Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2219(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0039/2015

Testi mressqa :

A8-0039/2015

Dibattiti :

PV 11/03/2015 - 14
CRE 11/03/2015 - 14

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.5
CRE 12/03/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0075

Testi adottati
PDF 407kWORD 155k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew
P8_TA(2015)0075A8-0039/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew (2014/2219(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (12094/14),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi-President tal-Kummissjoni (RGħ/VP) dwar ir-responsabbiltà politika,

–  wara li kkunsidra l-impenji meħuda mir-RGħ/VP Federica Mogherini matul is-seduta ta' smigħ tagħha tas-6 ta' Ottubru 2014 fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0039/2015),

Quddiem ambjent politiku u ta' sigurtà mibdul

1.  Jindika l-ambjent ta' sigurtà fl-UE li mar għall-agħar b'mod drammatiku, speċjalment fil-viċinat immedjat tal-UE, fejn l-ordni internazzjonali msejjes fuq id-dritt, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Ewropa, qed iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet ta' gravità mingħajr preċedenti mindu bdiet l-integrazzjoni Ewropea; jindika t-trasformazzjoni kontinwa tal-ordni politiku globali;

2.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-UE, anki minħabba l-kriżi interna tagħha, s'issa ma rnexxilhiex tuża l-potenzjal kollu tagħha biex issawwar l-ambjent politiku u ta' sigurtà internazzjonali, u li n-nuqqas ta' koordinazzjoni u koerenza fil-politiki bejn il-politiki tal-UE, flimkien mal-limitazzjonitiet finanzjarji, joħolqu restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-influwenza tal-Ewropa fid-dinja u l-kapaċità tagħha bħala fornitur ta' sigurtà reġjonali u globali li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

3.  Huwa tal-fehma li l-kompiti ta' prijorità għall-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE huma:

   il-ħarsien tal-valuri u l-interessi Ewropej u l-infurzar tal-ordni politiku u ġuridiku fl-Ewropa, biex b'hekk jiġu ripristinati u salvagwardjati l-paċi u l-istabbiltà;
   it-titjib tal-kontribut tal-UE fid-difiża territorjali tal-Istati Membri tagħha u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi ruħha kontra t-theddidiet li qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż it-terroriżmu u l-armi, it-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin;
   l-għoti ta' sostenn lis-sigurtà, id-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-viċinat tal-UE;
   it-teħid ta' rwol ewlieni fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, anki permezz taż-żamma tal-paċi u l-infurzar tal-paċi fil-kuntest tal-PSDK;
   it-tisħiħ, flimkien mas-sħab tagħha, tal-ordni politiku, ekonomiku u finanzjarju globali pluralistiku bbażat fuq ir-regoli, inkluż ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; u
   it-titjib tal-istrutturi interni u l-metodi ta' ħidma tal-UE sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha u jkun jista' joħroġ il-potenzjal sħiħ tagħha bħala attur globali;

L-UE bħala attur kredibbli

4.  Jemmen li politika barranija ambizzjuża u effikaċi tal-UE jeħtieġ li tkun imsejsa fuq viżjoni komuni tal-interessi, il-valuri u l-objettivi ewlenin Ewropej fir-relazzjonijiet esterni, u fuq perċezzjoni komuni tat-theddidiet li qed jolqtu lill-UE kollha kemm hi; jilqa' l-impenn tar-RGħ/VP, abbażi tal-mandat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013, li tagħti bidu, bħala kwistjoni ta' prijorità, għal proċess ta' riflessjoni strateġika dwar il-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li għandu jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-pubbliku Ewropew; jinsisti li din ir-riflessjoni għandha twassal għal Strateġija Ewropea ta' Sigurtà ġdida li tqis il-bidliet ġeopolitiċi reċenti sabiex tirreaġixxi għat-theddidiet u l-isfidi ġodda;

5.  Jenfasizza l-obbligu meħud mill-Istati Membri fir-ratifikazzjoni tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jagħtu sostenn lill-politika esterna u ta' sigurtà tal-Unjoni b'mod attiv u mingħajr riserva, fi spirtu ta' lealtà u solidarjetà reċiproka, f'konformità mal-Artikolu 24(3) TUE;

6.  Jinsisti li r-riżorsi politiċi, ekonomiċi, finanzjarji u ta' difiża tal-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jissaħħu u jinġemgħu flimkien bil-għan jimmassimizzaw l-influwenza tal-UE fid-dinja, jipproduċu sinerġiji u jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa u l-viċinat tagħha; jissottolinja li l-ispejjeż jistgħu jiġu ffrankati b'mod sinifikanti permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-assistenza finanzjarja esterna skjerata mill-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li terġa' tiġi orjentata mill-ġdid u użata b'mod aktar effiċjenti f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi miftiehma b'mod konġunt; jitlob li jittieħdu aktar miżuri mill-UE sabiex tiżdied il-viżibbiltà, il-koerenza u l-effikaċja tal-assistenza tal-UE; huwa tal-fehma li l-oqsma kollha ta' assistenza tal-UE, kemm jekk hi għajnuna għall-iżvilupp, jew għajnuna umanitarja u ta' emerġenza, għandhom ikunu kkoordinati u konsistenti; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw sorveljanza effikaċi fuq l-assistenza finanzjarja, biex ikunu ċerti li l-miri jintlaħqu; jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti mfassla mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li fil-passat urew anomaliji; jenfasizza li għandha tiżdied l-assistenza finanzjarja li tagħti sostenn lis-soċjetà ċivili u l-NGOs li jinsabu fil-post; jitlob li fejn tidħol l-approvazzjoni ta' proġetti jkun hemm proċeduri aktar rapadi u anqas burokratiċi;

8.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jużaw bis-sħiħ is-sett ta' għodod tat-Trattat ta' Lisbona sabiex jimxu minn approċċ li sal-lum kien aktar reattiv għal politika barranija u ta' sigurtà tal-UE proattiva u koerenti, ibbażata fuq valuri komuni u użata fl-interess komuni Ewropew;

9.  Huwa tal-fehma li l-Kunsill u l-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni attiva tal-Istati Membri, jeħtieġ li jiżguraw il-koerenza u l-konsistenza ta':

   il-politiki interni u esterni segwiti mill-UE, inkluż il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u l-politiki marbuta mal-viċinat, il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-enerġija, l-ambjent, il-migrazzjoni, eċċ,
   il-politiki segwiti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha;

10.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida fi gruppi, peress li hekk tippermetti li r-RGħ/VP tikkoordina l-politiki relevanti kollha tal-Kummissjoni b'dimensjoni esterna; jappoġġja lir-RGħ/VP fl-isforzi tagħha biex tħaddan bis-sħiħ ir-rwol tagħha bħala Viċi President tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex, fl-istess ħin, tuża r-rwol tagħha bħala President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin sabiex tressaq inizjattivi fil-Kunsill li javanzaw il-politiki proattivi komuni lil hinn mill-iżgħar denominatur komuni, billi tuża s-sett ta' għodod kollu tal-PESK u tal-politiki esterni tal-UE;

11.  Itenni li l-istrutturi interni tas-SEAE jeħtieġ li jiġu riformati sabiex dan ikun jista' jassisti lir-RGħ/VP fir-rwoli kollha tagħha u jippermettilha timxi 'l quddiem fl-ippjanar strateġiku u tikkoordina l-proċessi politiċi fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi razzjonalizzata l-istruttura ta' ġestjoni superjuri tas-SEAE u li jitħaffu u jiġu simplifikati l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet; itenni t-taħba tiegħu għal integrazzjoni aktar stretta tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE fis-SEAE, fosthom permezz ta' trasferiment tal-baġit tagħhom mill-baġit operattiv tal-PESK għall-baġit tas-SEAE; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, evalwazzjoni politika u kosteffikaċi tar-rwol li għandhom dawn ir-Rappreżentanti Speċjali;

12.  Itenni t-talba tiegħu għal kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa bejn id-diversi kapaċitajiet ta' monitoraġġ u reazzjoni għall-kriżijiet fil-livell tal-UE; iħeġġeġ, barra minn hekk, ir-razzjonalizzazzjoni tal-istrutturi eżistenti sabiex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet mhux meħtieġa, fosthom billi jingħaqdu dawk il-kapaċitajiet li jirkbu fuq xulxin; huwa tal-fehma li ċ-ċentri ta' monitoraġġ għandu jkollhom riżorsi adegwati u li l-profili lingwistiċi tal-persunal tagħhom għandhom ikunu f'konformità mal-lingwi mitkellma fiż-żoni ta' kriżi l-aktar rilevanti, b'mod partikolari r-Russu u l-Għarbi; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri ta' monitoraġġ fil-livell tal-UE u s-servizzi korrispondenti fl-Istati Membri;

13.  Jitlob li ssir modernizzazzjon tan-netwerk tad-delegazzjonijiet tal-UE sabiex dawn jirriflettu l-ħtiġijiet tal-politika barranija tal-UE fis-seklu 21, fosthom billi jiġu adattati n-numri u l-għarfien espert tal-persunal; iqis, pereżempju, li d-delegazzjonijiet kollha li jinsabu f'żoni ta' kunflitt, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn għaddejja missjoni tal-PSDK, għandha tinkludi l-preżenza ta' espert dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża; jitlob lir-RGħ/VP biex issaħħaħ l-awtorità tal-kap tad-delegazzjoni fuq il-persunal kollu, irrispettivament mill-oriġini istituzzjonali tagħhom, u biex tissimplifika l-baġits amministrattivi tad-delegazzjonijiet lejn sors ta' finanzjament uniku; jitlob li l-linji ta' rapportar jiġu ċċarati; jiddispjaċih li l-potenzjal għal sinerġiji u ekonomiji ta' skala li jingħata mit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-ambaxxati tal-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-UE għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ; jinsisti li bilanċ ġust bejn il-persunal sekondat mill-Istati Membri u l-uffiċjali tal-UE, li huwa stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi s-SEAE, għandu jiġi rispettat fil-livelli kollha, u jinnota li, speċjalment fejn jidħlu pożizzjonijiet ta' livell għoli bħal dik ta' Kap ta' Delegazzjoni, attwalment dan il-bilanċ mhux qed jinżamm;

14.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, li spiss iwassal għal dewmien fl-iżborż operazzjonali tal-fondi tal-UE u joħloq ostakli addizzjonali għall-kapaċità tal-UE biex tirrispondi għall-kriżijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa għal żborż aktar rapidu ta' mezzi finanzjarji, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll effikaċi sabiex jiġu evitati l-frodi u l-miżapproprijazzjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2015 toħroġ bi proposta għal riforma tal-leġiżlazzjoni rilevanti, fosthom billi tippermetti proċedura rapida, attwalment disponibbli għall-għajnuna umanitarja, biex tintuża għall-ġestjoni tal-kriżi filwaqt li jiġi żgurat li l-infiq b'reazzjoni għall-kriżijiet ikun koerenti mal-għanijiet strateġiċi tal-UE fuq medda twila ta' żmien; jinsab imħasseb sew dwar l-iskarsezza tal-pagamenti fir-rigward ta' żewġ sorsi baġitarji ewlenin tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti, b'mod partikolari l-baġit tal-PESK u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP); huwa konvint li l-ambjent ta' sigurtà attwali fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa aktar jeħtieġ effetti ta' sinerġija u riżorsi addizzjonali milli tnaqqis sostanzjali;

15.  Jirrimarka li l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE jeħtieġ li tiżdied fil-livell tal-ippjanar strateġiku u l-fora multilaterali, kif ukoll fil-livell operazzjonali permezz ta' missjonijiet tal-PSDK u l-missjonijiet l-oħra kollha b'aspett estern;

16.  Ifakkar li l-UE għandha l-obbligu, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex tiżgura li l-azzjoni esterna tagħha hija mfassla u implimentata sabiex tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u li din hija responsabbiltà konġunta tal-UE u l-Istati Membri tagħha; jistieden lir-RGħ/VP tagħti rendikont b'mod regolari dwar il-konformità mal-Artikolu 21, u biex tesplora mezzi bil-għan li ttejjeb il-koerenza tal-politika esterna, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali; jenfasizza li l-monitoraġġ tal-politiki esterni dwar il-konformità mal-Artikolu 21 għandhom jitwettqu b'mod aktar armonizzat u strett; jenfasizza l-ħtieġa li l-imsieħba jżommu mal-impenji li jkunu ħadu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet mal-UE, u jisħaq fuq il-ħtieġa li, meta jkun meħtieġ, jintużaw il-klawsoli tal-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-ftehimiet;

17.  Jinnota ż-żieda fid-domanda għall-assistenza internazzjonali fl-appoġġ għad-demokrazija u l-osservazzjoni elettorali; jirrikonoxxi li dan huwa qasam fejn l-UE jista' jkollha rwol effikaċi fl-appoġġ tal-proċessi demokratiċi; jitlob, għaldaqstant, li jsir segwitu konsistenti dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-appoġġ fil-bini tal-kapaċitajiet għall-partiti politiċi;

18.  Jenfasizza l-importanza vitali tad-difiża kollettiva garantita min-NATO għall-membri tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għad-difiża territorjali, jiddedikaw aktar riżorsi u jieħdu b'serjetà l-metodoloġija ta' akkomunament u kondiviżjoni billi jikkooperaw aktar mill-qrib biex jibnu s-sinerġiji; jenfasizza li l-Istati Membri kollha jeħtieġ li jgawdu l-istess livell ta' sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 42(7) TUE; jenfasizza li politika barranija kredibbli tal-UE jeħtieġ li tkun imsaħħa b'kapaċitajiet ta' difiża adegwati fl-Istati Membri u b'Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) effikaċi; huwa tal-fehma li l-PSDK hija komponent importanti tad-difiża u s-sigurtà Ewropea, u li tikkontribwixxi għal dan b'diversi modi, fosthom billi tippromwovi l-ħolqien ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB), billi trawwem il-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, u billi b'mod dirett tintervjeni f'żoni ta' kriżi permezz tal-missjonijiet ċivili u l-operazzjonijiet militari tagħha; jisħaq, għaldaqstant, li l-PSDK għandha tiġi approfondita ulterjorment b'kooperazzjoni man-NATO; itenni li l-UE hija sieħeb tan-NATO u li l-istrateġiji taż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom ikunu komplementari; jissottolinja r-rwol importanti tal-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża bejn l-UE u sħab bħan-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE; jilqa' l- impenn tar-RGħ/VP li tinvolvi ruħha b'mod attiv dwar kwistjonijiet ta' difiża, fosthom billi tippresiedi laqgħat tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fil-konfigurazzjoni tal-Ministri għad-Difiża;

19.  Jappoġġa r-rieżami li qed issir tal-istrutturi għall-ġestjoni tal-kriżijiet fi ħdan s-SEAE; jistieden lill-VP/RGħ tiżgura li l-istrutturi eżistenti jsiru aktar effiċjenti sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod aktar rapidu u xieraq għall-kriżijiet emerġenti, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-għadd ta' strutturi paralleli; jistieden lill-VP/RGħ tippreserva u ssaħħaħ il-karattru distint tal-approċċi ċivili għall-prevenzjoni tal-konflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

20.  Jenfasizza li l-potenzjal ta' diversi klawsoli tat-Trattat ta' Lisbona, bħalma huma l-Artikolu 44 TUE (li l-missjonijiet tal-PSDK jitħallew f'idejn grupp żgħir ta' Stati Membri), l-Artikolu 41 TUE (dwar l-Istartup Fund), l-Artikolu 46 TUE (il-kooperazzjoni strutturata permanenti), l-Artikolu 42(7) TUE (il-klawsola ta' għajnuna reċiproka), u l-Artikolu 222 TFUE (il-klawsola ta' solidarjetà), għad irid jiġi sfruttat; jistieden lir-RGħ/VP tippromwovi b'mod attiv dawn l-istrumenti u l-implimentazzjoni tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minnhom;

21.  Jilqa' l-organizzazzjoni ta' laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar id-difiża f'Diċembru 2013, u jitlob għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda; jinsab ħerqan għad-dibattitu li jmiss f'Ġunju 2015; jitlob li f'dan is-summit jittieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi, b'mod partikolari:

   it-tnedija – abbażi tar-reviżjoni tal-qafas strateġiku tal-UE – ta' proċess ta' riflessjoni strateġika dwar l-objettivi u l-prijoritajiet fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, li jistabbilixxi l-kapaċitajiet meħtieġa u l-għażliet għall-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, bil-għan li jkun hemm rispons aħjar quddiem it-theddidiet li l-pajjiżi tal-UE qed iħabbtu wiċċhom magħhom;
   it-tisħiħ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża billi jingħatawlha r-riżorsi meħtieġa u l-impetu politiku neċessarju, sabiex din tkun tista' taqdi r-rwol sħiħ tagħha fil-koordinazzjoni u l-istimulazzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-armamenti;
   ir-rieżami tal-mekkaniżmu ta' finanzjament Athena bil-ħsieb li jiżdied ulterjorment il-finanzjament komuni fil-qasam tal-operazzjonijiet militari tal-PSDK, b'tali mod li jiġi evitat li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji jikkompromettu l-kapaċità tal-UE li tirrispondi għall-kriżijiet, u li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiġġeneraw il-forzi b'mod rapidu għall-operazzjonijiet tal-PSDK u jiżguraw kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;
   it-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, fost l-oħrajn billi jiġu kkoordinati l-baġits tad-difiża, jiġu armonizzati r-rekwiżiti, jitnaqqsu l-ineffiċjenzi u jinħolqu s-sinerġiji;
   jiġu indirizzati l-problemi eżistenti fl-oqsma tal-ippjanar u t-tmexxija ta' operazzjonijiet militari, fosthom permezz tal-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali tal-operazzjonijiet militari permanenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) li diġà teżisti;
   iż-żieda fl-effikaċja u fil-possibbiltà tal-użu tal-Gruppi Tattiċi tal-UE, fost l-oħrajn billi jiġi introdott approċċ modulari, jiġi estiż il-finanzjament komuni permezz tal-mekkaniżmu Athena, u - fejn xieraq - jiġu skjerati l-Gruppi Tattiċi f'xenarji futuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet;

22.  Hu tal-fehma li l-attakki terroristiċi reċenti fil-pajjiżi tal-UE jixhdu li huwa dejjem aktar diffiċli biex is-sigurtà interna tinfired minn dik esterna, u jappella lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu konnessjoni aħjar bejn l-isforzi tagħhom f'dawn l-oqsma; jappella lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence relatata mas-sigurtà, billi jisfruttaw il-faċilitajiet ta' koordinament eżistenti fil-livell Ewropew; jappella biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kontra t-terroriżmu fir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, anke permezz ta' taħriġ u l-bini tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sigurtà, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu kull sforz possibbli biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jissottolinja r-rwol importanti li trid tiżvolġi n-NU f'dan ix-xogħol;

23.  Jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jenfasizza fuq il-ħtieġa li ċ-ċiberdifiża tiġi integrata fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna u l-PESK, u jappella biex ikun hemm koordinament aktar mill-qrib man-NATO fir-rigward taċ-ċiberdifiża bil-ħsieb li tiġi stabbilita deterrenza ċibernetika b'mod li l-attakki li jsiru miċ-ċiberspazju jkunu jistgħu jiġu affaċċjati u pprevenuti b'mod effikaċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiffokaw fuq kif tista' tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura rilevanti; jilqa' l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa li l-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċiberdifiża jiżdiedu b'mod sinifikanti; iħeġġeġ lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ssaħħaħ il-koordinament rigward iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri u jappella lill-Istati Membri biex jipprovdulha l-mezzi biex tilħaq dan il-għan; jappella lill-Kummissjoni biex taġġorna r-regolament dwar l-użu doppju sabiex tevita l-esportazzjoni ta' sistemi lejn min ikollu l-intenzjoni li jdgħajjef is-sigurtà u l-infrastruttura kritika tal-UE u tipprevjeni l-esportazzjoni ta' teknoloġija għas-sorveljanza tal-massa lejn reġimi awtoritarji; ifakkar fl-importanza li jinżamm bilanċ bejn is-salvagwardja tal-libertajiet diġitali u s-sigurtà;

24.  Jappella għal politika mġedda u koerenti tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari, billi tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-flussi migratorji bl-użu tal-istrumenti politiċi u ta' assistenza kollha, inklużi l-politiki dwar l-iżvilupp u dwar il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, flimkien mal-ħtieġa li jissaħħu r-rotot ta' migrazzjoni legali; itenni l-appell tiegħu biex jiġi intensifikat l-appoġġ umanitarju lill-pajjiżi li jospitaw ir-refuġjati u biex jissaħħu l-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali mmexxija b'kollaborazzjoni mal-UNHCR qrib ir-reġjuni ta’ oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni għandhom jiġu integrati fil-politiki u l-miżuri predominanti tal-azzjoni esterna tal-UE u għandhom ikunu prijorità għolja fil-koperazzjoni tal-UE mal-ġirien fil-Lvant u fin-Nofsinhar; jenfasizza li l-fatalitajiet fil-fruntieri tal-UE jridu jiġu evitati;

25.  Jindika li l-enerġija qed tintuża dejjem aktar bħala għodda fil-qasam tal-politika barranija u jfakkar li l-integrazzjoni Ewropea hija msejsa fuq il-koperazzjoni fis-settur tal-enerġija; jenfasizza l-importanza li tinbena Unjoni Ewropea tal-Enerġija li jkollha l-għan li żżid il-koerenza u l-koordinament bejn il-politika barranija u l-politika tal-enerġija; jisħaq fuq il-fatt li s-sigurtà tal-enerġija għandha tkun parti mill-approċċ komprensiv għall-azzjoni esterna tal-UE u jemmen li l-politika tal-enerġija trid tkun konformi mal-politiki prijoritarji l-oħra tal-Unjoni, inklużi dawk fl-oqsma tas-sigurtà, tal-affarijiet barranin u tal-viċinat, dawk kummerċjali, u għall-iżvilupp, kif ukoll il-politiki tagħha għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li titnaqqas b'mod sinifikanti d-dipendenza fuq ir-Russja u li jinstabu sorsi alternattivi ta' enerġija; jappella lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni biex jissorveljaw u jindirizzaw il-kontroll ta' infrastrutturi minn entitajiet li mhumiex fl-UE, b'mod speċifiku minn kumpaniji b'sjieda statali, banek nazzjonali jew fondi sovrani minn pajjiżi terzi, li jkunu qed jippenetraw fis-suq tal-enerġija tal-UE jew ixekklu d-diversifikazzjoni, inkluż fis-settur nukleari; jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji tal-enerġija li mhumiex fl-UE jridu jkunu soġġetti wkoll għar-regoli dwar il-kompetizzjoni applikabbli fis-suq tal-enerġija tal-UE;

26.  Jilqa' l-istabbiliment tal-kariga ta' Viċi-President għall-Unjoni tal-Enerġija u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-koperazzjoni b'mod li jimplimentaw l-azzjonijiet fil-qosor u fit-tul elenkati f'din l-istrateġija; jinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza bejn il-politika barranija tal-UE u l-politiki l-oħra b'dimensjoni esterna, bħall-politika tal-enerġija, u jistenna li l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni f'setturi raggruppati tkun effikaċi f'dan ir-rigward; iħeġġeġ biex jittieħdu passi ulterjuri biex l-objettivi fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija jsiru konformi mal-objettivi l-oħra segwiti mill-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa prijoritajiet strateġiċi għall-politika esterna tal-enerġija stabbiliti fl-objettivi tal-politika barranija ġenerali u biex tagħmel użu aktar sistematiku tal-għodda tal-politika barranija fl-oqsma tas-sigurtà tal-enerġija;

27.  Hu tal-fehma li għandu jiġi implimentat mekkaniżmu ta' solidarjetà b'mod li jiġi indirizzat it-taqlib possibbli fil-provvista tal-enerġija; jemmen li għandha tiġi żviluppata ulterjorment infrastruttura interkonnessa tal-enerġija u li l-partijiet kollha fit-territorju tal-UE għandhom jiġu integrati fi grilja enerġetika li tkopri l-UE kollha; jenfasizza li l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-provvista enerġetika tal-UE għandhom jitħaffu b'mod li tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-UE; hu tal-fehma li l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u ta' użu effiċjenti tal-enerġija ikun ta' benefiċċju qawwi għall-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE; ifakkar li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew huwa essenzjali u li hu fl-interess ġenerali tal-UE li tiżgura li s-swieq tal-enerġija internazzjonali jkunu stabbli, trasparenti, u bbażati fuq ir-regoli internazzjonali; jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal strateġija komprensiva għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista ta' riżorsi apparti dawk tal-enerġija.

28.  Jilqa' l-attitudni ta' kooperazzjoni tar-RGħ/VP Federica Mogherini fir-rigward tal-Parlament, immirata biex issaħħaħ ir-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-istituzzjoni; itenni l-ħtieġa għal konsultazzjoni sistematika u proattiva mal-Parlament, u b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, qabel l-adozzjoni tal-istrateġiji tal-politika barranija u l-mandati tal-PSDK; jitlob lill-Kunsill jiffinalizza n-negozjati mal-Parlament rigward is-sostituzzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2002 dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża; impenja ruħu biex jintensifika l-koperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, inkluż fi ħdan il-Konferenza Interparlamentari għall-PESK u l-PSDK u l-COSAC, b'mod li jkunu preparati aħjar biex jikkontrollaw ir-riżorsi rispettivi;

Preservazzjoni u tisħiħ tal-ordni politiku u ġuridiku Ewropew

29.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tiġi kkonsolidata u li tissaħħaħ il-kapaċità ta' integrazzjoni tagħha, li hija wieħed mill-kriterji ta' Kopenħagen; itenni il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali oħra fl-ambitu tad-Dikjarazzjoni ta' Salonka tal-2003, abbażi tat-twettiq tal-kriterji ta' Kopenħagen, u jappoġġa t-tkomplija tan-negozjati għat-tkabbir; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fl-indirizzar ta' riformi fundamentali fl-oqsma tal-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza ekonomika minn kmieni fil-proċess ta’ tkabbir; itenni li kull pajjiż għandu jkun iġġudikat skont il-merti proprji tiegħu u jemmen li, fil-każijiet fejn l-UE tqis li pajjiż kandidat kiseb livell sodisfaċenti ta' allinjament mal-acquis tal-UE, għandhom jinfetħu jew jitkomplew in-negozjati għall-adeżjoni, peress li dan huwa kruċjali biex tiġi ppreżervata l-kredibilità tal-UE kollha kemm hi; jissottolinja l-importanza ta' koperazzjoni mal-pajjiżi kandidati fil-qasam tal-politika esterna u jevidenzja s-sinifikat tal-allinjament tagħhom mal-PESK;

30.  Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' strateġija politika komprensiva, immirata biex treġġa' lura l-ordni politiku Ewropew taħt id-dritt internazzjonali, stabbilit fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u li hu vinkolanti fuq l-istati Ewropej kollha, inkluża r-Russja; jinsisti li dan l-ordni hu bbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet minoritarji u l-libertajiet fundamentali, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-istati, u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li l-iżvilupp ta' djalogu kostruttiv mar-Russja u mal-istati l-oħra ġirien tal-UE fir-rigward ta' koperazzjoni biex dan l-ordni jissaħħaħ hu bażi importanti għall-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, dment li r-Russja tirrispetta d-dritt internazzjonali u tissodisfa l-impenji tagħha rigward il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina, inkluż l-irtirar mill-Krimea;

31.  Hu tal-fehma li hemm bżonn ta' approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant, abbażi ta' merti, differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar"; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ joqorbu lejn l-UE jrid ikun prijorità ewlenija tal-politika barranija tal-UE u li reazzjoni importanti biex jitrażżnu l-ambizzjonijiet tar-Russja fil-viċinat tagħha tkun li tinvesti fl-indipendenza, is-sovranità, l-iżvilupp ekonomiku u d-demokratizzazzjoni ulterjuri ta' dawn il-pajjiżi; hu impenjat favur il-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi ġirien tal-UE mill-Ewropa tal-Lvant u jfakkar li, skont l-Artikolu 49 TUE, huma - bħal kwalunkwe stat Ewropew ieħor — jistgħu japplikaw biex isiru membri tal-Unjoni Ewropea, sakemm jirrispettaw il-kriterji ta’ Kopenħagen u l-prinċipji tad-demokrazija, jirrispettaw il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem u dawk minoritarji, u jiggarantixxu l-istat tad-dritt;

32.  Jilqa' l-iffirmar, ir-ratifika mill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kkonċernati, u l-implimentazzjoni proviżorja tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi, mal-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, li jikkostitwixxu pass kruċjali fit-triq lejn il-konverġenza tagħhom mal-UE; hu tal-fehma li l-proċess ta’ assoċjazzjoni għandu jintuża mill-pajjiżi kkonċernati biex jimmodernizzaw il-governanza demokratika, isaħħu l-istat tad-dritt, jirriformaw l-amministrazzjoni pubblika u jwettqu riformi ekonomiċi u strutturali bħala pass importanti fil-konverġenza politika, ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom mal-UE; iħeġġeġ għal żieda sostanzjali fl-assistenza politika, finanzjarja u teknika tal-UE bħala appoġġ għal dawn ir-riformi; jinsisti, madankollu, fuq kundizzjonalità stretta u l-ħtieġa li tkun iggarantita r-responsabilità għar-riżorsi użati u li jinkiseb suċċess sinifikanti fit-tnaqqis tal-korruzzjoni; jilqa' l-iżvolġiment u r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fl-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova f’Ottubru u Diċembru 2014 rispettivament b'mod konformi mal-istandards demokratiċi internazzjonali;

33.  Jappella għal involviment mill-qrib ma' dawk il-ġirien mill-Ewropa tal-Lvant li għadhom ma kkonkludewx Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE jew li jixtiequ japprofondixxu u jsaħħu r-relazzjonijiet f'oqfsa differenti, anke permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali fl-oqsma ta' interess reċiproku; ifakkar, madankollu, li l-assistenza tal-UE tista' tkun effikaċi biss jekk ikun hemm biżżejjed sjieda tal-valuri Ewropej u rispett għalihom min-naħa tal-pajjiżi sħab, li għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali;

34.  Iħeġġeġ lir-Russja tonora l-impenji u l-obbligi ġuridiċi tagħha, inklużi dawk minquxa fil-Karta tan-NU, il-Karta ta' Pariġi, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, il-Memorandum ta' Budapest u t-Trattat dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija bejn ir-Russja u l-Ukraina; jikkundanna b'mod qawwi l-fatt li r-Russja kisret id-dritt internazzjonali permezz tal-aggressjoni militari diretta u l-gwerra ibrida tagħha kontra l-Ukraina, li rriżultaw f’eluf ta' vittmi ċivili u militari, kif ukoll fl-annessjoni u l-okkupazzjoni illegali tal-Krimea u f'azzjonijiet ta' natura simili fil-konfront tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, territorji tal-Ġeorġja; jevidenzja d-deterjorament allarmanti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà medjatika fil-Krimea; iħeġġeġ lir-Russja ttaffi l-kunflitt u tirtira t-truppi tagħha mit-territorju Ukrain u biex tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus quo li kien jeżisti qabel l-annessjoni; jilqa' l-isforzi li saru biex jintlaħaq ftehim komprensiv f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u jappella biex il-ftehim jiġi implimentat minnufih u kompletament; jirrespinġi, inkwantu illeġittimi, l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari li saru f'Donetsk u f'Luhansk fit-2 ta' Novembru 2014;

35.  Jappoġġa s-sanzjonijiet adottati mill-UE b'reazzjoni għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, u jisħaq fuq il-fatt li dawn huma skalabbli u riversibbli, u jiddependu b'mod speċjali fuq it-twettiq tal-ftehimiet ta' Minsk, iżda jistgħu wkoll jissaħħu jekk ir-Russja tkompli tonqos milli tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha; jappella lill-Kummissjoni biex toqgħod għassa għall-implimentazzjoni uniformi tagħhom;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha juru solidarjetà u jitkellmu b'leħen wieħed fil-konfront tar-Russja; jistieden lill-pajjiżi kandidati jallinjaw il-politika barranija tagħhom rigward ir-Russja ma' dik tal-UE; jappella lir-RGħ/VP biex tiżviluppa, bħala kwistjoni prijoritarja, strateġija komuni tal-UE dwar ir-Russja, immirata biex tiżgura impenn mir-Russja dwar il-paċi u l-istabilità fl-Ewropa, inkluż rispett inkondizzjonat għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-ġirien tagħha; jemmen li relazzjoni tajba bejn ir-Russja u l-UE, ibbażata fuq ir-rispett għad-dritt internazzjonali u għal obbligi internazzjonali oħra, tkun fl-interess komuni u jittama li r-Russja turi li hi disponibbli għal żvilupp ta' dan it-tip billi tirrispetta d-dritt internazzjonali;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ Ewropew koerenti fir-rigward tal-kampanji ta' miżinformazzjoni u l-attivitajiet propagandistiċi mwettqa mir-Russja kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippreżentaw pjan ta' azzjoni b'miżuri konkreti biex tiġi miġġielda l-propoganda Russa; jappella għal koperazzjoni maċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-NATO għall-Komunikazzjonijiet Strateġiċi rigward din il-kwistjoni;

38.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE u l-Istati Membri biex jiggarantixxu s-sikurezza u l-libertà tal-Insara u minoranzi reliġjużi oħra u gruppi etniċi li qed iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni u persekuzzjoni li dejjem qed jiżdiedu, u li jsibu ruħhom f'nofs il-ġlied; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ftehimiet bilaterali futuri jinkludu mekkaniżmi effikaċi ta' monitoraġġ għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi reliġjużi u implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

Appoġġ għas-sigurtà u l-istabbilizzazzjoni fil-viċinat tan-Nofsinhar

39.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir reviżjoni sostanzjali tal-politika tal-UE lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, li għandha tkun ikkaratterizzata minn riżorsi baġitarji adegwati u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija komprensiva li tiffoka l-istrumenti u r-riżorsi tal-UE fuq l-appoġġ għall-bini ta' stat funzjonanti u inklużivi li kapaċi jipprovdu sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom, jippromwovu d-demokrazija, jikkonfrontaw l-estremiżmu reliġjuż, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, jipproteġu l-minoranzi reliġjużi u etniċi u jsaħħu l-istat tad-dritt, bħala prekundizzjoni kruċjali għall-investiment u l-iżvilupp ekonomiku; jindika l-potenzjal mhux użat tal-kummerċ transkonfinali fir-reġjun; jinsisti fuq koperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;

40.  Jenfasizza li, meta tkun qed tipprovdi għajnuna u appoġġ, l-UE trid tinforza l-kundizzjonalitajiet, peress li l-programmi ta' għajnuna u appoġġ għas-soċjetà ċivili jistgħu jiġu sostnuti biss jekk ikunu stabbiliti kundizzjonijiet ċari fl-ogħla livell politiku;

41.  Jinsisti li l-approċċ rivedut tal-UE lejn il-ġirien tagħha fin-Nofsinhar għandu jkun ibbażat fuq id-differenzjazzjoni u l-prinċipju "aktar għal aktar", skont liema għandu jingħata appoġġ addizzjonali tal-UE lill-gvernijiet sħab li jimpenjaw ruħhom favur id-demokratizzazzjoni u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, u li qed jagħmlu progress tanġibbli f'dan ir-rigward, kif inhu l-każ bit-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk;

42.  Jiddispjaċih dwar id-deterjorament reċenti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u jappella għal sforzi mġedda biex tissawwar sħubija aktar b'saħħitha b'mod li jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà u dawk umanitarji fin-Nofsinhar tal-Mediterran; iħeġġeġ ulterjorment lit-Turkija taħdem fuq riformi li jikkonformaw kompletament mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-istampa, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt;

43.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE jiżviluppaw, b'koordinament mill-qrib mal-Istati Uniti u bl-involviment tal-potenzi ewlenin (eż. ir-Russja u ċ-Ċina), strateġija ta' inkoraġġiment għall-atturi reġjonali (inklużi t-Turkija, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, l-Eġittu, il-gvernijiet tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Iran, il-Lega Għarbija u l-forzi Kurdi) biex jingħaqdu sabiex iġibu tmiem għall-gwerer 'bi prokura' u jwaqqfu l-appoġġ finanzjarju lill-fundamentalisti, u biex jiżviluppaw soluzzjoni għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, b'mod partikolari bil-ħsieb li tintemm il-gwerra fis-Sirja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-integrità territorjali u l-għaqda nazzjonali tal-Libja u jħeġġeġ lir-RGħ/VP tipprovdi impetu għal involviment aktar qawwi tal-atturi reġjonali fir-rigward tal-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, b'koordinament mill-qrib man-NU; jilqa' n-negozjati attwali tal-E3+3 mal-Iran, u jittama li jwasslu għal ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku, li jiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tal-Iran u joffri l-prospett fit-tul ta' reintegrazzjoni sħiħa tal-Iran fil-komunità internazzjonali; jappoġġa l-impenn tar-RGħ/VP u tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani biex tinstab soluzzjoni komprensiva, kostruttiva u sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani li tkun vijabbli għaż-żewġ naħat; jisħaq fuq il-fatt li n-nuqqas ta' progress lejn soluzzjoni negozjata li twassal għall-eżistenza ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, qed iwassal biss għal aktar vjolenza u tixrid ta' demm;

44.  Jilqa' d-dikjarazzjoni li għamlet ir-RGħ/VP dwar il-ftuħ ta' uffiċċju f'Erbil, fil-Kurdistan Iraqi, u jħeġġeġ lir-RGħ/VP u lis-SEAE jiftħu uffiċċju ta' dan it-tip malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li dan kieku jippermetti li l-UE tiġbor informazzjoni fuq il-post, ittejjeb l-involviment tagħha mal-atturi lokali, tiżgura valutazzjoni u koordinament aħjar tar-reazzjonijiet umanitarji u militari u ttejjeb il-viżibilità tagħha fir-reġjun;

45.  Jitlob li jinħatar konsulent speċjali biex jivvaluta l-merti li tinfetaħ rappreżentanza diplomatika permanenti tal-UE fl-Iran;

46.  Huwa tal-fehma li l-attivitajiet kriminali u l-vjolenza barbarika mill-gruppi ġiħadisti terroristiċi involuti fl-hekk imsejjaħ Stat Islamiku (IS) u assoċjati miegħu jirrappreżentaw theddida kbira għar-reġjun usa’ tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA), għall-Ewropa, u potenzjalment għall-paċi u l-istabbiltà globali; jappoġġja l-koalizzjoni globali kontra l-IS u l-isforzi tagħha biex tiġġieled l-IS militarment; jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontributi tal-Istati Membri tal-UE f’dan il-kuntest u jinkoraġġixxi kooperazzjoni globali aktar mill-qrib u effiċjenti u djalogu bil-għan li tinkiseb valutazzjoni komuni tat-theddid; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni ta' pressjoni regolatorja globali deċiża biex iċċaħħad lill-ġiħadisti mid-dħul miż-żejt u biex jiġu applikati sanzjonijiet globali stretti kontra tranżazzjonijiet finanzjarji favur tagħhom; josserva f’dan ir-rigward li r-riżorsi finanzjarji għall-gruppi ġiħadisti qed jiġu anke minn xi pajjiżi Għarab, u li l-UE għandha titlob lil dawn il-pajjiżi juru aktar konsistenza; jindika l-ħtieġa urġenti li jiġi oppost l-użu tal-internet mill-gruppi ġiħadisti għar-reklutaġġ u l-propoganda; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali kif ukoll dik fi ħdan l-UE, iffukata fuq il-prevenzjoni ta’ estremisti milli jivvjaġġaw lejn is-Sirja u l-Iraq biex jissieħbu fil-ġlieda ġiħadista, inkluż investiment fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni nazzjonali u l-programmi ta’ deradikalizzazzjoni fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistemi biex issir ġustizzja mal-ġellieda Ewropej li jirritornaw lura, fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tal-liġi kriminali tagħhom; ifakkar fil-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn it-Turkija u l-UE;

47.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tar-reġjun biex jibqgħu juru impenn lejn il-gwerra kontra t-terroriżmu u biex joqogħdu lura minn azzjonijiet li jistgħu jikkawżaw tensjoni, nuqqas ta' qbil jew kriżi bejniethom jew joħolqu problemi addizzjonali fil-ġlieda tal-komunità internazzjonali kontra l-IS;

48.  Jikkundanna l-vjolenza brutali użata mir-reġim ta’ Assad kontra ċ-ċittadini Sirjani u jappella sabiex issir aktar pressjoni biex tinġieb tranżizzjoni politika ġenwina fis-Sirja, inkluż billi jiżdied l-appoġġ lill-oppożizzjoni Sirjana moderata;

49.  Jenfasizza l-fatt li f’ħafna oqsma tal-politika esterna tal-Unjoni lejn il-viċinat tan-Nofsinhar tagħha jrid ikun hemm ukoll rabta mal-Afrika; iqis li l-Afrika, b’mod partikolari fir-reġjun tas-Saħel-Saħara, hija taħt theddida strateġika, u jappella għal rispons adegwat tal-UE għal din it-theddida, inklużi miżuri fl-oqsma tal-iżvilupp ekonomiku, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u s-sigurtà; jinnota ż-żieda kontinwa fl-attivitajiet kriminali tat-terroristi tal-al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (AQIM), Al-Mourabitoun imwielda mill-fużjoni tal-Moviment tal-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u l-Brigata tal-Maskrati ta’ Mokhtar Belmokhta, u tal-Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel u jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta' din l-istrateġija;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-Ġordan u l-Libanu bħala sħab stabbli fil-Lvant Nofsani; ifakkar li dawn iż-żewġ pajjiżi qed jiffaċċjaw mewġa dejjem akbar ta’ refuġjati li tippreżenta sfidi soċjoekonomiċi enormi; ifaħħar l-assistenza kontinwa tal-pajjiżi ġirien lir-refuġjati mill-Iraq u s-Sirja; iħeġġeġ lill-mexxejja tal-UE biex jibdew sforzi globali, inkluż min-naħa tas-setgħat reġjonali, sabiex tiżdied bil-kbir l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet ċivili milquta mill-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq u mill-vjolenza tal-IS, b’mod partikolari bil-ħsieb li jappoġġjaw lir-refuġjati u jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi kollha fir-reġjun li jospitaw refuġjati biex b'hekk titrawwem l-integrazzjoni soċjali u tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni;

51.  Iħeġġeġ lill-UE tiżgura li l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi timxi id f’id mar-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet universali tal-bniedem;

Tisħiħ ta’ ordni globali kooperattiva bbażata fuq ir-regoli

52.  Jemmen li l-Istati Uniti huwa s-sieħeb strateġiku ewlieni tal-UE, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aktar mill-qrib u fuq l-istess livell mal-Istati Uniti dwar il-politika barranija tal-UE li tappoġġja d-dritt internazzjonali u lejn approċċi komuni għall-isfidi fil-viċinat tal-UE u fil-livell globali; jenfasizza n-natura strateġika ta’ Sħubija Transatlantika tal-Kummerċ u l-Investiment, li għandha l-potenzjal li tippermetti lis-sieħba transatlantiċi jistabbilixxu standards globali dwar ix-xogħol, is-saħħa, l-ambjent u l-proprjetà intelletwali u jsaħħu l-governanza globali; jitlob, f'dan ir-rigward, għal aktar ftuħ u trasparenza fin-negozjati u għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-istadji kollha tal-proċess; iqis li l-Amerika Latina hija sieħeb importanti tal-UE u li għandhom jiġu żviluppati diversi modalitajiet ta' kooperazzjoni transatlantika trijangolari;

53.  Jisħaq dwar il-bżonn li jkun hemm impenn għal kooperazzjoni u sħubiji strateġiċi ma’ diversi pajjiżi, b’aġenda ċara, u li jsir rieżami tas-sħubiji strateġiċi attwali fid-dawl tal-impatt tal-politiki tagħhom;

54.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tas-samit tan-NATO li sar f'Wales f'Settembru 2014 u jitlob l-implimentazzjoni tagħhom; jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tissaħħaħ u għandu jkun hemm ippjanar u koordinazzjoni aktar mill-qrib u msaħħa bejn id-difiża intelliġenti tan-NATO u l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-UE sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli; jerġa’ jtenni l-bżonn li jiġu rispettati l-politiki ta’ sigurtà ta’ dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija tal-UE, f’koordinazzjoni mal-Istati Uniti, fuq kif tista’ tinqasam ir-responsabbiltà mar-Russja, iċ-Ċina, l-Indja u segħat ewlenin oħra għall-paċi u l-istabbiltà tas-sistema politika u ekonomika globali; jindika l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-istati prinċipali fl-Asja kif ukoll l-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-ASEAN fil-kuntest ta’ din l-istrateġija;

56.  Jistieden lir-RGħ/VP biex issaħħaħ il-politika barranija tal-UE lejn l-Asja, speċjalment lejn iċ-Ċina u l-Indja; iħeġġeġ lir-RGħ/VP tiżgura li s-samits bilaterali maċ-Ċina u l-Indja jsiru fuq bażi annwali u jipprovdu riżultati tanġibbli;

57.  Jisħaq li l-paċi u l-istabbiltà fir-Reġjun tal-Asja tal-Paċifiku u fiż-żoni tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Baħar taċ-Ċina b’mod partikolari, huma ta’ importanza sostanzjali għall-UE; iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati fir-reġjun biex isolvu d-differenzi b’mod paċifiku, f’konformità mad-dritt internazzjonali, u biex jikkooperaw ma’ xulxin biex jisfruttaw ir-riżorsi naturali u tal-baħar; huwa favur li l-politiki Ewropej jiġu żviluppati u avvanzati abbażi tal-appoġġ tal-prevenzjoni attiva tal-kunflitti u l-istrateġiji tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti; huwa tal-fehma li l-UE għandha interess sostanzjali fit-tkabbir kontinwu u l-prosperità tal-Lvant tal-Asja; jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ is-sħubija ekonomika tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja tal-Paċifiku b’mod inklużiv sabiex jinżammu l-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità sostenibbli; jilqa’ t-titjib inkoraġġanti fir-relazzjonijiet madwar l-Istrett f’dawn l-aħħar sitt snin u jistieden lill-partijiet kollha jieħdu aktar miżuri biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp paċifiku tagħhom;

58.  Jistieden lir-RGħ/VP u l-Istati Membri tal-UE biex jagħtu impetu ġdid u sod lill-politika nnegozjata dwar id-diżarmament nukleari u l-kontroll tal-armi; jilqa’ r-rieżami li jmiss tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni min-naħa tan-NU bħala pass ewlieni lejn il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu pożizzjoni koordinata u proattiva fin-negozjati; jilqa’ d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jitlob l-implimentazzjoni effettiva u sħiħa tiegħu; jitlob il-ħolqien ta’ awtorità tal-UE għall-kummerċ tal-armi biex tassisti lill-Istati Membri fl-interpretazzjoni tan-normi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi u tassigura konformità konsistenti u stretta magħhom; jisħaq dwar il-bżonn ta’ verifiki ex post aħjar dwar l-użu ta’ armi esportati;

59.  Jiddikjara li l-UE, li fil-passat kellha suċċess fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt f’każijiet speċifiċi, għandha tieħu pożizzjoni aktar deċiżiva; jitlob lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri biex iżommu u jsaħħu l-impenn u r-rieda politika tagħhom fir-rigward ta' dan, bil-għan li l-piena tal-mewt titneħħa definittivament fid-dinja kollha;

60.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għal riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU), sabiex jirrifletti aħjar ir-realtajiet globali tal-lum; iħeġġeġ lir-RGħ/VP biex din issir prijorità u biex jinbeda dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tal-KSNU; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-UE għandha ssir membru sħiħ tan-NU;

61.  Itenni mill-ġdid il-bżonn li l-UE jkollha rwol mexxej fil-promozzjoni tal-firma universali u r-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma u biex tkompli ssaħħaħ u tappoġġja l-Qorti Kriminali Internazzjonali;

62.  Ifakkar fl-impenn sod tal-UE hija u tiġġieled l-impunità u tippromwovi l-universalità tal-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jilqa' r-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma min-naħa tal-Palestina; iqis li huwa ta' dispjaċir kbir li, għall-ewwel darba mindu twaqqfet il-QKI, l-UE ma ħarġitx dikjarazzjoni li tilqa' r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma minn pajjiż terz, jiġifieri l-Palestina, u jħeġġeġ lill-UE tirrikonoxxi pubblikament dan l-iżvilupp pożittiv; iħeġġeġ lill-UE tikkundanna kull miżura punittiva li tittieħed kontra l-Palestina talli eżerċitat id-dritt leġittimu tagħha li tirratifika dan it-Trattat;

63.  Jappella għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ sigurtà koerenti dwar il-klima fil-livell tal-UE li tindirizza l-konsegwenzi strateġiċi u politiċi tat-tibdil fil-klima, li tippermetti lill-UE tirrispondi u tħejji għall-instabbiltà ġeopolitika kkaġunata mill-klima, u li tingħata attenzjoni partikolari lill-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-aktar affettwati mill-impatti tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-importanza tas-Samit ta’ Pariġi li jmiss dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lis-SEAE sabiex jipprijoritizza d-diplomazija dwar l-għanijiet tat-tibdil fil-klima sabiex jibni appoġġ għal ftehim komprensiv u b’saħħtu; jitlob li jkun hemm dibattitu dwar strateġija li tħares ’il quddiem biex tindirizza l-migrazzjoni li qed isseħħ minħabba t-tibdil fil-klima;

64.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jikkontribwixxu b’mod pożittiv u koordinat għat-tfassil tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l- 2015, u jenfasizza r-rwol importanti tar-RGħ/VP fl-iżgurar tat-tmexxija tal-UE fin-negozjati; jenfasizza li l-qafas il-ġdid għandu jindirizza l-kawżi strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza u l-vjolenza bit-tisħiħ ta' istituzzjonijiet effettivi, inklużivi u demokratiċi, governanza tajba u l-istat tad-dritt;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Avviż legali