Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2997(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0098/2015

Testi mressqa :

B8-0098/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0031

Testi adottati
PDF 234kWORD 74k
L-Erbgħa, 11 ta' Frar 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport tas-Senat Amerikan dwar l-użu tat-tortura mis-CIA
P8_TA(2015)0031B8-0098/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA (2014/2997(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7 u 21 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 18 u 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti relevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984 u l-protokolli relevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każijiet al-Nashiri v. Il-Polonja, Abu Zubaydah v. Il-Litwanja, Husayn (Abu Zubaydah) v. Il-Polonja, El-Masri v. Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Nasr u Ghali v. L-Italja, u al-Nashiri v. Ir-Rumanija,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Taljana li sabet 22 aġent tas-CIA, pilota tal-Forza tal-Ajru u żewġ aġenti Taljani in absentia ħatja u kkundannati għal żmien ta' priġunerija għar-rwol tagħhom tal-ħtif tal-Imam ta' Milan, Abu Omar, fl-2003,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, adottata f'nofs il-ħidma tal-Kumitat Temporanju(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat (SSCI) tal-Istati Uniti dwar il-Programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence (CIA) dwar id-detenzjoni u l-interrogazzjoni u l-użu tagħha ta' diversi forom ta' tortura fuq priġunieri bejn l-2001 u l-2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantánamo, li l-aktar riċenti kienu dawk tat-23 ta' Mejju 2013 dwar Guantánamo: strajk tal-ġuħ minn priġunieri(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu, il-5 u s-6 ta' Ġunju 2014),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" tad-11 ta' Marzu 2014 (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni tat-3 ta' Frar 2014, ippubblikat mill-Kummissjoni (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt huwa parti essenzjali għas-suċċess tal-politiki kontra t-terroriżmu;

B.  billi l-Parlament ikkundanna ripetutament il-programm dwar id-detenzjoni sigrieta u l-konsenja straordinarja tas-CIA, li rriżulta f'numru ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkluż l-użu tat-tortura u trattament inuman jew degradanti ieħor, ħtif, detenzjoni sigrieta, detenzjoni mingħajr proċess, u ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement;

C.  billi, minkejja n-natura partikolari tagħhom, il-politiki ta' sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu mhumiex eżentati mill-prinċipju tar-responsabbiltà, u ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali;

D.  billi r-responsabbiltà għal konsenji straordinarji, sekwestri, detenzjonijiet sigrieti u tortura illegali hija essenzjali biex jiġu protetti u promossi b'mod effikaċi d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u jkunu żgurati politiki ta' sigurtà leġittimi u effikaċi bbażati fuq l-istat tad-dritt;

E.  billi l-Parlament kemm-il darba talab li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mal-programm dwar id-detenzjoni sigrieta u l-konsenja straordinarja tas-CIA;

F.  billi l-Parlament preċedenti, fir-riżoluzzjoni tiegħu imsemmi hawn fuq tal-10 ta' Ottubru 2013, talab il-Parlament attwali jkompli jwettaq u jimplimenta l-mandat mogħti mill-Kumitat Temporanju dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew segwiti, jistudja l-elementi ġodda li jistgħu jfeġġu u jagħmel użu sħiħ mid-drittijiet tiegħu ta' inkjesta u jiżviluppahom;

G.  billi r-rapport tal-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti jiżvela fatti ġodda li jsaħħu allegazzjonijiet li għadd ta' Stati Membri tal-UE, l-awtoritajiet tagħhom u l-uffiċjali u l-aġenti tas-sigurtà u tas-servizzi sigrieti tagħhom kienu kompliċi fil-programm dwar id-detenzjoni sigrieta u l-konsenja straordinarja tas-CIA, xi kultant permezz ta' mezzi korrotti bbażati fuq ammonti sostanzjali ta' flus mogħtija mis-CIA bi skambju għall-kooperazzjoni tagħhom;

H.  billi r-rapport tal-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti jirribatti dikjarazzjonijiet min-naħa tas-CIA li t-tortura żvelat informazzjoni li ma setgħatx tinġabar permezz ta' tekniki ta' interrogazzjoni tradizzjonali u mhux vjolenti;

I.  billi kawża kriminali miftuħa (Nru 150/09, quddiem il-Qorti Ċentrali Nru 5 (Juzgado Central No 5)) rigward it-tortura li sseħħ fil-Bażi Navali tal-Bajja ta' Guantánamo Bay għadha pendenti quddiem il-Qorti Nazzjonali (Audiencia Nacional) tar-Renju ta' Spanja;

J.  billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama impenja ruħu biex tingħalaq il-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo sa Jannar 2010, faċilità li għandha 122 detenut mingħajr ma tressqu akkużi kriminali formali kontrihom quddiem qorti kriminali, inklużi 54 li ġew uffiċjalment approvati għar-rilaxx;

K.  billi l-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE biex xi wħud mill-priġunieri tal-Bajja ta' Guantánamo jingħataw appoġġ wara l-ħelsien kienet bil-mod u limitata;

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti li jippubblika sommarju tar-rapport tiegħu dwar il-Programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-detenzjoni u l-interrogazzjoni; iħeġġeġ il-pubblikazzjoni tar-rapport bis-sħiħ, mingħajr editjar eċċessiv u mhux meħtieġ;

2.  Jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għall-prattiki ta' interrogazzjoni tal-waħx li kkaratterizzaw dawn l-operazzjonijiet illegali kontra t-terroriżmu; jissottolinja l-konklużjoni fundamentali mis-Senat tal-Istati Uniti li l-metodi vjolenti applikati mis-CIA naqsu milli jiġġeneraw intelligence li evitat aktar attakki terroristiċi; ifakkar l-kundanna assoluta tiegħu ta' tortura;

3.  Iqis li l-klima ta' impunità fir-rigward tal-programm tas-CIA tat lok li jkompli l-ksur tad-drittijiet fundamentali, kif kompla jiġi żvelat mill-programmi ta' sorveljanza tal-massa tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u s-servizzi sigrieti ta' diversi Stati Membri tal-UE;

4.  Jistieden lill-Istati Uniti tinvestiga u tieħu passi kontra numru ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta minn programmi dwar il-konsenja u d-detenzjoni sigrieta tas-CIA, u biex tikkoopera mat-talbiet kollha mill-Istati Membri tal-UE għal informazzjoni, estradizzjoni jew rimedji effikaċi għall-vittmi b'konnessjoni mal-programm tas-CIA;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet li kienu jeżistu ħabsijiet sigrieti fit-territorju tagħhom fejn persuni nżammu taħt il-programm tas-CIA, u dawk involuti f'dawn l-operazzjonijiet jittieħdu quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet;

6.  Jitlob lill-Istati Membri jinvestigaw bis-sħiħ l-allegazzjonijiet reċenti li l-konsenja, id-detenzjoni u t-tortura seħħew fit-territorju tagħhom, u jġibu quddiem il-qrati lil dawk responsabbli;

7.  Jesprimi tħassib dwar l-ostakli li ltqagħu magħhom l-investigazzjonijiet parlamentari u ġudizzjarji nazzjonali dwar l-involviment ta' xi Stati Membri fil-programm tas-CIA, l-abbuż tas-segretezza tal-istat, u l-klassifikazzjoni żejda tad-dokumenti li wasslu għat-tmiem ta' proċeduri kriminali u għal impunità de facto tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jitlob li s-sejbiet tal-inkjesti eżistenti b'rabta mal-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA, b'mod partikolari l-inkjesta Chilcot, jiġu ppubblikati mingħajr dewmien ulterjuri;

9.  Jitlob għall-adozzjoni ta' strateġija interna tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' din l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni relatat;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bl-assoċjazzjoni tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, u b'mod partikolari s-sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem, jerġa' jibda l-inkjesta tiegħu dwar "l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA" u jirrapporta lis-seduta plenarja fi żmien sena billi:

   isir segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjoni tiegħu imsemmi hawn fuq tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew,
   tiġi ffaċilitata u appoġġjata għajnuna legali reċiproka konformi mad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet investigattivi u kooperazzjoni bejn l-avukati involuti fil-ħidma relatata mal-obbligu ta' rendikont fl-Istati Membri;
   jiġi organizzat smigħ li jinvolvi l-parlamenti nazzjonali u l-ġuristi li jieħu kont tal-inkjesti parlamentari u ġudizzjarji kollha tal-passat u dawk attwali;
   tiġi organizzata missjoni parlamentari għas-sejbien tal-fatti li tinvolvi l-gruppi politiċi kollha interessati fl-Istati Membri tal-UE fejn allegatament eżistew siti ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA;
   tinġabar l-informazzjoni u l-evidenza kollha relevanti dwar il-possibbiltà ta' tixħim jew atti oħra ta' korruzzjoni marbuta mal-programm tas-CIA;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 833.
(2) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.
(3) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA (2013)0418.
(5) Testi adottati, P7_TA (2013)0231.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0173.
(7) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

Avviż legali