Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0122/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0032

Testi adottati
PDF 333kWORD 101k
L-Erbgħa, 11 ta' Frar 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Miżuri kontra t-terroriżmu
P8_TA(2015)0032RC-B8-0122/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE 2010-2014 (COM(2014)0365),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur,(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-24 ta' April 2009 dwar il-problema tat-tfassil tal-profil, b'mod partikulari fuq bażi ta’ etniċità u razza, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fl-infurzar tal-liġi, l-immigrazzjoni, il-kontroll tad-dwana u tal-fruntieri(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata Faċilitat mill-Internet (iOCTA) 2014 tal-Europol,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata fl-UE (SOCTA) 2013,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-28 ta' Jannar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Kunsill informali tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) li sar f’Riga fid-29 u fit-30 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar l-Istrateġija mġedda dwar is-Sigurtà Interna tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill informali tal-ĠAI tal-11 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tad-9 ta' Ottubru 2014 u tal-5 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta'Novembru 2014 (15799/14),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 ippubblikat fis-16 ta' Diċembru 2014 (COM(2014)0910),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE" (COM(2013)0941),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti tan-neċessità u dak tal-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-data fis-settur tal-infurzar tal-liġi (Opinjoni 01/2014),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-kawżi konġunti C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland Ltd and Seitlinger and others, u l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament dwar l-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huma fost it-theddidiet maġġuri għas-sigurtà u l-libertajiet tagħna;

B.  billi l-avvenimenti traġiċi li seħħew dan l-aħħar f'Pariġi servew bħala tfakkira li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja theddida terroristika kontinwa u evoluttiva li fl-aħħar għaxar snin laqtet b'mod sever lil għadd ta’ Stati Membri tagħha b'attakki mmirati mhux biss kontra n-nies iżda anke kontra l-valuri u l-libertajiet li fuqhom hija bbażata l-Unjoni;

C.  billi s-sigurtà hi waħda mid-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, iżda d-drittijiet fundamentali, il-libertajiet ċivili u l-proporzjonalità huma elementi essenzjali f'politiki ta' kontra t-terroriżmu li jkunu ta’ suċċess;

D.  billi l-istrateġiji ta' prevenzjoni biex jiġi miġġieled it-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ pluridimensjonali mmirat direttament kontra t-tħejjija ta' attakki fuq it-territorju tal-UE, iżda wkoll li jintegra l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu; billi t-terroriżmu jirrappreżenta theddida globali li għandha tiġi ttrattata b’mod deċiżiv fil-livelli lokali, nazzjonali, Ewropej u globali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, jiġu difiżi l-valuri fundamentali tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u biex ikun rispettat id-dritt internazzjonali;

E.  billi l-għadd ta’ attakki terroristiċi severi li seħħew fuq art Ewropea sa mill-11 ta' Settembru 2001, bl-aktar wieħed reċenti jseħħ f'Jannar ta' din is-sena, ħallew impatt sinifikanti fuq is-sens ta' sigurtà fost iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE; billi f'dawn l-aħħar snin, kien hemm tibdil drammatiku fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa minħabba konflitti ġodda u taqlib fil-viċinat immedjat tal-UE, l-iżvilupp mgħaġġel ta' teknoloġiji ġodda, u wkoll il-qawmien preokkupanti tar-radikaliżmu li qed iwassal għall-vjolenza kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-pajjiżi ġirien;

F.  billi t-tixrid tal-propaganda terrorista qed tkun iffaċilitata mill-użu tal-internet u tal-midja soċjali; billi ċ-ċiberterroriżmu jippermetti lill-gruppi terroristiċi jistabbilixxu u jżommu kuntatt mingħajr l-ostakoli fiżiċi tal-fruntieri, biex b'hekk jnaqqsu l-bżonn li jkollhom bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;

G.  billi l-UE qed tiffaċċja t-theddida serja u dejjem akbar ippreżentata mill-hekk imsejħa 'ġellieda barranin tal-UE', partikolarment individwi li jivvjaġġaw lejn stat li mhuwiex l-istat ta' residenza jew nazzjonalità tagħhom bl-iskop li jwettqu jew jippjanaw atti terroristiċi, jew biex jagħtu jew jirċievu taħriġ terroristiku, inkluż b'rabta ma' konflitti armati; billi hu stmat li bejn 3 500 sa 5 000 ċittadin tal-UE ħallew darhom biex isiru ġellieda barranin mat-tfaqqigħ tal-gwerra u tal-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, li qed joħolqu sfida enormi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

1.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet li seħħew f'Pariġi, u jtenni l-kondoljanzi profondi tiegħu mal-poplu ta' Franza u l-familji tal-vittmi, u l-unità tiegħu fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu u l-attakk fuq il-valuri demokratiċi u l-libertajiet tagħna;

2.  Jikkundanna bil-qawwa u b’mod kategoriku l-atti terroristiċi kollha, il-promozzjoni tat-terroriżmu, il-glorifikazzjoni ta’ dawk involuti fit-terroriżmu u d-difiża ta’ ideoloġiji vjolenti estremisti, kull fejn iseħħu jew jiġu difiżi fid-dinja; jenfasizza li m’hemmx libertà mingħajr is-sigurtà u m'hemmx sigurtà mingħajr il-libertà;

3.  Jinnota bi tħassib in-numru li qed jikber b’mod rapidu ta' ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw f'żoni ta' konflitt biex jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi u li aktar tard jirritornaw fit-territorju tal-UE, u li qegħdin joħolqu riskji għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għall-ħajja taċ-ċittadini tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni ċara u uniformi ta’ "ġellieda barranin mill-UE" sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri aktar speċjalizzati biex jindirizzaw b’mod deċiżiv il-problema ta’ ċittadini tal-UE li jsiefru biex jiġġieldu għal organizzazzjonijiet terroristiċi barra mill-pajjiż; jafferma li filwaqt li f’ċerti każijiet tkun tista' ssir prosekuzzjoni, għandhom jiġu applikati miżuri oħra biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti, biex jiġi sfrattat l-ivjaġġar ta’ ġellieda Ewropej u barranin oħra u biex jiġu ttrattati l-persuni li jirritornaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw l-aħjar prattiki bbażati fuq dawk ta’ Stati Membri li adottaw strateġiji, pjanijiet u programmi ta’ azzjoni ta’ suċċess f’dan il-qasam;

Il-ġlieda kontra l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu u tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti

5.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' strateġija ta’ kontra t-terroriżmu bbażata fuq approċċ ta’ ħafna saffi sabiex tiġi indirizzata t-theddida ppreżentata mit-terroriżmu b'mod ġenerali, li tindirizza b'mod komprensiv il-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni li jwasslu għall-estremiżmu vjolenti, bħalma huma l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali, l-inklużività u t-tolleranza politika u reliġjuża, u l-evitar tal-ghettoizzazzjoni, l-analiżi u l-kontrobilanċjar tal-inċitament onlajn għat-twettiq ta' atti terroristiċi, il-prevenzjoni tat-tluq bi skop ta' għaqda f'organizzazzjonijiet terroristiċi, il-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni f'konflitti armati, l-isfrattar tal-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet terroristiċi u lill-individwi li għandhom il-ħsieb li jingħaqdu magħhom, il-garanzija ta' prosekuzzjoni ġuridika soda fejn xieraq u l-għoti tal-għodod adegwati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fi skemi li jindirizzaw il-kawżi bażiċi tar-radikalizzazzjoni, inklużi programmi edukattivi, li jippromwovu l-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali, id-djalogu, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, it-tolleranza u l-fehim fost il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti, u programmi ta' rijabilitazzjoni;

7.  Jinnota bi tħassib serju l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħabsijiet u lill-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, b'miżuri mmirati biex tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni f'dan l-ambjent; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu aktar biex itejbu s-sistemi amministrattivi tal-ħabsijiet bil-għan li jiffaċilitaw id-detezzjoni tad-detenuti li huma involuti fit-tħejjia ta' atti terroristiċi, jimmonitorjaw u jipprevjenu l-proċessi tar-radikalizzazzjoni u jistabbilixxu programmi speċifiċi ta' diżimpenn, rijabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni;

8.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tiġi intensifikata l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u li jiġu promossi programmi ta' deradikalizzazzjoni bil-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni mal-komunitajiet u mas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u dak lokali sabiex tinġieb fi tmiemha l-firxa tal-ideoloġiji estremisti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa' flimkien l-atturi kollha involuti fl-iżvilupp ta' kampanji kontra r-radikalizzazzjoni u t-twaqqif ta' strutturi u proċessi ta' deradikalizzazzjoni għal dawk il-ġellieda barranin li jirritornaw, u tisfida lill-ideoloġiji estremisti billi tipprovdi alternattivi pożittivi;

9.  Jappoġġja l-adozzjoni ta' strateġija Ewropea biex issir ġlieda lill-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ bl-internet, li tibni fuq l-isforzi li diġà saru u l-inizjattivi li diġà ttieħdu fuq bażi intergovernattiva u volontarja bil-għan li jkun hemm aktar skambji tal-aħjar prattiki u metodi ta' suċċess f'dan il-qasam;

10.  Jitlob għall-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar strateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li tkun tindirizza l-firxa wiesgħa tal-fatturi li jaħtu għar-radikalizzazzjoni u li jsiru rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-istabbiliment ta' programmi ta' diżimpenn, riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni;

L-implimentazzjoni u r-rieżami tal-miżuri eżistenti ta' infurzar tal-liġi

11.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu tal-pjattaformi, bażijiet ta' data u sistemi ta' twissija eżistenti fil-livell Ewropew, bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u s-Sistemi Avvanzati ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (APIS);

12.  Jenfasizza li l-moviment ħieles fi ħdan iż-żona Schengen huwa wieħed mill-iktar libertajiet importanti tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk jeskludi kwalunkwe proposta għas-sospensjoni tas-sistema Schengen, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex, minflok, japplikaw b'mod iktar strett ir-regoli eżistenti li diġà jinkludu l-possibbiltà li jiġu introdotti temporanjament il-kontrolli tad-dokumenti, u jagħmlu użu aħjar tas-sistema SIS II; jinnota li diġà jistgħu jitwettqu ċerti kontrolli b’mira speċifika fuq individwi meta dawn ikunu qed jaqsmu fruntieri esterni;

13.  Jieħu l-impenn li jaħdem favur it-tlestija tad-Direttiva dwar PNR tal-UE sa tmiem is-sena; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja b'rabta mad-Direttiva għaż-Żamma tad-Data(5), u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha fuq id-Direttiva dwar PNR tal-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel progress fuq il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data sabiex it-trilogi – kemm fuq id-Direttiva dwar PNR tal-UE kif ukoll dwar il-Pakkett għaż-Żamma tad-Data– ikunu jistgħu jseħħu b'mod parallel. Jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistieden esperti indipendenti mill-komunitajiet tal-infurzar tal-liġi, is-sikurezza u l-intelligence u rappreżentanti mill-Partit ta' Hidma 29 biex jikkontribwixxu b'fehmiet u prinċipji, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta' sikurezza, fir-rigward tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-PNR;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex immedjatament u mbagħad regolarment tivvaluta l-istrumenti attwali u twettaq valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi li jkun fadal fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fejn il-Kunsill Ewropew jevalwa regolarment it-theddidiet li tiffaċċja l-Unjoni bil-għan li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jieħdu azzjoni effettiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill japprovaw pjan direzzjonali mġedded għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jagħti rispons effiċjenti għat-theddidiet eżistenti u jiżgura sigurtà effettiva għal kulħadd filwaqt li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet li huma l-prinċipji li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea;

15.  Jenfasizza li dimensjoni essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun l-inklużjoni ta' politiki li jipproteġu u jappoġġjaw lill-vittmi u l-familji tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri kollha jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità;

16.  Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bħala kwistjoni ta' urġenza r-regoli eżistenti tal-UE dwar il-moviment tal-armi tan-nar illegali, apparati esplussivi u t-traffikar tal-armi marbut mal-kriminalità organizzata;

17.  Jilqa' l-adozzjoni li se ssir fil-ġejjieni qrib fil-livell Ewropew ta' qafas ġuridiku aġġornat għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bħala pass deċiżiv li għandu jiġu implimentat fil-livelli kollha bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tiegħu u b'hekk tiġi indirizzata għajn sinifikanti ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom abbażi tal-istrumenti disponibbli tal-UE, bħalma huma s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea;

Is-sigurtà interna tal-UE u l-infurzar tal-liġi tal-UE u l-kapaċitajiet tal-Aġenziji

19.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu ċ-ċaqlieq ta' terroristi suspettati bit-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, il-kontroll aktar sistematiku u effettiv tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi u l-użu frodulenti tal-identità, u l-identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju;

20.  Jinnota bi tħassib l-użu dejjem akbar ta' teknoloġija tal-internet u tal-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jikkomunikaw, jippjanaw attakki u jxerrdu l-propaganda; jitlob lill-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali jaħdmu flimkien mal-gvernijijet u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u mas-soċjetà ċivili bil-għan li jiġġieldu din il-problema, filwaqt li jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-libertà tal-kelma u l-privatezza jiġu rispettati f'kull mument; jenfasizza li miżuri li jillimitaw l-użu u t-tixrid tad-data fuq l-internet għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jridu jkunu neċessarji u proporzjonati;

21.  Itenni li l-ġbir u l-kondiviżjoni kollha tad-data, inkluż mill-aġenziji tal-UE bħall-Europol, għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-UE u mad-dritt nazzjonali u bbażati fuq qafas koerenti tal-protezzjoni tad-data li joffri standards ta' protezzjoni tad-data personali legalment vinkolanti fil-livell tal-UE;

22.  Iħeġġeġ bil-qawwa skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE; barra minn hekk jenfasizza l-bżonn li jiġi mtejjeb, intesifikat u mħaffef il-qsim tal-informazzjoni tal-infurzar tal-liġi globali; jitlob kooperazzjoni operattiva aktar effikaċi fost l-Istati Membri u pajjiżi terzi permezz tal-użu akbar ta' strumenti ta' siwi eżistenti bħalma huma l-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta, il-ftehimiet dwar Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), kif ukoll qsim aktar rapidu u effiċjenti tad-data u l-informazzjoni relevanti, li jkun soġġett għas-salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu valutazzjoni komprensiva tal-miżuri tal-UE ta’ kontra t-terroriżmu u miżuri relatati, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri u ta’ kemm l-Istati Membri jikkooperaw mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u jagħmlu valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi li jkun għad fadal, filwaqt li jagħmlu użu tal-proċedura li jiddisponi għaliha l-Artikolu 70 tat-TFUE, u jintroduċu dan il-proċess ta' valutazzjoni bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

24.  Jenfasizza l-bżonn li l-aġenziji u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jikkumbattu lill-għejun ewlenin ta' introjtu għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, inklużi l-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illegali tal-armi; jitlob, f'dan ir-rigward, għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam, bil-għan li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha; jinnota li 50 % biss tal-informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tingħata mill-Istati Membri lill-Europol u l-Eurojust;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar tal-kapaċitajiet uniċi tal-Europol billi jiżguraw li l-unitajiet nazzjonali tagħhom jagħtu lill-Europol l-informazzjoni relevanti b'manjiera aktar sistematika u regolari; jappoġġja ulterjorment il-ħolqien fi ħdan il-Europol ta' pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, bil-għan li jiġu massimizzati l-kapaċitajiet operazzjonali u tekniċi tiegħu kif ukoll il-kapaċitajiet ta' skambju ta' intelligence tiegħu;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċità u l-koordinazzjoni tar-rispons tal-ġustizzja kriminali permezz tal-Eurojust, tiġi armonizzata l-kriminalizzazzjoni ta' reati fl-UE kollha marbuta mal-ġellieda barranin bil-għan li jiġi provdut qafas ġuridiku u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi fil-prosekuzzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi prattiċi u ġuridiċi fil-ġbir u l-ammissibilità tal-evidenza f'każijiet ta' terroriżmu, billi tiġi aġġornata d-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI;

27.  Jitlob li jkun hemm sorveljanza demokratika u ġudizzjarja b'saħħitha tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u x-xogħol ta' intelligence fi ħdan l-UE, bi skrutinju demokratiku indipendenti sħiħ, u jinsisti li l-kooperazzjoni fis-sigurtà għandha tirrispetta b’mod strett id-dritt internazzjonali;

L-adozzjoni ta' strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali

28.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod attiv sħubija globali kontra t-terroriżmu u taħdem mill-qrib mal-atturi reġjonali bħalma huma l-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega Għarbija, u b’mod partikolari mal-pajjiżi li huma ġirien tas-Sirja u l-Iraq u l-pajjiżi li ġarrbu impatt drammatiku mill-konflitt, bħall-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija, kif ukoll man-NU u b’mod partikolari mal-Kumitat Kontra t-Terroriżmu tagħha; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiżdied id-djalogu bejn l-esperti tal-iżvilupp u dawk tas-sigurtà bejn l-UE u dawk il-pajjiżi;

29.  Jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni tat-terroriżmu, il-ġlieda kontrih u l-prosekuzzjoni tiegħu;

30.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jadotta strateġija esterna tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, bil-għan li jiġu indirizzati l-għejun tat-terroriżmu internazzjonali u tiġi integrata l-glieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija ta' kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi terzi filwaqt li jiżguraw li l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati;

31.  Iħeġġeġ lill-UE tirrevedi l-istrateġija tagħha rigward in-Nofsinhar tal-Mediterran bħala parti mir-rieżami li qed isir tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u tikkonċentra fuq li tagħti s-sostenn tagħha lil dawk il-pajjiżi u l-atturi li huma ġenwinament impenjati favur valuri komuni u favur ir-riforma;

32.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni lill-prevenzjoni u l-ġlieda lir-radikalizzazzjoni fil-pjanijiet ta' azzjoni u d-djalogi politiċi ta’ bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha, inkluż billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, jintużaw programmi u kapaċitajiet eżistenti, u ssir ħidma ma' atturi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi ta' interess dwar il-ġlieda lill-propaganda radikali u terroristika fuq l-Internet u mezzi oħra tal-komunikazzjoni;

33.  Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu trid ukoll tagħmel użu sħiħ tal-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha sabiex tiġġieled lill-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled lill-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza tajba u tipprevjeni u ssolvi l-konflitti, li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta' ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà, u b'hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta' gruppi estremisti;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 45.
(2) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 119.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0384.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0102.
(5) Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).

Avviż legali