumaturi, l-utenti tal-internet u n-negozji online; jitlob li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra proposti intiżi biex jifirdu l-magni tat-tiftix minn servizzi kummerċjali oħra, bħala mezz potenzjali għall-ilħiq, fit-tul, tal-miri msemmija hawn fuq;

16.  Barra minn dan, jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fil-pront biex tikkunsidra soluzzjonijiet potenzjali li jersqu lejn struttura tat-tiftix tal-internet ibbilanċjata, ġusta u miftuħa;

17.  Jenfasizza li, fit-tħaddim tal-magni tat-tiftix għall-utenti, jeħtieġ li l-proċess u r-riżultati tat-tiftix ikunu imparzjali, b'tali mod li t-tiftix fuq l-internet jibqa' nondiskriminatorju, ikun żgurat li jkun hemm aktar kompetizzjoni u għażla għall-konsumaturi, u tinżamm id-diversità tas-sorsi ta' informazzjoni; jinnota, għaldaqstant, li l-indiċizzazzjoni, l-evalwazzjoni, il-preżentazzjoni u l-gradazzjoni min-naħa tal-magni tat-tiftix irid ikun imparzjali u trasparenti; jitlob li l-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe abbuż fil-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi interkonnessi min-naħa ta' operaturi tal-magni tat-tiftix;

18.  Jilqa' t-tħabbira ta' investigazzjonijiet ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-prattiki tal-magni tat-tiftix u dwar is-suq diġitali b'mod ġenerali;

19.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas effiċjenti u bbilanċjat għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali, maħsub għar-realtà tal-ekonomija diġitali;

20.  Jinkoraġġixxi l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni leġiżlattiva rapida ta' dispożizzjonijiet internazzjonali li jiffaċilitaw l-aċċess ta' utenti b'diżabbiltà għal kontenuti diġitali, kif ukoll għal xogħlijiet stampati, permezz tad-diġitizzazzjoni ta' dawn tal-aħħar;

21.  Jilqa' l-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakesh li jiffaċilita l-aċċess għall-kotba għal dawk neqsin mid-dawl, u jħeġġeġ lill-firmatarji kollha jirratifikaw it-Trattat; jemmen li t-Trattat ta' Marrakesh jirrappreżenta pass tajjeb 'il quddiem, iżda li għad fadal ħafna xi jsir sabiex l-aċċess għall-kontenut jinfetaħ għall-persuni b'diżabilità, apparti dawk li huma neqsin mid-dawl; jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ ulterjorment l-aċċess għal firxa wiesgħa ta' oqsma, mid-drittijiet tal-awtur u l-magni tat-tiftix għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw ulterjorment l-oqfsa regolatorji tal-UE u nazzjonali bil-għan li jippermettu suq integrat u sikur ta' pagamenti mobbli online, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data tal-klijenti; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal regoli ċari u prevedibbli li jkunu stabbiliti bil-liġi;

23.  Ifakkar li l-cloud computing jista' jsir strument qawwi għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali, u jista' joffri benefiċċji ekonomiċi, partikolarment għall-SMEs, billi jbaxxi l-kostijiet infrastrutturali u ta' xort' oħra tal-IT; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li jekk is-servizzi tal-cloud ikunu offruti biss minn għadd limitat ta' fornituri kbar, kwantità dejjem akbar ta' informazzjoni sejra tinġabar f'idejn dawk il-fornituri; ifakkar, barra minn hekk, li l-cloud computing iġib miegħu wkoll riskji għall-utenti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-data sensittiva; jitlob li jkun hemm implimentazzjoni tajba tal-istrateġija Ewropea biex jiġi ggarantit cloud computing kompetittiv u sikur;

24.  Jitlob li l-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' standards u speċifikazzjonijiet internazzjonali għall-cloud computing, li jippermettu servizzi tal-cloud li jirrispettaw il-privatezza, affidabbli, aċċessibbli, interoperabbli fi grad għoli, sikuri u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħala parti integrali ta' politika industrijali tal-Unjoni tal-futur; jenfasizza li l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma meħtieġa għall-fiduċja tal-konsumaturi u għall-kompetittività;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata s-sikurezza tal-internet online, b'mod partikolari għat-tfal, u biex jiġi evitat l-isfruttament tat-tfal billi jkun żgurat li huma stabbiliti l-mezzi li jidentifikaw u jeqirdu l-istampi illegali tal-abbuż tat-tfal fuq l-internet, u billi jkun hemm lok għal mezzi li jżommu lit-tfal u lill-adoloxxenti milli jaċċessaw kontenut b'restrizzjoni fuq l-età;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0239.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0063.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0535.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0327.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0468.
(6) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 11.
(7) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.
(8) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.
(9) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 206.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.


Nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
PDF 259kWORD 93k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar in-nutrizzjoni insuffiċjenti u n-nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2014/2853(RSP))
P8_TA(2014)0072B8-0253/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ikel bħala parti mid-dritt għal livell ta' għajxien adegwat,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu li jirrikonoxxi d-dritt għal livell ta' għajxien adegwat, inkluż ikel adegwat, kif ukoll id-dritt fundamentali li dak li jkun ma jbatix il-ġuħ,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali adottat fl-2008, li jinforza d-dritt għall-ikel fil-livell internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u b'mod partikolari l-Artikoli 24(2)(c) u 27(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija adottata fis-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU li sar f'Ruma fl-1996,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar id-Dritt għall-Ikel, adottati mill-FAO fl-2004, li joffru gwida lill-istati dwar kif jimplimentaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-dritt għall-ikel,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, b'mod partikolari Għan 1 (biex jinqered il-faqar estrem u l-ġuħ sal-2015) u Għan 4 (biex tonqos il-mortalità fost it-tfal),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna għall-Ikel, adottata fl-2012,

–  wara li kkunsidra r-rapporti globali u ta' sinteżi tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp, li ġew ippubblikati fl-2009(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) dwar in-nuqqasijiet tal-ikel fil-livell dinji li jaffettwa lit-tfal,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Ikel bl-isem ''Agroecology and the Right to Food'' (L-agroekoloġija u d-dritt għall-ikel), li ġie ppreżentat matul is-16-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-8 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-espożizzjoni Milano 2015, li t-tema tagħha se tkun ''Feeding the Planet, Energy for Life'' (Nitimgħu lill-pjaneta, l-enerġija għall-ħajja),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010, bit-titolu "Għajnuna Umanitarja tal-Ikel" (COM(2010)0126),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 bit-titolu, "Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel" (COM(2010)0127),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu, "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: Nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel", (COM(2012)0586),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bit-titolu, "Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna Qafas Politiku tal-UE" (COM(2013)0141),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-nutrizzjoni ħażina tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (O-000083/2014 – B8‑0041/2014),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2)tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għad hemm kważi biljun ruħ li qed ibatu l-ġuħ u billi tal-anqas 225 miljun tifel u tifla fid-dinja taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn nutrizzjoni insuffiċjenti akuta u kronika jew minn twaqqif fit-tkabbir minħabba nutrizzjoni insuffiċjenti kronika tat-tfal u materna, u billi kull sena qed imutu madwar 2.6 miljun tifel u tifla li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

B.  billi skont l-Indiċi u l-Mapep tal-Ġuħ Moħbi fid-Dinja(4), madwar żewġ biljun persuna fid-dinja jew persuna minn kull tlieta fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, qed ibatu minn nuqqas kroniku ta' vitamini u minerali essenzjali (mikronutrijenti), kundizzjoni magħrufa bħala ''ġuħ moħbi'' li żżid is-suxxettibbiltà tagħhom għal difetti fit-twelid, infezzjonijiet u żvilupp kompromess;

C.  billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), in-nutrizzjoni insuffiċjenti hija fil-wisa' l-kawża ewlenija ta' mortalità fost it-tfal u tikkaġuna 35 % tal-karga tal-mard tat-tfal taħt l-età ta' ħames snin;

D.  billi kważi 20 miljun tifel u tifla għadhom qed isofru minn nutrizzjoni insuffiċjenti severa u akuta f'kuntesti kemm ta' emerġenza u kemm dawk mhux ta' emerġenza; billi 10 % minnhom biss għandhom aċċess għat-trattament;

E.  billi n-nutrizzjoni tat-tfal tal-età ta' ħames snin jew inqas tiddependi fil-maġġorparti mil-livell ta' nutrizzjoni ta' ommijiethom matul it-tqala u l-perjodu meta jkunu qed ireddgħu;

F.  billi n-nutrizzjoni insuffiċjenti tikkawża wkoll morbożità u telf ta' produttività u tostakola l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

G.  billi dawk li jirnexxielhom jibqgħu jgħixu b'nutrizzjoni insuffiċjenti jbatu minn defiċjenzi fiżiċi u mentali tul ħajjithom kollha li jillimitaw l-abbiltà tagħhom li jitgħallmu u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u dan iżommhom maqbudin f'ċiklu interġenerazzjonali ta' mard u faqar;

H.  billi minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-produzzjoni agrikola u b'hekk fuq in-nutrizzjoni, l-għadd ta' tfal vittmi ta' nutrizzjoni insuffiċjenti mistenni jogħla;

I.  billi kawża importanti tal-ġuħ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw hija l-faqar rurali u urban enormi aggravat mill-migrazzjoni rurali, li hija kkawżata mill-fatt li għal bosta persuni l-biedja fuq skala żgħira mhijiex għażla vijabbli;

J.  billi 25 sena wara l-adozzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, ċerti Stati Partijiet ma rnexxilhomx joħolqu ambjent favorevoli li jiggarantixxi l-aċċess tat-tfal għal ikel adegwat;

K.  billi fis-Summit Dinji dwar l-Ikel tal-1996, il-gvernijiet reġgħu affermaw id-dritt għall-ikel u impenjaw ruħhom li jnaqqsu bin-nofs l-għadd ta' nies bil-ġuħ jew vittmi ta' nutrizzjoni ħażina minn 840 miljun għal 420 miljun sal-2015; billi minkejja dan, l-għadd ta' nies bil-ġuħ jew vittmi ta' nutrizzjoni ħażina, partikolarment it-tfal, żdied matul dawn l-aħħar snin, primarjament minħabba l-kriżijiet alimentari tal-2008 u tal-2011;

L.  billi bosta strumenti ġuridiċi internazzjonali jorbtu d-dritt għall-ikel ma' drittijiet tal-bniedem oħrajn, inklużi d-dritt għall-ħajja, għal għajxien, is-saħħa, il-proprjetà, l-edukazzjoni u l-ilma;

M.  billi d-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba għal kulħadd huwa importantissmu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs); billi n-nutrizzjoni hija marbuta mal-maġġorparti tal-MDGs, jekk mhux kollha, u li dawn, min-naħa tagħhom, huma marbutin mill-qrib ma' xulxin;

N.  billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkonfermaw li l-produzzjoni alimentari hija biżżejjed biex titma' l-popolazzjoni kollha tad-dinja u li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal hija marbuta man-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u mal-faqar tal-unitajiet domestiċi, l-esklużjoni, kuri u prattiki ta' alimentazzjoni inadegwati, ambjenti domestiċi li mhumiex tajbin għas-saħħa u ma' servizzi tas-saħħa inadegwati;

O.  billi d-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba huwa essenzjali biex jinbnew familji u komunitajiet reżiljenti u għat-tisħiħ tal-kapaċità tagħhom li jnaqqsu t-tul tal-perjodi ta' rkupru wara emerġenza, f'kuntest ikkaratterizzat minn żieda fl-għadd u l-kobor tad-diżastri;

P.  billi l-aqwa status nutrizzjonali jinkiseb meta t-tfal ikollhom aċċess għal ikel bi prezz raġonevoli, varjat u għani fin-nutrijenti, kif ukoll għal prattiki xierqa materni u tal-kura tat-tfal, servizzi tas-saħħa adegwati u ambjent tajjeb għas-saħħa inklużi ilma sikur, sanità u prattiki ta' iġjene tajbin;

1.  Jindika li l-kawżi tan-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal huma bosta, li fil-biċċa l-kbira tagħhom jinġiebu mill-bniedem u għalhekk jistgħu jiġu evitati, u li dawn jinkludu strutturi ekonomiċi ineffiċjenti, distribuzzjoni inugwali tar-riżorsi u/jew l-użu mhux sostenibbli tagħhom, governanza ħażina, dipendenza kbira fuq prodotti tar-raba' individwali u prattiki agrikoli monokulturali, diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfal u saħħa ħażina kkaġunata minn sistemi sanitarji b'defiċjenzi flimkien ma' nuqqas ta' edukazzjoni speċjalment għall-ommijiet;

2.  Jinsisti li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ jiggarantixxu t-tliet dimensjonijiet tad-dritt għall-ikel u għal nutrizzjoni tajba: id-disponibbiltà, jiġifieri l-possibbiltà li dak li jkun jitma' lilu nnifsu direttament mill-art produttiva jew minn riżorsi naturali oħra, jew li jistabbilixxi sistemi tad-distribuzzjoni, l-ipproċessar u tas-suq li jaħdmu sewwa; l-aċċessibbiltà, jiġifieri li jkun garantit kemm l-aċċess ekonomiku u kemm dak fiżiku għall-ikel; u l-adegwatezza, jiġifieri li l-ikel irid ikun sikur u jissodisfa l-bżonnijiet nutrizzjonali ta' kull individwu, b'kont meħud ta' fatturi bħall-età, il-kundizzjonijiet tal-ħajja, is-saħħa, l-impjieg, is-sess, il-kultura u r-reliġjon;

3.  Jenfasizza l-fatt li, minn perspettiva ta' ċiklu tal-ħajja, l-aktar żmien kruċjali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrizzjonali ta' tifel jew tifla huma l-ewwel 1 000 jum tal-ħajja, inkluż il-perjodu tat-tqala, peress li matul dan iż-żmien it-tfal ikollhom ħtiġijiet nutrizzjonali akbar biex isostnu t-tkabbir u l-iżvilupp rapidi tagħhom, ikunu aktar suxxettibbli għall-infezzjonijiet u jkunu jiddependu għalkollox fuq ħaddieħor għan-nutrizzjoni, il-kura u l-interazzjonijiet soċjali;

4.  Jerġa' jafferma li l-indirizzar tan-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal u dik materna jeħtieġ approċċ integrat u azzjoni koordinata f'għadd setturi li jinfluwenzaw in-nutrizzjoni insuffiċjenti, bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, l-ilma, l-aċċess għall-enerġija u s-sanità, flimkien mal-parteċipazzjoni responsabbli tal-partijiet interessati kollha, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw strateġiji tal-iżvilupp konsistenti u fit-tul u biex jagħmlu sforzi sabiex inaqqsu n-nutrizzjoni insuffiċjenti, anki fil-kuntest ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza u interventi umanitarji;

5.  Jappella lill-UE żżid is-sostenn ipprovdut mill-programmi tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp favur produzzjoni agrikola sostenibbli min-naħa ta' azjendi agrikoli żgħar, tal-bdiewa u ta' daqs medju, u dan prinċipalment għall-konsum lokali; jitlobha wkoll tinvesti fi pjanijiet parteċipattivi mmexxija fil-livell nazzjonali li għandhom jiġu implimentati fil-livell lokali, b’kooperazzjoni mal-bdiewa u r-rappreżentanti tagħhom, mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

6.  Ifaħħar it-titjib li sar matul dawn l-aħħar snin fil-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal, kif juru l-indikaturi dwar il-progress lejn l-ilħuq tal-MDG nru 1; iqis madankollu li l-għadd ta' tfal li qegħdin imutu jew ibatu min-nutrizzjoni insuffiċjenti għadu għoli u li dan huwa inaċċettabbli, u li dan jikkontribwixxi għaż-żamma taċ-ċirku vizzjuż tal-faqar u tal-ġuħ;

7.  Jenfasizza għalhekk li l-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal u l-għoti ta' aċċess universali għal ikel sustanzjuż u adegwat għandhom jibqgħu fost il-miri l-aktar importanti tal-aġenda għal wara l-2015 fl-ambitu tal-għan li jinġieb fi tmiem il-ġuħ, b'appell speċifiku sabiex jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina sal-2030 u li sal-2025 jinkisbu l-miri miftiehma fil-livell internazzjonali dwar it-twaqqif fit-tkabbir u żbilanċi fil-proporzjon bejn it-tul u l-piż għal tfal taħt il-ħames snin;

8.  Iqis li t-tnaqqis fil-fondi għall-agrikoltura fl-ambitu tal-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) meta mqabbel mad-9 FEŻ kien żball; jeżorta għalhekk lill-Kunsill jerġa' jeżamina l-kwistjoni u jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-11-il FEŻ;

9.  Jenfasizza l-importanza tar-rieda politika biex tiġi indirizzata n-nutrizzjoni insuffiċjenti; jilqa' l-Pjan Direzzjonali għaż-Żieda fin-Nutrizzjoni (Road Map for Scaling-Up Nutrition (SUN)) żviluppat mill-Kumitat Permanenti tan-NU għan-Nutrizzjoni, bil-għan li jaċċelera t-titjib fin-nutrizzjoni, partikolarment fil-pajjiżi li qed ibatu l-aktar b'dan, bil-parteċipazzjoni tad-diversi partijiet interessati fosthom l-aġenziji tan-NU b'kompetenza fil-qasam tan-nutrizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipji deskritti fl-inizjattiva SUN; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tikkoordina l-parteċipazzjoni fl-inizjattiva SUN min-naħa tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet fil-livell lokali b'rabtiet diretti mal-bdiewa fuq skala żgħira u l-familji tagħhom;

10.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 3,5 biljuni bejn l-2014 u l-2020 fuq it-titjib tan-nutrizzjoni f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-impenji tagħha fuq interventi speċifiċi għan-nutrizzjoni sabiex tilħaq l-objettiv tagħha li sal-2025 tnaqqas b'7 miljuni l-għadd ta' tfal ta' taħt il-ħames snin li waqfu jikbru;

11.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa għandhom rwol kruċjali fin-nutrizzjoni tat-tfal u s-sigurtà tal-ikel billi dawn ireddgħu, jipproduċu, jixtru, iħejju u jqassmu l-ikel tal-familja, jieħdu ħsieb it-tfal u l-morda u jiżguraw iġjene adegwata; jindika li għalkemm 60 % tal-ġuħ kroniku jaffettwa lin-nisa u l-bniet, in-nisa jipproduċu bejn 60 % u 80 % tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

12.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa, għalkemm huma responsabbli għal madwar 80 % tal-biedja fl-Afrika, formalment huma s-sidien ta' 2 % biss tal-art; jindika wkoll li programmi reċenti fl-Indja, il-Kenja, il-Ħonduras, il-Gana, in-Nikaragwa u n-Nepal sabu li l-unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa għandhom iktar sigurtà tal-ikel, kura tas-saħħa aħjar u enfasi iktar qawwija fuq l-edukazzjoni milli unitajiet domestiċi mmexxija mill-irġiel;

13.  Jenfasizza li hemm rabta mill-qrib bejn il-livell edukattiv tan-nisa u l-istatus nutrizzjonali ta' familtha; iħeġġeġ għaldaqstant li jitneħħew l-ostakoli tal-ġeneru fir-rigward tal-edukazzjoni u l-litteriżmu, bil-ħsieb li n-nisa jkollhom aċċess akbar għall-edukazzjoni;

14.  Jappella għaldaqstant għall-inklużjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u l-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa fil-politiki kollha mmirati lejn il-ġlieda kontra n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal;

15.  Jenfasizza li n-nutrizzjoni insuffiċjenti fost in-nisa tqal għandha konsegwenzi devastanti għat-trabi tat-twelid, effetti li hemm ċans li jikkompromettu b'mod irreversibbli l-iżvilupp futur tat-tifel jew tat-tifla; jappella għalhekk sabiex tingħata attenzjoni partikolari lill-ħarsien tas-saħħa u d-drittijiet tan-nisa u sabiex it-taħriġ nutrizzjonali jsir parti prinċipali mill-programmi edukattivi u l-kurrikulum skolastiku tal-bniet;

16.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-litteriżmu bħala għodda b'saħħitha għall-ġlieda kontra l-faqar u t-tisħiħ tal-iżvilupp ekonomiku; jenfasizza għalhekk l-importanza li tiġi appoġġata l-edukazzjoni tal-bniet, billi l-investiment fihom itejjeb iċ-ċans li kemm huma u kemm it-tfal futuri tagħhom ikollhom ħajja aktar b'saħħitha u produttiva;

17.  Jenfasizza li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal tiġri l-aktar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mhux biss fost il-popolazzjonijiet rurali iżda anki f'ambjenti urbani; huwa tal-fehma għaldaqstant li waħda mid-direzzjonijiet ewlenin li twassal għall-qerda tal-ġuħ fost it-tfal hija l-ħolqien ta' politiki u riformi agrikoli intiżi biex il-bdiewa ż-żgħar ikunu jistgħu jipproduċu b'mod aktar effikaċi u aktar sostenibbli bil-għan li jiggarantixxu biżżejjed ikel għalihom stess u għal familthom;

18.  Jenfasizza li jekk ma tiġix ittrattata fil-pront in-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal kemm fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u kemm fl-interventi umanitarji, hemm riskju li dan jipperikola d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp tal-bniedem, jimmina l-programmi edukattivi nazzjonali, titgħabba aktar in-nefqa nazzjonali għas-saħħa u jiġi ostakolat l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jwassal għal telf ekonomiku bi stima ta' bejn 2 % u 8 % tal-PDG ta' dawn il-pajjiżi;

19.  Ifakkar li n-nuqqas ta' mikronutrijenti, li jikkostitwixxi madwar 7 % tal-piż tal-mard fil-livell globali, għandu konsegwenzi serji fuq l-iżvilupp fiżiku u mentali fit-trabi u t-tfal żgħar; jenfasizza l-fatt li fl-20 pajjiż fl-ogħla Indiċi ta' Ġuħ Moħbi (li 18 minnhom huma fl-Afrika sub-Saħarjana u tnejn fl-Asja - l-Indja u l-Afganistan), it-twaqqif fit-tkabbir, l-anemija tan-nuqqas ta' ħadid u n-nuqqas ta' vitamina A huma prevalenti bil-kbir fost it-tfal tal-età ta' qabel l-iskola;

20.  Jindika li n-nutrizzjoni insuffiċjenti tat-tfal ma tinbitx biss min-nuqqas ta' ikel u ta' infrastrutturi, iżda anki minn problemi ta' distribuzzjoni tal-ikel, minn aċċess inadegwat għall-ikel u min-nuqqas ta' kapaċità tal-akkwist, partikolarment fid-dawl ta' prezzijiet tal-ikel għoljin li jkomplu jiżdiedu bl-ispekulazzjoni fuq il-prodotti bażiċi; jinnota li n-nuqqas ta' kapaċità tal-akkwist taffettwa partikolarment lill-foqra urbani, li ma jistgħux jipproduċu l-ikel tagħhom stess; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jitħarsu l-bdiewa fuq skala żgħira u l-metodi agrikoli tradizzjonali;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Istati Membri li aċċedew għall-Expo 2015 biex ivaraw inizjattiva konġunta li l-punt ta' tluq tagħha jkun it-tema ''Nitimgħu lill-pjaneta, l-enerġija għall-ħajja'', bil-ħsieb li jiġu żgurati l-impenji u l-miri vinkolanti għall-ġlieda kontra l-ġuħ u n-nutrizzjoni insuffiċjenti flimkien ma' strateġiji diversifikati f'oqsma li jvarjaw mill-agrikoltura għall-kooperazzjoni;

22.  Jirrikonoxxi li t-titjib fin-nutrizzjoni tat-tfal u dik materna u fis-sigurtà tal-ikel b'mod ġenerali, se jirrikjedi azzjoni effettiva u koordinata fir-rigward ta' għadd ta' politiki u setturi, inklużi: politiki dwar l-iżvilupp rurali u l-użu tal-ilma u l-art effikaċi u sostenibbli; servizzi tas-saħħa, ilma sikur u sanitarji adegwati; prattiki materni u tal-kura tat-tfal adegwati; il-ħarsien tal-ħajja tal-baħar u ta' ekosistemi oħra u tal-bijodiversità; id-deforestazzjoni u t-taffija tat-tibdil fil-klima; l-adattament u t-tnaqqis fir-riskju ta' diżastri; il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli; l-aċċess sikur u sostenibbli għall-enerġija; il-kummerċ; is-sajd; l-inklużjoni soċjali; u l-impjieg deċenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw in-nutrizzjoni, is-sikurezza tal-ikel u l-agrikoltura sostenibbli fil-politiki ta' żvilupp kollha tagħhom, bil-għan li tiġi protetta u promossa n-nutrizzjoni u jkun żgurat approċċ olistiku mil-livell lokali għal dak dinji; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif xieraq, jagħtu prijorità lin-nutrizzjoni bħala għan kruċjali għall-iżvilupp fl-ambitu tal-istrumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-11-il FEŻ u l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp il-ġdid;

24.  Jenfasizza li, biex ikunu aktar effikaċi, il-programmi ta' żvilupp u ta' emerġenza jeħtieġu jkunu marbutin mill-qrib bil-għan li jantiċipaw u jipprevjenu l-kriżijiet alimentari, jgħinu jnaqqsu d-danni kkawżati u jiffaċilitaw l-irkupru;

25.  Jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw joħolqu ambjent favorevoli għal nutrizzjoni tat-tfal aħjar permezz ta' titjib fil-politiki, koordinazzjoni bejn il-pjanijiet u l-istrateġiji nazzjonali fil-qasam tan-nutrizzjoni u l-programmi tad-donaturi, il-governanza u r-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini; iħeġġeġ sabiex ikun hemm aktar trasparenza fil-baġits tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw pereżempju permezz tal-monitoraġġ tal-baġits, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu vvalutati aħjar l-għadd u l-kwalità tal-proġetti li jindirizzaw in-nutrizzjoni ħażina;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li d-data dwar in-nutrizzjoni insuffiċjenti u dwar in-nuqqas ta' mikronutrijenti titjieb u ssir aktar koordinata biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu megħjuna aħjar il-programmi ta' intervent u biex il-pajjiżi kkonċernati jingħataw appoġġ immirat u bbażat fuq l-informazzjoni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmobilizzaw riżorsi u investimenti finanzjarji fit-tul għan-nutrizzjoni, b'kooperazzjoni ma' atturi bħall-aġenziji tan-NU, il-G8/G20, il-pajjiżi emerġenti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, l-istituzzjonijiet akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, kif ukoll jidentifikaw in-nutrizzjoni bħala prijorità tal-finanzjament innovattiv;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kumitat Permanenti tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nutrizzjoni.

(1) http://www.unep.org/dewa/Assessments/Ecosystems/IAASTD/tabid/105853/Default.aspx
(2) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 75.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0578.
(4) Indiċi u Mapep tal-Ġuħ Moħbi fid-Dinja: Għodda ta' Appoġġ għal Azzjoni

Avviż legali