Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0240/2015

Dibattiti :

PV 12/03/2015 - 6.1
CRE 12/03/2015 - 6.1

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2015)0071

Testi adottati
PDF 253kWORD 84k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Attakki u sekwestri reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari ta' Assirjani
P8_TA(2015)0071RC-B8-0240/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani (2015/2599(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi tal-1992,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għejbien Furzat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)(1), dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), u dik tat-12 ta' Frar 2014 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara u komunitajiet oħra fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2015 dwar id-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida minn ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Frar 2015 li tikkundanna l-ħtif ta' aktar minn 100 Assirjan mill-ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, intitolat 'Rule of Terror: Living under ISIS/Da'esh in Syria' (Ħakma tat-Terrur: il-ħajja taħt l-ISIS/Da'esh fis-Sirja), tal-14 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali u rapporti interim tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

B.  billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, individwalmet jew f'komunità ma' oħrajn u li, fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-kult, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim; billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri kull twemmin, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;

C.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;

D.  billi n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw vjolazzjonijiet serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi assoċjati fis-Sirja u fl-Iraq, b'mod partikolari kontra gruppi etniċi u reliġjużi minoritarji, inkluż permezz ta' qtil immirat, konverżjonijiet furzati, ħtif, bejgħ tan-nisa, tjassir tan-nisa u t-tfal, reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċida bil-bombi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar il-benessri ta dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-ISIS/Da'esh, minħabba li dawn iż-żoni ma jintlaħqu minn kważi l-ebda assistenza umanitarja internazzjonali;

E.  billi l-grupp ISIS/Da'esh beda kampanja biex jeqred kull traċċa ta' komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin għajr dawk li jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tagħha stess tal-Iżlam, permezz tal-qtil jew it-tkeċċija ta' dawk li jappartjenu għal dawk il-komunitajiet u l-qerda tal-postijiet sagri, siti storiċi u artefatti tagħhom, inkluż wirt uniku u insostitwibbli rikonoxxut mill-UNESCO bħala Wirt Dinji u deskritt bħala 'tindif' minn din l-organizzazzjoni;

F.  billi fiż-żoni taħt il-kontroll tiegħu, l-ISIS/Da'esh qed jagħmel ħsara inaċċettabbli u irreparabbli lil ċiviltajiet millenari; billi, notevolment fl-Iraq u fis-Sirja, iżda wkoll f'partijiet oħra tal-Lvant Nofsani usa', is-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-istess eżistenza tagħhom, u billi l-għejbien tagħhom, jekk iseħħ, ikun ifisser li l-pajjiżi kkonċernati jitilfu parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tagħhom;

G.  billi l-grupp ISIS/Da' esh għandu fil-mira tiegħu l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, kif ukoll minoranzi etniċi u reliġjużi oħrajn, iżda billi wħud minn dawn il-komunitajiet kienu diġà sfaw fil-mira ta' estremisti ferm qabel l-avvanz tal-ISIS/Da'esh; billi l-Insara b'mod partikolari nżammu deliberatament fil-mira, għal ħafna snin, minn diversi gruppi estremisti jew ġiħadisti, b'tali mod li aktar minn 70 % tal-Insara mill-Iraq u aktar minn 700 000 Nisrani Sirjan kellhom jaħarbu minn pajjiżhom;

H.  billi fl-Iraq il-250 000 Kaldew/Assirjan/Sirjak jikkostitwixxu grupp etnoreliġjuż distint, u billi huwa stamat li sa 40 000 Assirjan kienu jgħixu fis-Sirja qabel ma fl-2011 faqqgħet il-gwerra ċivili fil-pajjiż;

I.  billi fil-15 ta' Frar 2015 l-ISIS/Da'esh ħareġ vidjo li juri d-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja; billi l-Kopti, li kienu ħaddiema migranti minn parti fqira tal-Eġittu, kienu nħatfu f'Sirte, il-Libja;

J.  billi fit-23 ta' Frar 2015 madwar 220 Assirjan inħatfu mill-ISIS/Da'esh ħdejn Tell Tamer fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-Grigal tas-Sirja; billi matul l-istess kampanja l-estremisti qerdu wkoll proprjetajiet u postijiet sagri tal-Insara; billi għexieren ta' Assirjani nqatlu matul l-attakk tal-IS; billi huwa rrapurtat li l-IS ħareġ dikjarazzjoni fi Frar 2015, li fiha talab lill-villaġġi Assirjani fil-provinċja Sirjana ta' Hasaka biex iħallsu l-ġiżja – taxxa fuq dawk li mhumiex Musulmani li tmur lura għall-ħakma Iżlamika bikrija u li ġiet abolita fl-1856 fl-Imperu Ottoman kollu kemm hu – jikkonvertu għall-Iżlam jew inkella jinqatlu; billi attakki maġġuri mill-ISIS/Da'esh fuq bliet tal-Insara Assirjani fl-inħawi tax-xmara Khabur ilhom jiġu rappurtati mid-9 ta' Marzu 2015;

K.  billi mill-1 ta' Marzu 2015 l-ISIS/Da'esh ħeles bosta tużżani ta' Assirjani, l-aktar tfal żgħar u xjuħ, wara negozjati ma' mexxejja tribali, iżda billi l-biċċa l-kbira tal-Assirjani għadhom miżmuma priġunieri u t-terroristi heddew li joqtluhom jekk il-bumbardament mill-ajru mill-forzi tal-koalizzjoni ma jiqafx;

L.  billi, bħala parti minn politika deliberata ta' tindif kulturali u reliġjuż, l-IS, skont rapporti, qered aktar minn 100 knisja fl-Iraq, u tal-anqas 6 knejjes fis-Sirja, kif ukoll għadd ta' moskej Xi'iti fl-Iraq; billi fi Frar 2015, ġellieda tal-IS deliberatament ippubbliċizzaw il-qerda li wettqu ta' statwi u artefatti oħra fil-Mużew ta' Mosul, wirt minn żmien l-imperi antiki tal-Assirja u ta' Akkad; billi l-IS wara deliberatament ħarbat bil-bulldozers il-belt antika Assirjana ta' Nimrud u, fl-aktar att reċenti, allegatament qered Hatra, Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; billi saru rapporti li r-reġim Sirjan ibbumbardja bl-artillerija knejjes fi nħawi kkontrollati mill-oppożizzjoni, pereżempju f'Homs fl-2012 u f'Idlib fl-2013;

M.  billi l-grupp ISIS/Da'esh għadu jippersegwita, jimmanka u joqtol, kultant b'modi krudili u inimmaġinabbli, membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, ġurnalisti, priġunieri tal-gwerra, attivisti u oħrajn; billi reati tal-gwerra u vjolazzjonijiet oħra tal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jitwettqu wkoll, ta' kuljum u fuq skala massiva, minn partijiet oħra fil-kunflitt, inkluż b'mod partikolari mir-reġim ta' Assad;

N.  billi wieħed mill-għeruq tal-vjolenza tal-ISIS/Da'esh huwa s-Salafiżmu, b'mod partikolari l-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam;

1.  Huwa xxukkjat u mnikket bl-azzjonijiet brutali mill-estremisti tal-ISIS/Da'esh kontra l-Assirjani fis-Sirja u l-Kopti fil-Libja, u jikkundannahom bl-akbar qawwa; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u mal-komunità Nisranija Assirjana fis-Sirja u dik tal-Insara Kopti fl-Eġittu, kif ukoll ma' kull grupp u individwu ieħor affettwat mill-vjolenza tal-ISIS/Da'esh;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-ISIS/Da'esh u l-abbużi gravissmi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq u li jammontaw għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u li jistgħu jissejħu ġenoċidju; huwa mħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li l-ISIS/Da'esh għandu fil-mira tiegħu, deliberatament, l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, bħala parti mill-attentati tiegħu biex jeqred kull minoranza reliġjuża miż-żoni li jaħkem; jissottolinja li jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jiġu riferiti lill-QKI; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtif mhux solvut tal-Isqfijiet Yohanna Ibrahim u Paul Yazigi minn ribelli armati fil-Provinċja ta' Aleppo, is-Sirja, fit-22 ta' April 2013;

3.  Jikkundanna, barra minn hekk, l-attentati biex l-ISIS/Da'esh jesporta l-ideoloġija u l-vjolenza estremista u totalitarja tiegħu lejn pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn minnu;

4.  Jappoġġja l-isforzi internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh, inklużi l-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni internazzjonali, ikkoordinata mill-Istati Uniti, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan sabiex iqisu modi kif jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi, inkluż l-intraċċar u l-interdizzjoni ta' fondi sigrieti tal-ISIS/Da'esh f'pajjiżi oħra;

5.  Jitlob li l-koalizzjoni internazzjonali taħdem aktar biex tipprevjeni l-ħtif ta' minorani, bħall-ħtif ta' mijiet ta' Nsara Assirjani fit-Tramuntana tas-Sirja; jissottolinja li huwa importanti li żona ta' kenn tiġi żgurat għall-Kaldej/Assirjani/Sirjaki u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh, l-Iraq, żona fejn ħafna minoranzi etniċi u reliġjużi storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin;

6.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu approċċ proattiv u preventiv lejn it-theddida li l-ISIS/Da'esh jespandi f'pajjiżi u reġjuni lil hinn mill-Iraq u s-Sirja; f'dan id-dawl, huwa mħasseb għall-aħħar dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, mhux l-anqas minħabba l-qrubija ġeografika tagħha lejn l-UE kif ukoll lejn żoni ta' kunflitt fl-Afrika;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lis-sħab tan-NATO, biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rwoli ambivalenti ta' ċerti pajjiżi fil-kunflitt, b'mod partikolari fejn dawn ikkontribwew, jew għadhom jikkontribwixxu, b'mod attiv jew passiv, għat-tkabbir tal-ISIS/Da'esh u ta' gruppi estremisti oħra; huwa mħasseb ħafna, f'dan il-kuntest, dwar il-finanzjament tat-tixrid tal-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam minn entitajiet pubbliċi u privati ta' pajjiżi mir-reġjun tal-Golf, u jistieden lil dawn il-pajjiżi biex itemmu dan il-finanzjament; barra minn hekk, iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi biex itemmu l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi minn ġewwa t-territorji tagħhom; jistieden lit-Turkija biex ikollha rwol pożittiv fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u tippermetti bla dewmien li l-minoranzi Nsara u persuni oħra persegwitati li qed jaħarbu mis-Sirja jaqsmu l-fruntiera għal ġot-Turkija u jfittxu s-sikurezza;

8.  Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ma' forzi lokali u reġjonali emerġenti ġodda, bħalma huma l-Gvern Reġjonali Kurd tal-Iraq, il-gruppi Kurdi fi nħawi oħra, bħar-rwol ta' YPG fil-liberazzjoni ta' Kobane, u l-Kunsill Militari Sirjan, kif ukoll entitajiet awtonomi lokali fir-reġjun li wrew aktar impenn favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija milli wrew il-mexxejja tal-pajjiżi tagħhom; ifaħħar, b'mod partikolari, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-forzi Kurdi tal-Peshmerga li għamlu tant biex jipproteġu l-minoranzi fil-periklu;

9.  Huwa imħasseb dwar rapporti li l-minoranzi Nsara m'għandhomx aċċess għall-kampijiet tar-refuġjati fir-reġjun, billi dawn huma perikolużi wisq għalihom; jitlob li l-UE tiżgura li l-assistenza għall-iżvilupp li toffri tkun immirata lejn il-gruppi minoritarji kollha li sfaw spustati minħabba l-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE tuża l-esperjenza u n-netwerks stabbiliti tal-knejjes lokali u reġjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali ta' sokkors għall-knejjes, biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u assistenza oħra, bil-għan li tiżgura li l-gruppi minoritarji kollha jkunu jistgħu jgawdu l-protezzjoni u l-appoġġ tal-għajnuna Ewropea;

10.  Iqis li huwa imperattiv li l-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibdew jaħdmu ma' sħab internazzjonali u reġjonali dwar xenarju post-ISIS/Da'esh, fil-qies tal-ħtieġa urġenti għal rikonċiljazzjoni u djalogu kulturali u reliġjuż;

11.  Jiddendunzja l-qerda ta' siti u artefatti kulturali mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, qerda li tikkostitwixxi attakk kontra l-wirt kulturali tal-abitanti kollha ta' dawn il-pajjiżi u tal-umanità kollha kemm hi;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jikkooperaw ma' sħab internazzjonali u lokali ħalli jissalvagwardjaw kemm jistgħu mill-wirt Assirjan, u mill-wirt kulturali u reliġjuż ieħor, mit-territorji okkupati mill-ISIS/Da'esh; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu azzjoni kontra l-kummerċ illegali f'artefatti tal-qedem li joriġinaw minn dawn it-territorji;

13.  Jikkonferma u jappoġja d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, l-ugwaljanza u s-sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà r-reliġjon tagħhom; f'dan id-dawl, iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jieħdu pożizzjoni pubblika u ċara kontra l-vjolenza, u b'mod partikolari favur id-drittijiet tal-minoranzi; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara u ta' popolazzjonijiet indiġeni oħra tar-reġjun, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-issuktar tal-preżenza tagħhom u għal drittijiethom sħaħ u ugwali bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;

14.  Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mit-tmexxija tal-ISIS/Da'esh li waqqfet kalifat fiż-żoni li issa tikkontrolla; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti oħra fil-Lvant Nofsani, huma theddida diretta għas-sigurtà tar-reġjun, kif ukoll għal dik tal-pajjiżi Ewropej;

15.  Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin bħala dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali li l-parti l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja impenjaw ruħhom dwarhom, u li huma rikonoxxuti li għandhom valur universali;

16.  Jappoġġja l-inizjattivi kollha, inkluż fl-UE, li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

17.  Iħeġġeġ lill-UE biex tesplora aktar politiki kontra t-terroriżmu, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem, għajr dawk diġà fis-seħħ, u biex tkompli taħdem mal-Istati Membri għat-tisħiħ ta' politiki li jiġġieldu r-radikalizzazzjoni fit-territorju tal-UE, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza online; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, barra minn hekk, biex jaħdmu flimkien mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Assemblea Ġenerali tan-NU bil-għan li jwaqqfu t-tixrid tal-ideoloġija estremista u ġiħadista madwar id-dinja;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-Iraq, lill-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Kunsill tad-Deputati f'Tobruk, il-Libja, u lill-Gvern Libjan, lil-Lega tal-Istati Għarab, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0422.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0027.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

Avviż legali