Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2217(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0015/2015

Testi mressqa :

A8-0015/2015

Dibattiti :

PV 09/03/2015 - 13
CRE 09/03/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2015 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0050

Testi adottati
PDF 396kWORD 161k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Progress dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013
P8_TA(2015)0050A8-0015/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013 (2014/2217(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), tat-18 ta’ Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni tal-Oħrajn tal-1949,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin tal-15 ta’ Settembru 1995 adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati mis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2000), Pekin +10 (2005) u Pekin +15 (2010),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2011/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu dwar in-nisa b’diżabilità, tat-13 ta’ Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet (COM(2012)0614)),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) tas-7 ta' Marzu 2011(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 intitolata 'Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara' (COM(2010)0078),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolat 'Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015' (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2013 intitolat 'Rieżami ta' nofs it-term tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2010-2015)' (SWD(2013)0339),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2013 intitolat 'Rapport dwar il-Progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-2012' (SWD(2013)0171),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 intitolata 'Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili' (COM(2013)0833),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) intitolat 'Rieżami tal-Implimentazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: Vjolenza fuq in-Nisa — Appoġġ għall-Vittmi',

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5-6 ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttivi tal-UE mill-1975 'il quddiem dwar id-diversi aspetti tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel (Direttiva 2010/41/UE(7), Direttiva 2010/18/UE(8), Direttiva 2006/54/KE(9), Direttiva 2004/113/KE(10), Direttiva 92/85/KEE(11), Direttiva 86/613/KEE(12)u Direttiva 79/7/KEE(13)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għal ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-mobilità edukattiva u professjonali tan-nisa fl-UE(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: L-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-servizzi(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(21), tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(22), u tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar in-nisa u t-tmexxija tal-intrapriżi(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar il-prijoritajiet u l-punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali(28),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi(29),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(30),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(31),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (Direttiva dwar il-liv tal-maternità (COM(2008)0637)),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(32),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2013 dwar l-objettivi ta' Barċellona intitolat 'L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv',

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2014 intitolat 'Data Statistika dwar l-Imprendituri Nisa fl-Ewropa',

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ta’ Marzu 2014 intitolat 'Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha' li, għall-ewwel darba, ipprovda data dwar il-firxa, in-natura u l-konsegwenzi ta’ diversi forom ta’ vjolenza kontra n-nisa, kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-vittmi ta’ inċidenti vjolenti u s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar is-saħħa pubblika, u partikolarment il-paragrafu 7 tiegħu, li jiddikjara li "L-azzjoni ta' l-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0015/2015),

A.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija dritt fundamentali li jgawdi rikonoxximent taħt it-Trattati sa mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi, minkejja l-fatt li l-Unjoni Ewropea adottat għadd ta’ testi li jiżguraw opportunitajiet indaqs u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa u li jiġġieldu kull forma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li l-Unjoni assumiet il-kompitu speċifiku li tintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tagħha, għadu ma sarx biżżejjed progress u għadhom jippersistu ħafna inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa;

B.  billi l-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, diretta jew indiretta, anke fir-rigward tal-maternità, tal-paternità u tal-qsim tar-responsabilitajiet tal-familja;

C.  billi huwa kruċjali li jitqiesu forom differenti u trasversali ta’ diskriminazzjoni esperjenzati minn ħafna nisa u bniet fl-Ewropa (abbażi ta' diżabilità, sfond ta’ migrazzjoni, oriġini etnika, età, orjentazzjoni sesswali, identità sesswali, tqala, status tal-akkomodazzjoni, livell baxx ta’ edukazzjoni, il-fatt li jkunu vittmi ta’ vjolenza, eċċ.) u l-fatt li l-kundizzjonijiet tagħhom ħżienu matul dawn l-aħħar snin;

D.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 għal ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva tinkludi fiha objettivi ambizzjużi, fosthom li r-rata ta' impjieg tilħaq il-75 % u li l-għadd ta' persuni milquta jew mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali jonqos b'tal-inqas 20 miljun minn issa tal-2020, miri li ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx politiki innovattivi favur ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel;

E.  billi l-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali li l-Istati Membri jridu jilħqu jolqtu prinċipalment lis-settur pubbliku, fejn in-nisa huma rappreżentati b'mod aktar qawwi waqt li huma l-akbar benefiċjarji tiegħu, u għaldaqstant qed jikkawżaw ħsara b'żewġ modi, u billi dawn il-politiki qegħdin iwasslu għal impjieg iktar prekarju, b'mod partikolari minħabba ż-żieda tax-xogħol part-time (32 % fost in-nisa meta kkomparat ma' 8,2 % fost l-irġiel) u ta' kuntratti temporanji, kif ukoll it-tnaqqis tal-pagi;

F.  billi hemm aktar nisa milli rġiel li jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni, speċjalment nisa anzjani, li l-livell tal-pensjoni medja tagħhom huwa ta' 39 % inqas minn dak tal-irġiel, u l-ommijiet waħedhom; billi, għal raġunijiet ta’ familja, huwa aktar komuni għan-nisa milli għall-irġiel li jaħdmu part-time jew b’kuntratti ta’ żmien fiss jew temporanju, u billi l-faqar tan-nisa huwa dovut l-aktar għall-prekarjetà tal-impjiegi tagħhom;

G.  billi l-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-ħames miri tal-Kummissjoni li jistgħu jitkejlu proposti taħt l-istrateġija Ewropa 2020; billi l-Linja Gwida Integrata 10 tal-Istrateġija Ewropa 2020 (il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar) tista' tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' politiki nazzjonali biex jipproteġu lin-nisa, b'mod partikolari, mir-riskju tal-faqar, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tad-dħul għall-familji b'ġenitur wieħed u għan-nisa anzjani;

H.  billi r-rata tat-twelid li qed tonqos fl-UE saret aktar gravi minħabba l-kriżi, peress li l-qgħad, iċ-ċirkostanzi prekarji u l-inċertezza rigward il-futur u l-ekonomija qegħdin iwasslu biex koppji, u b’mod partikolari n-nisa żgħażagħ, qed idumu biex ikollhom it-tfal, u b’hekk qed isaħħu t-tendenza tat-tixjiħ demografiku fl-UE kollha;

I.  billi s-sistemi fiskali li jeżistu f'ċerti Stati Membri huma bbażati fuq kunċett dejjaq tal-familja saħansitra billi jagħtu vantaġġ lill-familji li fihom jaħdem ġenitur wieħed biss billi, f'ħafna każijiet, jiddiswadu n-nisa milli joħorġu jaħdmu u ma jappoġġjawx biżżejjed lill-familji b'ġenitur wieħed, lill-familji kbar u lill-familji li jmantnu qraba dipendenti;

J.  billi minkejja li n-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-gradwati fl-UE, ir-rappreżentanza tagħhom f’karigi ta’ uffiċjali għolja u deċiżjonali hija baxxa b’mod sproporzjonat, u l-proporzjon ta’ xjenzati u inġiniera fl-UE li huma nisa huwa ta' inqas minn 33 %, filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw kważi 80 % tal-forza tax-xogħol fis-servizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tas-setturi tas-sigurtà soċjali;

K.  billi hemm segregazzjoni orizzontali qawwija jew diviżjoni tax-xogħol skont is-sessi, fejn kważi nofs in-nisa f'impjieg huma kkonċentrati f’10 mill-130 impjieg elenkati fil-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Impjiegi (ISCO) imfassla mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), u 16 % biss mill-ħaddiema li jkollhom impjieg jinsabu f’setturi bi proporzjon ugwali ta’ irġiel u nisa;

L.  billi r-rwol tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li jikkostitwixxu 99 % tal-kumpaniji Ewropej u li jipprovdu tnejn minn kull tliet impjiegi fis-settur privat, huwa kruċjali għat-twettiq għalkollox tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi 31 % tal-intraprendituri fl-Ewropa biss huma nisa; billi r-rata ta’ intraprenditorija fost in-nisa fl-UE hija ta’ 10 %, meta mqabbla ma’ 19 % fost l-irġiel; billi hemm il-ħtieġa li tiġi promossa u appoġġjata ż-żieda tal-intraprenditorija fost in-nisa;

M.  billi madwar 42 % ta’ dawk involuti regolarment fl-agrikultura fl-UE huma nisa, u 3 minn kull 10 irziezet fl-Ewropa huma mmexxija min-nisa; billi l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u, fl-istess ħin, l-involviment ikbar tan-nisa fin-negozji u fis-soċjetà, speċjalment fl-agrikoltura, għandhom ikunu kwistjonijiet ta’ importanza kontinwu fl-Ewropa;

N.  billi r-rata ta' impjieg tan-nisa hija ta’ 63 %; billi d-differenzi bejn is-sessi fil-pagi hija ta’ 16,4 %; billi 73 % tal-Membri li jservu f’parlamenti nazzjonali huma rġiel, u billi n-nisa jikkostitwixxu 17,8 % tal-membri tal-bordijiet ta’ kumpaniji kbar u kull ġimgħa jqattgħu ħin tliet darbiet itwal mill-irġiel fuq xogħol tad-dar (eż. jieħdu ħsieb tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità u jwettqu l-kompiti domestiċi);

O.  billi 37 % tal-Membri tal-Parlament Ewropew li għadu kif ġie elett, 9 mit-28 Kummissarji ġdid u 7 mit-28 imħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huma nisa;

P.  billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija sottovalutata minħabba l-fatt li ħafna nisa mhumiex irreġistrati bħala qiegħda, speċjalment dawk li jgħixu f’żoni rurali jew remoti, flimkien ma’ ħafna minn dawk li jiddedikaw ruħhom esklussivament għall-kompiti domestiċi u għall-kura tat-tfal; billi din is-sitwazzjoni toħloq ukoll disparità f’dawk li huma aċċess għas-servizzi pubbliċi (benefiċċji, pensjoni, liv tal-maternità, liv tal-mard, aċċess għas-sigurtà soċjali, eċċ.);

Q.  billi jekk inkomplu għaddejjin bix-xejriet preżenti, mhux se tintlaħaq il-mira ta' rata ta' impjieg ta' 75 % fost in-nisa qabel l-2038, u l-ugwaljanza fir-remunerazzjoni mhux se ssir realtà qabel l-2084; billi r-rappreżentanza ugwali fil-parlamenti nazzjonali, fl-istituzzjonijiet tal-UE u fil-bordijiet tat-tmexxija ta' kumpanniji Ewropej tista' tintlaħaq sal-2034, imma billi jidher li fadal sal-2054 biex il-kompiti domestiċi jibdew jinqasmu b'mod indaqs;

R.  billi n-nuqqas ta' promozzjoni ta' politiki mmirati biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b’mod ġenerali u n-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja u għal servizzi ta’ assistenza għall-anzjani u persuni li jeħtieġu kura speċjali, b’mod partikolari, joħolqu ostakli kbar għall-indipendenza ekonomika tan-nisa u għall-promozzjoni tagħhom f'pożizzjonijiet ta’ responsabilità, u għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u tal-irġiel fis-suq tax-xogħol, inkluż bħala mezz għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar;

S.  billi t-tqassim tar-responsabilitajiet tal-familja u dawk domestiċi bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari billi jiżdied l-użu tal-liv tal-ġenituri u l-liv tal-paternità, jikkostitwixxi prekundizzjoni għall-ilħuq tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi kwart tal-Istati Membri ma joffrux liv tal-paternità;

T.  billi r-rwoli tradizzjonali tas-sessi u l-isterjotipi għad għandhom influwenza qawwija fuq id-diviżjoni tar-rwoli bejn in-nisa u l-irġiel fid-dar, fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà ġenerali, u b’hekk jillimitaw il-firxa ta’ għażliet ta' impjiegi għan-nisa u l-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, u għaldaqstant ixekkluhom milli jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom bħala individwi u bħala atturi ekonomiċi;

U.  billi l-midja jista’ jkollha rwol, minn naħa, fit-tixrid tal-isterjotipi, fid-degradazzjoni tal-immaġni tal-mara u l-issesswalizzar eċċessiv tat-tfajliet u, min-naħa l-oħra, biex jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi, tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;

V.  billi l-Kunsill għadu ma ħax pożizzjoni uffiċjali wara l-adozzjoni ta' żewġ riżoluzzjonijiet leġiżlattivi mill-Parlament dwar suġġetti fundamentali għall-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġifieri r-riżoluzzjoni tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal direttiva dwar il-liv tal-maternità u tal-20 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-Boroż u miżuri relatati;

W.  billi fir-rapport tagħha tas-6 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE, il-Kummissjoni qajmet xi mistoqsijiet dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' 26 Stat Membru mad-dispożizzjonijiet il-ġodda tad-Direttiva(33);

X.  billi, skont l-istħarriġ tal-FRA ta’ Marzu 2014, waħda minn kull tliet nisa fl-UE ġiet fiżikament u/jew sesswalment attakkata, filwaqt li waħda f’kull ħamsa sofriet vjolenza fiżika wara l-età ta’ 15-il sena u kważi waħda minn kull tnejn esperjenzat vjolenza psikoloġika; billi l-vjolenza fuq in-nisa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali li jkollu konsegwenzi psikoloġiċi potenzjalment serji, li jolqot il-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju, l-pożizzjoni soċjali u l-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza, u huwa wieħed mill-inqas reati rrappurtati; billi l-vjolenza kontra n-nisa hi wieħed mix-xkiel ewlenin għall-ugwaljanza reali bejn in-nisa u l-irġiel;

Y.  billi l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fuq l-internet qiegħda tiżdied, filwaqt li l-imġiba tal-minuri fuq in-netwerks soċjali qed tidher li hija eċċezzjonalment inkwetanti f’dan ir-rigward;

Z.  billi l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin se tintemm fl-2016; billi, skont ir-rapport tal-Eurostat tal-2014 dwar it-traffikar tal-bnedmin, il-maġġoranza l-kbira (80 %) tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar fl-UE huma nisa u bniet;

AA.  billi sitt Stati Membri għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) u tmienja biss irratifikawha;

AB.  billi l-ġbir ta' data affidabbli, komparabbli u mqassma skont is-sessi hi partikolarment importanti fit-tfassil ta' politiki pubbliċi nazzjonali u fl-UE, speċjalment fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa;

AC.  billi n-nisa għandhom kwistjonijiet tas-saħħa speċifiċi u jkunu suġġetti fi provi kliniċi inqas spiss mill-irġiel, u dawn id-differenzi għandhom implikazzjonijiet serji għas-saħħa tan-nisa;

AD.  billi l-bniet u n-nisa, speċjalment dawk li għandhom bejn il-15 u l-24 sena, huma inqas involuti mis-subien u l-irġiel fl-attività fiżika, u billi l-isport huwa mezz ta’ awto-espressjoni u ta' sodisfazzjon personali, kif ukoll forza għal ċittadinanza u solidarjetà, u li l-prattika regolari tal-isport ittejjeb il-kundizzjonijiet tas-saħħa fiżika u mentali; billi l-vjolenza kontra n-nisa, l-isterjotipi, id-differenzi fir-remunerazzjoni u l-ostakli għall-involviment tan-nisa fit-tmexxija kollha jistgħu jinstabu fl-isport;

AE.  billi d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u li jeħtieġ li jitqiesu fil-programm ta' azzjoni tal-UE fil-qasam tas-saħħa;

AF.  billi l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma l-kompetenza tal-Istati Membri;

AG.  billi r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hu għodda ta' importanza kbira sabiex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tal-qagħda tan-nisa fl-Ewropa;

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-qafas tal-Ewropa 2020

1.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jintegraw il-kwistjonijiet tas-sessi, id-drittijiet tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs fit-tfassil tal-politika tagħhom, fil-proċeduri baġitarji u fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-UE, permezz ta’ miżuri proattivi, speċjalment f’rabta ma’ pakketti ta’ stimolu, billi jwettqu analiżi tal-impatt fuq is-sessi abbażi ta' kull każ għalih;

2.  Jikkundanna l-fatt li ‘L-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ dalwaqt se tfalli milli tilħaq il-miri tagħha, speċjalment rigward l-indipendenza ekonomika, parzjalment minħabba l-irtirar tal-proposta għal direttiva dwar il-liv tal-maternità; Jenfasizza, fl-istess ħin, li d-differenzi ekonomiċi bejn l-irġiel u n-nisa qegħdin bil mod il-mod jikbru;

3.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw pilastru dwar is-sessi fl-istrateġija Ewropa 2020 biex jitkejjel il-progress dwar it-tnaqqis tad-differenzi bejn is-sessi fl-impjieg u biex isir it-trasferiment tal-miżuri ta’ politika li jinsabu fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs);

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan ġenerali għal investiment f’infrastruttura soċjali, peress li ġie stmat li permezz ta’ pjan ta’ investiment Ewropew ibbażat fuq is-sessi, il-prodott domestiku gross (PDG) se jiżdied b’mod gradwali, bi 2,4 % aktar sal-2018 milli mingħajr tali pjan ta’ investiment;

5.  Jinnota li parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol tista' żżid b'mod sinifikanti l-potenzjal ekonomiku tal-UE, filwaqt li tikkonferma n-natura ekwa u inklużiva tagħha; jirrimarka li, skont il-projezzjonijiet tal-Organizzazzjoni għall-Ko-operazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), konverġenza sħiħa fir-rati ta’ parteċipazzjoni tirriżulta f’żieda ta’ 12,4 % fil-PDG per capita sal-2030;

6.  Iqis li l-faqar fost in-nisa, u n-nisa anzjani u l-ommijiet waħidhom b’mod partikulari, iżda wkoll in-nisa li huma vittmi ta’ vjolenza sessista, nisa b’diżabilità, nisa migranti u nisa minn minoranzi, jeħtieġ li jiġi indirizzat bħala kwistjoni ta’ urġenza; Jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri biex joħolqu strateġiji ta' inklużjoni aktar effettivi u li jużaw b'mod aktar effikaċi r-riżorsi allokati għall-politiki soċjali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi Strutturali;

7.  Jinnota b'dispjaċir li l-effettività tal-politiki soċjali għat-tnaqqis tal-faqar naqset bi kważi 50 % fl-2012 meta mqabbla mal-2005 fi djar b’adult wieħed biss, sitwazzjoni li tinkludi l-maġġoranza tar-romol u tal-ommijiet waħedhom; jinsab imħasseb ukoll li l-effettività tal-politiki soċjali implimentati f’ċerti Stati Membri tammonta għal terz biss tal-medja Ewropea; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki soċjali li jimmiraw b’mod partikolari għall-persuni qiegħda, sabiex jindirizzaw b'mod deċiżiv iż-żieda fil-faqar, partikolarment fost in-nisa;

8.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-aspett tas-sessi; jiddispjaċih li s-CSRs li ġew adottati s'issa bħala parti miċ-ċikli tas-Semestru Ewropew ma ġewx allinjati biżzejjed mal-miri għall-impjiegi u dawk soċjali tal-Ewropa 2020; jistieden lis-CSRs jindirizzaw sistematikament il-kawżi strutturali tal-faqar tan-nisa;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-evoluzzjoni tal-istrutturi familjari fit-tfassil tal-politiki fiskali u ta' kumpens tagħhom, partikolarment billi jappoġġjaw finanzjarjament lill-familji b'ġenitur wieħed u l-persuni anzjani permezz ta' krediti tat-taxxa u għajnuniet fil-qasam tal-kura tas-saħħa;

10.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi jitqiesu fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u jiġu promossi tul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tagħhom u fil-programmi tagħhom, inkluż fir-rigward tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni;

11.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport annwali huwa stmat biss bħala dokument ta' ħidma anness mar-rapport dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tagħti leġittimità politika sħiħa lil dan ir-rapport billi tadottah tiffavorixxi adozzjoni uffiċjali u distinta;

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-impjiegi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet

12.  Jinnota l-ħtieġa imperattiva li jitnaqqsu d-distakki bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet anke billi tiġi ndirizzata l-konċentrazzjoni persistenti tan-nisa f’xogħol part-time, b'pagi baxxi u xogħol prekarju u jiġu żgurati faċilitajiet ta’ ndukrar ta’ kwalità sodisfaċenti għat-tfal u dipendenti oħra; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li aktar minn terz tan-nisa mdaħħla fiż-żmien fl-UE ma jirċievu l-ebda forma ta’ pensjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni totali tad-drittijiet li tiddisponi għalihom mid-Direttiva 2006/54/KE, inkluż il-prinċipju tal-ugwaljanza tar-remunerazzjoni u t-trasparenza tas-salarji u jirrevedu l-liġijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tat-trattament ugwali bil-għan li jissimplifikawhom u jimmodernizzawhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm t-traspożizzjoni ta’ direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi taħt rieżami regolari, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riformulazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE mill-aktar fis possibbli, skont l-Artikolu 32 tagħha u abbażi tal-Artikolu 157 tat-TFUE, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stipulati fl-anness għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta’ Mejju 2012;

13.  Jikkundanna bl-iktar mod b'saħħtu possibbli l-fatt li n-nisa ma jirċivux l-istess salarju f'każijiet fejn jokkupaw l-istess xogħol bħall-irġiel jew jagħmlu xogħlijiet ta' valur ugwali, u jikkundanna ugwalment kemm is-segregazzjoni orizzontali kif ukoll dik vertikali; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li l-maġġoranza vasta tas-salarji baxxi u kważi l-pagi baxxi ħafna kollha jitħallsu għal xogħol part-time u jinnota li madwar 80 % tal-foqra li jaħdmu huma nisa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenzi fil-pagi bejn is-sessi għandu jwassal għal żieda ta’ 0,1 % fi tkabbir ekonomiku, li jfisser li huwa importanti ħafna li titnaqqas id-differenza li teżisti fil-kriżi ekonomika attwali; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-movimenti sindikalisti biex jabbozzaw u jimplimentaw għodod utli u operattivi għall-evalwazzjoni tax-xogħol biex jiddeterminaw xogħol ta' valur ugwali u b'hekk tiġi żgurata paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki proattivi favur impjiegi ta' kwalità għan-nisa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ewropa 2020, permezz tal-ġlieda kontra l-isterjotipi, is-segregazzjoni professjonali vertikali u orizzontali, filwaqt li jinkoraġġixxu t-tranżizzjoni bejn l-impjiegi part-time u dawk full-time u permezz ta' iffukar ewlieni fuq il-kategorija ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET); jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri tal-impjieg speċifiċi fil-qafas tal-programmi ta’ Riforma Nazzjonali sabiex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom aċċess ugwali bħall-irġiel biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki proattivi biex jinkoraġġixxu lin-nisa biex iħaddnu karrieri fix-xjenza u biex jippromwovu, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni b’mod partikolari, id-dħul tan-nisa f’setturi li tradizzjonalment huma meqjusin bħala ʽta' sess maskiliʼ, b’mod partikolari x-xjenzi u t-teknoloġiji l-ġodda, bil-ħsieb li jibbenefikaw bis-sħiħ minn kapital uman rappreżentat minn nisa Ewropej; jenfasizza, b’mod partikolari, li t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) toffri opportunitajiet ġodda u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata b’mod sħiħ f’din il-prijorità mogħtija lill-aġenda diġitali fil-ħames snin li ġejjin;

16.  Jenfasizza li l-indipendenza finanzjarja hija mezz ta’ kif tkun assigurata l-ugwaljanza u li l-intraprenditorija fost in-nisa tikkostitwixxi potenzjal għat-tkabbir u l-kompetittività fl-UE sottovalutat u mhux sfruttat biżżejjed; jistieden, għalhekk, lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex jiġbor aktar dejta ta' kwalità aħjar dwar l-intraprenditorija fost in-nisa; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lil korpi rilevanti oħra, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija biex jinkoraġġixxu, jippromwovu u jappoġġaw l-intraprenditorija fost in-nisa permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu, it-tnaqqas ta' burokrazija u ta' ostakoli oħra għall-bidu ta’ negozji min-nisa, l-integrazzjoni tal-perspettiva dwar is-sessi f’politiki rilevanti, il-promozzjoni tal-ħolqien ta’ ġabra unika ta’ dejta u pjattaforma ta' skambju elettroniku multilingwi għal intraprendituri soċjali nisa, u l-appoġġ reġjonali ta’ konsulenza u ta’ netwerks peer-to-peer madwar l-Ewropa kollha;

17.  Jemmen li l-għajnuna lin-nisa biex jirritornaw fis-suq tax-xogħol tirrikjedi politika multidimensjonali (li tinvolvi taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja, u l-promozzjoni ta’ impjiegi aktar stabbli u b'mudelli tax-xogħol imfassla apposta) u jiġbed l-attenzjoni lejn il-prevalenza akbar ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli; jirrimarka li t-talba għall-flessibilità hija l-akbar fost il-ħaddiema part-time, li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa; isostni, għalhekk, li n-negozjar kollettiv huwa dritt li għandu jiġi protett, peress li dan jgħin biex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u biex jitħarsu u jittejbu d-drittijiet;

18.  Jenfasizza l-fatt li flessibilità akbar fl-arranġamenti tax-xogħol tista’ żżid l-opportunitajiet tan-nisa biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol, iżda jinnota, fl-istess ħin, li din il-flessibilità jista’ jkollha impatt negattiv fuq is-salarji u l-pensjonijiet tan-nisa; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, lejn il-ħtieġa ta' proposti speċifiċi dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jinkoraġġixxi lill-irġiel u lin-nisa biex jaqsmu r-responsabilitajiet professjonali, domestiċi u soċjali b'mod aktar omoġenju, speċjalment f’każijiet li jinvolvu għajnuna lil persuni dipendenti u kura tat-tfal;

19.  Jitlob lill-Istati Membri jinkludu strateġiji fi programmi ta’ żvilupp rurali biex jiżdied in-numru ta’ impjiegi għan-nisa f’żoni rurali, u b’hekk jiżgurawlhom pensjonijiet sodisfaċenti, u politiki li jippromwovu l-preżenza tan-nisa fuq fora politiċi, ekonomiċi u soċjali f’dan is-settur u li jkabbru l-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs fiż-żoni rurali f’konformità mal-multifunzjonalità tal-agrikoltura;

20.  Jenfasizza li hemm kunsens dejjem akbar fi ħdan l-UE fir-rigward tal-ħtieġa ta' promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’, fost l-oħrajn, il-preżenza tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi, li hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali u ta’ demokrazija, peress li bħalissa din tirrifletti defiċit demokratiku; jilqa’, għaldaqstant, s-sistemi ta’ parità leġiżlati u l-kwoti tas-sessi introdotti f’xi Stati Membri u jistieden lill-Kunsill jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar id-direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost id-diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati sabiex il-proċess leġiżlattiv ikun jista' jitkompla malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lill-Istati Membri jippermettu li n-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jipparteċipaw bl-istess kundizzjonijiet fl-isferi differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jitlob ukoll li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu dak kollu li hu possibbli fis-setgħa tagħhom biex jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Kulleġġ tal-Kummissarji u fil-karigi ta’ livell għoli fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-istituti u l-korpi kollha tal-UE;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jeżaminaw jekk klawżoli relatati mas-sessi jistgħux jiġu inklużi fl-avviżi ta’ ħruġ ta' offerti ta' akkwist pubbliku sabiex jinkoraġġixxu n-negozji biex internament jirsistu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; jirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi rrispettata fl-iżvilupp ta’ din l-idea;

Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja privata

22.  Jifraħ lill-Isvezja, il-Belġju, Franza, is-Slovenja, id-Danimarka u r-Renju Unit talli laħqu l-objettivi ta' Barċellona u jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex ikomplu bl-isforzi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex imorru lil hinn mill-objettivi ta' Barċellona u jadottaw approċċ aktar sistematiku u integrat, li għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali u lokali flimkien, fil-qasam tal-edukazzjoni u tas-servizzi ta' ndukrar preskolari, b'mod partikolari għat-tfal żgħar ħafna ta' inqas minn tliet snin; Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju kontinwu lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu joffru sistemi tal-indukrar tat-tfal – b’mod partikolari permezz ta’ crèches – li l-ġenituri jkunu jifilħu jħallsu għalihom, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ dawn il-faċilitajiet fuq il-post tax-xogħol; jemmen li billi l-bilanċ tajjeb bejn pjanijiet familjari, ħajja privata u ambizzjonijiet professjonali jista' jinkiseb biss jekk il-persuni kkonċernati jkollhom għażla ġenwinament ħielsa, f'termini ekonomiċi u soċjali, u jkunu appoġġjati permezz ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi fuq livell tal-UE u fuq dak nazzjonali mingħajr ma jiġu penalizzati, u jekk tkun teżisti l-infrastruttura meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-baġit tagħhom għall-appoġġ tat-tfal speċifikament billi jespandu n-netwerks pubbliċi tal-indukrar ta’ matul il-jum, tal-iskejjel tan-nuna u tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu attivitajiet extrakurrikulari għat-tfal; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal li wieħed ikun jiflaħ iħallas għalihom fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tagħha għall-pajjiżi (RSP);

23.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-fatt li, minkejja li l-livell ta’ finanzjament tal-UE disponibbli (EUR 3,2 biljun mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013 ġie rriservat biex jgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u l-promozzjoni tal-impjieg għan-nisa), ċerti Stati Membri għamlu tnaqqis fil-baġits li qed jaffettwaw id-disponibbiltà (eż. bħala riżultat tal-għeluq tal-iskejjel tan-nuna) u l-kwalità (pereżempju bħala riżultat tat-tnaqqis tal-persunal) tas-servizzi ta’ indukrar tat-tfal u qed iġibuhom jiswew aktar;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu liv tal-paternità bi ħlas ta' mill-inqas għaxart ijiem tax-xogħol u li jippromwovu miżuri, leġiżlattivi u mhumiex, li jagħtu lok lill-irġiel, u partikolarment lill-missirijiet, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiksbu bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali, fost l-oħrajn billi jippromwovu l-liv tal-ġenituri, li jkun jista' jittieħed mill-missier jew mill-omm, mingħajr ma jkun trasferibbli bejniethom, sakemm il-wild jilħaq/tilħaq età speċifika.

25.  Jikkundanna l-istaġnar fil-Kunsill rigward id-Direttiva dwar il-liv tal-maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jerġgħu jibdew in-negozjati dwar dan u jtenni r-rieda tiegħu li jikkoopera;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu servizzi għall-kura tal-persuni li m'għandhomx l-indipendenza meħtieġa biex iwettqu kompiti ta' kuljum minħabba l-fatt li m’għandhomx l-awtonomija funzjonali li jeħtieġu biex isibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, tal-familja u dik personali, liema servizzi jkunu għall-but ta’ kulħadd, flessibbli, ta’ kwalità għolja u faċilment aċċessibbli;

Il-ġlieda lill-vjolenza kontra n-nisa

27.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ ir-ratifiki nazzjonali u li mill-iktar fis possibbli tagħti bidu għall-proċedura ta' adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jinnota li l-adeżjoni immedjata tal-Istati Membri kollha mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha twassal għall-iżvilupp ta’ politika integrata u għall-promozzjoni ta’ ko-operazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra n-nisa;

28.  Iġedded l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta taħt l-Artikolu 84 tat-TFUE għal att leġiżlattiv li jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni u l-appoġġ tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, billi tappoġġja qafas politiku komprensiv u effettiv dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess, li tiffoka fuq il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni ta’ dawk li jwettqu r-reat, il-protezzjoni tal-vittmi u l-provvediment xieraq u adegwat ta' servizzi u tagħlim dwar l-ugwaljanza, u billi ddaħħal penali għall-imġiba vjolenti jew diskriminatorja lejn in-nisa; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex jaħdmu sistematikament fuq l-għoti ta’ setgħa lin-nisa fir-rappurtar tal-vjolenza lill-awtoritajiet, u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ esperti li jittrattaw mal-vittmi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u b'riżorsi adegwati tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-qerda tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

30.  Jitlob lill-Kunsill jattiva l-klawżola "passerelle" u jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza abbażi tas-sess bħala qasam ta' reati elenkat fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, li ġa jkopri t-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttar sesswali tan-nisa u t-tfal;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirregola aħjar is-suq diġitali bil-għan li tipproteġi n-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza fuq l-internet;

32.  Jirrakkomanda li, fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom biex jeliminaw il-vjolenza domestika, l-Istati Membri jistabbilixxu l-obbligu li jingħata appoġġ lin-nisa migranti li m'għandhomx dokumenti eżattament bl-istess mod bħalma jingħata lin-nisa b’residenza legali, mingħajr l-ebda rekwiżit li l-istituzzjonijiet jirrappurtaw każijiet bħal dawn lill-awtoritajiet;

33.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa pubbliċi bla ħlas tagħhom sabiex jappoġġjaw lin-nisa kollha soġġetti għall-vjolenza, inklużi r-refuġjati, permezz, fost l-oħrajn, taż-żieda tal-kapaċità tagħhom, fejn tingħata għajnuna speċjalizzata lin-nisa ta’ nazzjonalitajiet differenti u lin-nisa b’diżabilità;

34.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jagħmlu l-2016 is-Sena Ewropea biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa permezz tal-allokazzjoni ta' biżżejjed riżorsi biex jittieħdu azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni; jisħaq, għal dan il-għan, li huwa neċessarju li jiġi pprovdut taħriġ adegwat għall-awtoritajiet u s-servizzi involuti, kif ukoll għall-professjonisti, bħalma humauffiċjali tal-pulizija, tobba, maġistrati, avukati, għalliema u kull min jista’, minħabba l-professjoni tiegħu, jagħti għajnuna lin-nisa li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien reġistru tal-ordnijiet Ewropej ta’ protezzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta’ protezzjoni għalqet fil-11 ta’ Jannar 2015;

36.  Jirrikonoxxi li, fir-reġjuni milquta minn gwerer, il-vjolenza kontra n-nisa tirrappreżenta ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tan-nisa u timmanifesta ruħha permezz tat-trattament umiljanti u degradanti tan-nisa; jenfasizza l-fatt li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali biex tinbena l-paċi, peress li hija espressjoni tal-ħtieġa li fenomeni bħal dawn li jaffettwaw lin-nisa jiġu pprevenuti u miġġielda;

37.  Jistieden lill-EIG, lill-ADF u lill-Eurostat biex ikomplu jiġbru data komparabbli, b'mod partikolari data armonizzata dwar il-vjolenza, biex jagħtu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-għodod meħtieġa biex ifasslu politiki effettivi; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq is-sitwazzjoni fl-Istati Membri fir-rigward tal-makkinarju istituzzjonali li hemm fis-seħħ għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bl-objettiv li jipprevjenu li dan issirlu ħsara fil-futur mill-effetti tal-kriżi ekonomika u r-riformi li li qed iġġib magħha, filwaqt li jitqies li, mingħajr tali makkinarju istituzzjonali, il-prijorità trasversali assenjata lill-ugwaljanza bejn is-sessi f’kull sfera ta’ politika, u l-mezzi speċifiċi biex din tiġi indirizzata, mhux se jissarrfu f’riżultati;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni ssalvagwardja l-programm Daphne – kemm f’termini ta’ finanzjament u ta' viżibbiltà – fil-programm Drittijiet u Ċittadinanza sabiex jiġi żgurat li l-assoċjazzjonijiet li jaħdmu biex iwaqqfu l-vjolenza kontra n-nisa jkunu jistgħu jkomplu l-ħidma tagħhom;

39.  Jitlob, mill-ġdid, lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċentru Ewropew għall-monitoraġġ tal-vjolenza relatata mas-sess (fuq il-mudell tal-attwali Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi), li għandu jitmexxa minn koordinatur Ewropew għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkundanna bil-qawwa kampanji tal-midja u komunikazzjonijiet oħra li juru lill-vittmi tal-vjolenza sesswali bħala responsabbli għal dawn l-atti, peress li tali suppożizzjonijiet imorru kontra l-prinċipji bażiċi kollha tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

Il-ġlieda lill-isterjotipi bbażati fuq is-sess

41.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv li għandha l-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi u fit-tmiem tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sessi; jenfasizza li s-subien u l-irġiel jeħtieġ li jiġu inklużi fil-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva ta’ politika fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi u jissuġġerixxi lill-Istati Membri li jqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet ugwali u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fis-sistemi edukattivi tagħhom;

42.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu passi biex jiżguraw li l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali jużaw l-ilsien b’mod mhux sessista, jiżguraw li n-nisa jipparteċipaw b’mod attiv u jkunu rappreżentati b’mod bilanċjat, u jiżguraw li jkun hemm xbihat diversi taż-żewġ sessi, li jmorru lil hinn mill-kunċetti ġenerali tal-ġmiel u l-isterjotipi sessisti tar-rwoli mwettqa f’oqsma differenti tal-ħajja, b’mod partikolari fejn il-kontenut ikun immirat lejn it-tfal u ż-żgħażagħ;

43.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-korpi regolatorji tal-media, sabiex jagħtu attenzjoni lill-ispazju mogħti lin-nisa fil-midja, u speċjalment fuq it-televiżjoni, kemm b’mod kwantitattiv kif ukoll b’mod kwalitattiv, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dinjità tan-nisa, biex ma jwasslux sterjotipi tas-sessi, u biex ma jipparteċipawx fl-ipersesswalizzazzjoni tal-bniet;

44.  Jitlob lill-Istati Membri biex, wara l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-isport biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, b’mod partikolari bid-definizzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għall-ġlieda kontra l-isterjotipi u l-vjolenza, jiffavorixxu l-ugwaljanza fost il-professjonisti sportivi rġiel u nisa, u jippromwovu l-isport għan-nisa;

Sfidi soċjetali

45.  Jinnota li bosta studji juru li r-rati ta’ abort fil-pajjiżi fejn l-abort huwa legali huma simili għal dawk fil-pajjiżi li fihom huwa pprojbit, u spiss huma anke ogħla f’dawn tal-aħħar (Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2014);

46.  Jinnota li l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u dwar l-edukazzjoni sesswali huma l-kompetenza tal-Istati Membri; jenfasizza, madankollu, li l-UE tista’ tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri;

47.  Isostni li n-nisa għandu jkollhom kontroll fuq id-drittijiet sesswali u riprodutttivi tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u l-abort; jappoġġja, għalhekk, il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex jittejjeb l-aċċess tan-nisa għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttivi u biex jiżdied l-għarfien tan-nisa dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi disponibbli; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jimplimentaw miżuri u azzjonijiet li jqajmu kuxjenza fost l-irġiel dwar ir-responsabilitajiet tagħhom fil-kwistjonijiet sesswali u riproduttivi;

48.  Jenfasizza l-importanza ta’ prevenzjoni attiva, politiki ta’ edukazzjoni u informazzjoni mmirati lejn l-adolexxenti mit-12-il sena ’l fuq, iż-żgħażagħ u l-adulti biex jiġi żgurat li s-saħħa sesswali u riproduttiva fost il-pubbliku tkun tajba, u b’hekk issir prevenzjoni tal-mard trażmess sesswalment u tat-tqaliet mhux mixtieqa;

49.  Jistieden lill-Istati Membri biex, meta jkunu qed japplikaw ir- Regolament (UE) Nru 536/2014 fi provi kliniċi ta’ prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem, tiġi żgurata l-ugwaljanza fir-rappreżentanza tal-irġiel u n-nisa fil-provi kliniċi, b’attenzjoni speċjali għat-trasparenza dwar il-kompożizzjoni tas-sessi tal-parteċipanti; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tikkunsidra l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, speċifikament tissorvelja l-aspetti tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

50.  Ifakkar li l-UE rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fit-22 ta’ Jannar 2011, u li skont din il-Konvenzjoni, l-Istati Firmatarji jkollhom jintrabtu li jiżguraw u jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali għall-persuni b’diżabilità kollha mingħajr diskriminazzjoni ta’ kwalunkwe tip abbażi ta’ diżabilità u li jżommu lura milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe att jew prattika li hija inkonsistenti mal-Konvenzjoni;

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-relazzjonijiet esterni tal-UE

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi b’mod vigoruż l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE ma’ pajjiżi terzi, sabiex b’hekk issaħħaħ l-approċċ strateġiku komprensiv tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-titjib tal-għarfien tad-drittijiet tan-nisa;

52.  Jistieden lill-UE biex telimina l-politiki li jistabbilixxu dipendenza bejn il-membri tal-familja fil-qafas tar-riunifikazzjoni tal-familja, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu lin-nisa migranti status ta’ residenza awtonoma, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa jiġu inklużi fil-ftehimiet ta’ sħubija kollha u fin-negozjati mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(2) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(3) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(4) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(5) Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011.
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0105.
(7) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(8) ĠU L 68, 18.3.2010, p. 13.
(9) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(10) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(11) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
(12) ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56.
(13) ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.
(14) Testi adottati, P7_TA(2013)0375.
(15) Testi adottati, P7_TA(2013)0073.
(16) Testi adottati, P7_TA(2013)0247.
(17) Testi adottati, P7_TA(2013)0074.
(18) Testi adottati, P7_TA(2013)0045.
(19) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 47.
(20) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
(21) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.
(22) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 65.
(23)3 ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 1.
(24) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 134.
(25) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(26) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 77.
(27) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 79.
(28) ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 31.
(29) Testi adottati, P7_TA(2014)0162.
(30) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 130.
(31) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(32) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(33) Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (COM(2013)0861).

Avviż legali