Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0228/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0079

Testi adottati
PDF 483kWORD 153k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
It-28 sessjoni tal-UNHRC
P8_TA(2015)0079RC-B8-0228/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015 (2015/2572(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza dwar kwistjonijiet bħal dawn,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013, u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-28 sessjoni tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja, tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

B.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f'konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi d-drittijiet kollha tal-bniedem – kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali – huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn;

D.  billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;

E.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

F.  billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

G.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għall-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

H.  billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma rikonoxxuti bħala fost l-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;

2.  Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;

3.  Jifraħ lil Zeid Ra'ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni li jappoġġa bl-iktar mod qawwi l-isforzi u l-mandat tiegħu;

4.  Jilqa' l-preżenza tas-Sa Mogherini, Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, fis-sessjoni ta' livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat messaġġ tajjeb rigward l-impenn qawwi tal-UE għas-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissarju Għoli jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;

6.  Ifakkar fl-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Proċeduri Speċjali tan-NU;

7.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, it-Tielet Kumitat u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;

8.  Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw l-kredibilità tal-UNHRC; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta' membri tal-UNHRC;

9.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-EPU, u jistieden lill-membri jħejju b'mod attiv l-EPU tagħhom, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jimpenjaw ruħhom fid-djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU u fid-dibattiti dwar l-adozzjoni tal-eżiti tal-EPU, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jirrispettaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jibqa' jopponi l-"block voting" fi ħdan il-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-votazzjoni tagħhom;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi kollha ta' politika tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi li bihom jappoġġaw lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

12.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikxfu każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta stati b'detenturi tal-mandati għal Proċedura Speċjali;

13.  Iqis li huwa importanti li jibgħat delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHRC u sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

14.  Iqis li hu ta' dispjaċir li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qiegħed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f'dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża' ta' ritaljazzjoni meta jmorru lura f'pajjiżhom;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

15.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta' kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta' kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f'Jannar 2015 ta' 12-il persuna, inklużi kartunisti fil-bini tar-rivista Charlie Hebdo u ta' 4 persuni f'supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta' direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f'Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;

16.  Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, li l-azzjonijiet tagħhom jinkludu attakki bil-pistoli u bombi, attakki suwiċida, serq ta' persuni u atti vjolenti oħra li jitterrorizzaw lill-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob għal sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi; iħeġġeġ għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt f'kull attività fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta' liġijiet ta' malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jerġa' jafferma li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża', ripressjoni jew intimidazzjoni, jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU, u jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina f'Marzu 2014 talli pprova jaqbad ajruplan biex jattendi l-UNHRC f'Ġinevra f'Settembru 2013;

19.  Itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

20.  Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha biex din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom għall-qerda tat-tortura u jappoġġaw lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu – jew, fejn applikabbli, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

21.  Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-ażil u rifuġjati u l-ksur tad-drittijiet tagħhom; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità inerenti tal-migranti, iwaqqfu għal kollox l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, jirrevedu l-perjodi ta' detenzjoni u jużaw alternattivi għad-detenzjoni, sabiex ma jkunx hemm detenzjoni eċċessiva ta' migranti irregolari; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f'kull ċirkostanza, il-prinċipju ta' non-refoulement u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta' migranti; jistieden lill-istati, f'każ li għadhom ma għamlux hekk, jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;

22.  Jappoġġa l-aħħar rapport u l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-HRC dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

23.  Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi sinifikanti kif ukoll tħassib serju; jilqa' f'dan il-kuntest, l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;

24.  Iħeġġeġ lill-UNHRC biex ikompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan il-għan, jaħtar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet diġitali;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

25.  Jinnota l-fatt li l-aġenda għall-iżvilupp postmillenjali tan-NU għandha l-mira li sal-2030 tkun qerdet il-faqar permezz ta' approċċ olistiku għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies bil-għan li jintemm il-faqar;

26.  Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b'mod partikolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;

27.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn ibiegħdu l-fondi minn investiment fuq servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b'hekk il-popolazzjonijiet jibqgħu maħkuma mill-faqar; ifakkar li, skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jisħaq, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

28.  Itenni l-appoġġ tiegħu biex jiġi stabbilit Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

29.  Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u lil hinn minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU (UNGPs), fosthom dawk b'rabta mal-aċċess għall-ġustizzja; jilqa' l-inizjattiva marbuta mar-regolament li jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' provvista għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni milquta mill-kunflitti; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn, u biex jappoġġaw sforzi li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex sa tmiem l-2015 tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;

30.  Iħeġġeġ lid-Delegazzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE bil-għan li jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jemmen li n-negozju u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin billi joħolqu potenzjal kummerċjali ġdid f'dawk ir-reġjuni li għandhom l-aktar bżonn ta' investiment sostenibbli u responsabbli, u billi jikkontribwixxu lejn ir-rispett ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

32.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;

Id-drittijiet tan-nisa

33.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li tinvolvi l-organizzazzjoni mill-ġdid, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex tiżgura l-inkorporazzjoni ta' approċċ ta' opportunitajiet indaqs fil-politiki kollha – fil-livelli u fl-istadji kollha – min-naħa ta' dawk li huma involuti fit-tfassil tal-politika, hija għodda importanti fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

34.  Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull tentattiv li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li ser tiġi riveduta fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fir-rigward, fost elementi oħrajn, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

35.  Josserva b'mod kritiku li, minkejja l-progress li sar s'issa fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fl-oqsma tal-familja u l-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum kawża tal-vjolenza domestika; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li f'xi pajjiżi ġie osservat rigress, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

36.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inklużi delitti bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u furzat, id-delitti għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jistieden mill-ġdid lill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

37.  Itenni wkoll l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;

38.  Jisħaq li l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija forma ta' tortura; jisħaq fuq il-ħtieġa kontinwa li l-UE għandha taħdem ma' pajjiżi terzi bil-għan li teqred il-prattika tal-MĠF; ifakkar lil dawk l-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkriminalizza l-MĠF li jeħtiġilhom jużaw din il-leġiżlazzjoni meta jinstab li ċ-ċittadini tagħhom ikunu ġarrbu MĠF;

39.  Jilqa' l-inklużjoni min-naħa tal-QKI ta' delitti sesswali u delitti bbażati fuq il-ġeneru, inklużi l-istupri, l-attakki sesswali u l-umiljazzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjoni tagħha li dawn id-delitti għandhom jitqiesu bħala delitti tal-gwerra;

Id-drittijiet tat-tfal

40.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;

41.  Jitlob lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-jasar tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u x-xogħol perikoluż li jolqtu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

42.  Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-istat huwa li jipprovdi l-edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inklużi r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, li għadhom jikkostitwixxu ostaklu kbir għal edukazzjoni primarja universali;

43.  Jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta' demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal ex-suldati tfal; ifakkar fl-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif espress waqt is-seduta ta' smigħ dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

44.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji, kif ukoll atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI, inklużi dawk fin-Niġerja u l-Gambja, fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda' li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assemblea, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

45.  Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi u individwi li jinsabu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u fi stati gżejjer li jinsabu fil-baxx u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali severi;

46.  Jinnota bi tħassib li l-popli indiġeni huma affettwati b'mod partikolari minn inċidenti relatati mat-tibdil fil-klima; jinnota, f'dan ir-rigward, li ħafna nies indiġeni jgħixu taħt is-soll tal-faqar u għandhom ftit jew xejn aċċess għal sistemi ta' rappreżentanza, ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew sistemi ġudizzjarji;

47.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;

48.  Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "refuġjat tal-klima", inkluża d-definizzjoni legali possibbli tagħha fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

49.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma; jilqa' r-ratifika reċenti tal-Istatut ta' Ruma min-naħa tal-Awtorità Palestinjana f'Jannar 2015;

Il-popli indiġeni

50.  Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsir monitoraġġ, valutazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapportaw b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;

L-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem

51.  Jikkundanna l-prattika dejjem tikber min-naħa ta' stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar ħafna bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jkomplu jirrestrinġu aktar id-dissens domestiku; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom ma' federazzjonijiet nazzjonali tal-isport, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-avvenimenti, anki fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropej f'Baku fl-2015, t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022;

Id-drones u l-armi awtonomi

52.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għall-iżvilupp ta' pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

53.  Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

54.  Jitlob lill-UE, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza wkoll li jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, skont l-obbligu tat-Trattat tal-UE, u li jiġu evitati standards doppji rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

55.  Jitlob lill-UE tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fl-investiment, fis-serrvizzi pubbliċi u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari

L-Ukraina

56.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jittama li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, ibbażat fuq l-ftehim ta’ Minsk, iżomm; jikkundanna l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem fil-kunflitt u l-konsegwenzi tal-ġlied riċenti; jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina, u jappella biex din tal-aħħar tissaħħaħ; jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin tal-persuni spustjati f’pajjiżhom (IDP) b'riżultat tal-kunflitt armat fir-reġjuni tax-Xlokk; jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea b'riżultat tal-politika aggressiva u espansjonista tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni lokali f'dan ir-reġjun, b'mod partikolari fuq it-Tatari tal-Krimea; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU biex jiġġieldu l-impunità u biex jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar l-avvenimenti vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mas-suppressjoni tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni illegali tal-Krimea, u l-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ukraina; jappella għar-rispett tad-dritt u l-prinċipji umanitarji internazzjonali biex jitħarsu ċ-ċivili fil-kunflitt;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

57.  Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat li r-RDPK tagħti kont tal-azzjonijiet tagħha, inkluż billi jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem itenni l-appell tiegħu għall-obbligu li jingħata kont, inkluż fir-rigward ta' dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-istat; jilqa' t-twaqqif ta' struttura bbażata fuq il-post fir-Repubblika tal-Korea biex issaħħaħ il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-evidenza bil-ħsieb li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont, iħeġġeġ lill-istati kollha jikkooperaw ma' din l-istruttura, u jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iżid l-attenzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni fir-RDPK billi jlaqqa' Panil formali fejn jinstemgħu il-vuċijiet tal-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet fil-kuntest tas-sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L-Iran

58.  Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran, inkluża għall-minorenni, li sikwit tiġi esegwita wara proċess ġudizzjarju li ma jilħaqx l-istandards minimi aċċettati internazzjonalment dwar proċessi imparzjali u smigħ ġust; għadu mħasseb dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet mingħajr proċess imparzjali jew smigħ ġust; jappoġġa d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw mill-qrib l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni hija ksur tal-istandards minimi internazzjonali, u biex ma jwettqu l-eżekuzzjoni tal-ebda delinkwent minorenni;

Il-Myanmar/Burma

59.  Jappoġġa r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li jidentifika l-oqsma ta' tħassib importanti li fadal; jistieden lill-gvern tal-Mjanmar jintegra d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, fil-qafas istituzzjonali u legali tal-pajjiż u fl-oqsma kollha ta' politika, u sabiex jirrispetta bis-sħiħ il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar il-"protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", li tinkludi erba' abbozzi ta' liġijiet dwar iż-żwieġ interreliġjuż, il-konverżjoni reliġjużi, il-monogamija u l-kontroll tal-popolazzjoni; jistieden lill-UNHRC ġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali taħt il-punt 4, biex itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza ta' Rohingya fl-Istat ta' Rakhine, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m’għandhiex status legali u b’hekk qed tkompli tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni sistematika, u jappella għal investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti fir-rapporti kollha ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya, u biex jitħaffef il-proċess tal-ftuħ ta' uffiċċju tal-OHCHR fil-pajjiż b'mandat sħiħ ta' monitoraġġ u rappurtar; jiddeplora l-attakki fuq persuni ċivili fl-Istati ta’ Kachin u Shan, il-vjolenza sesswali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà waqt il-kunflitt armat, l-eżistenza ta’ priġunieri politiċi, l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-professjonisti tal-midja, il-qtil extraġudizzjarju, il-konfiska tal-art, u l-attakki mmirati fuq minoranzi reliġjużi u etniċi; huwa tal-fehma li n-negozjar ta’ ftehim ta’ investiment bejn l-UE u l-Myanmar għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa, peress li l-investiment barrani fil-pajjiż għandu r-riskju li jkompli jħarrax vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Bjelorussja

60.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-vjolazzjoni li għadha qed titwettaq tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha permezz tal-Internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja fid-29 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali; jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri politiċi kollha li għad-fadal;

Il-Baħrejn

61.  Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ir-repressjoni fil-konfront tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-attivisti fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet ikkonċernati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku anzjan tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC ikompli jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn; Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress min-naħa tal-Gvern tal-Baħrejn fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jaħdmu sabiex waqt is-sessjoni ta' Marzu tal-UNHRC jadottaw riżoluzzjoni li titlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji li l-Baħrejn għamel waqt il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Baħrejn, u jitolbu li l-OHCHR jirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post u dwar il-progress imwettaq fil-kooperazzjoni tal-Baħrejn mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

L-Eġittu

62.  Jilqa' l-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles immedjatament u bla kundizzjoni lill-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha, kif ukoll lil dawk miżmuma arrestati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern Eġizzjan idaħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni li tkun konformi mal-istandards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt tal-assoċjazzjoni stipulat fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi u jagħti fondi, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan iniedi investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli għall-ordnijiet u t-twettiq ta' qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluża r-repressjoni tal-14 ta' Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Naħda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant; iħeġġeġ lill-Eġittu jwettaq investgazzjonijiet indipendenti, imparzjali, u effettivi tal-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu mill-2011 ’il hawn, inklużi d-delitti ta’ vjolenza sesswali, u biex jiżgura li l-awturi jagħtu kont u l-vittmi jingħataw rimedju adegwat skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkanċellaw immedjatament is-sentenzi tal-mewt kollha u jordnaw li l-proċessi jsiru mill-ġdid b’mod li jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u s-smigħ imparzjali, u jimponu moratorju immedjat fuq is-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, jeħilsu minnufih mill-arrest lill-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja detenuti kollha u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jippermettu ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa, li sar qbil dwarha fil-prinċipju, iżda li ilha pendenti sa minn kmieni fl-2014, u jistiednu l-mekkaniżmi u l-proċeduri rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU b’mod partikolari, lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tal-Għaqda, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, u r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jirtiraw immedjatament il-liġi Nru 136/2014 u jtemmu l-proċessi militari tal-persuni ċivili, kif ukoll iħassru s-sentenzi kollha maħruġa kontra persuni ċivili minn qrati militari u jordnaw li immedjatament jerġgħu jsiru l-proċessi quddiem qrati ċivili; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw dikjarazzjoni qawwija dwar dawk il-kwistjonijiet;

Il-Mali

63.  Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat elit fl-2012, flimkien mal-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; għadu mħasseb dwar id-deterjorament mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-sigurtà, l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta’ suldati tfal, u jistieden lill-Gvern tal-Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim ta’ paċi għall-poplu kollu tal-Mali, peress li huma se jkunu l-ewwel benefiċjarji wara xhur ta’ instabilità u nuqqas ta’ sigurtà, iżda jiddispjaċih dwar id-dewmien mitlub mir-ribelli tat-Tramuntana; jistieden lill-partijiet kollha jimxu fuq il-passi tal-Gvern tal-Mali u jiffirma minnufih il-ftehim li l-implimentazzjoni tiegħu se tkun moniterjata mill-UE, u biex jiżgura li l-ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jitlob li jkun hemm responsabilità, it-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u li l-persunal tal-forza tas-sigurtà jiġu eżaminat bir-reqqa;

Is-Sudan t'Isfel

64.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana tippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-bidu tal-kunflitt; jikkundanna l-ħtif ta' grupp ta' tfal żgħar f'Wau Shilluk fi Frar 2015, bil-ħsieb li dawn isiru suldati tfal; iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jadotta riżoluzzjoni li tenfasizza li investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli ta' delitti skont id-dritt internazzjonali huma essenzjali biex is-Sudan t’Isfel jikser iċ-ċiklu ta' brutalità li hu inkoraġġit mill-impunità, u jitlob, għal dan l-għan, li tingħata kunsiderazzjoni lill-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġudizzjarju ibridu u jkompli jħeġġeġ aktar lis-Sudan t’Isfel jaderixxi mal-Istatut ta' Ruma u jistabbilixxi mandat tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan t’Isfel, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu promossi prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli u miżuri usa' ta' obbligu ta' rendikont, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sri Lanka

65.  Jinnota l-wegħdiet li saru mill-Gvern elett il-ġdid tas-Sri Lanka, u jistiednu jieħu passi konkreti lejn l-obbligu ta’ rendikont bejn issa u t-30 sessjoni tal-UNHRC f’Settembru 2015 bil-ħsieb li tittieħed azzjoni skont il-wegħdiet tiegħu li jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u li jipprevjeni r-rigress, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, flimkien ma’ passi oħra biex tiġi indirizzata l-problema usa’ tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jikkoopera b’mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;

Is-Sirja

66.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja li rriżultaw mill-użu tal-vjolenza, l-ewwel u qabel kollox mir-reġim ta' Assad, iżda wkoll mill-Istat Iżlamiku/Da'esh u minn milizzji oħrajn kontra n-nies ċivili, speċjalment gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal; jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li d-Da'esh qed jesporta l-ideoloġija tiegħu barra l-pajjiż; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja, li jista' jammonta għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli sabiex jipproteġu liċ-ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU biex jitkellmu kontra l-vjolenza b’mod ċar u, b’mod partikolari, favur id-drittijiet tal-minoranzi, inkluża l-persekuzzjoni sistematika tal-Insara; jappella għall-ħelsien immedjat u bla ebda kundizzjoni tal-persuni kollha li ġew detenuti b’mod arbitrarju jew maħtufa b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jew attivitajiet politiċi paċifiċi oħra; jitlob appoġġ qawwi mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-obbligu ta’ rendikont u t-tiġdid tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU;

L-Iraq

67.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kunflitt drammatiku u vjolenti u l-kriżi umanitarja fl-Iraq; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sejra għall-agħar hekk kif l-IS/Da'esh u milizzji oħrajn qed jikkommettu ħtif u eżekuzzjonijiet fuq skala kbira u jippersegitaw il-minoranzi etniċi u reliġjużi tal-Iraq, inklużi l-Insara;

Il-Palestina/L-Iżrael

68.  Jikkundanna l-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-Ixtrixxa ta' Gaża mill-Ħamas u minn gruppi armati oħrajn u jesprimi tħassib serju dwar il-kriżi umanitarja f’Gaża; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jesprimu pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta (KtI) tan-NU u jiddenunzjaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ aċċess mogħtija mill-awtoritajiet Iżraeljani għall-KtI, permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika fl-HRC; jenfasizza li l-ġustizzja u r-rispett għall-istat tad-dritt huma l-bażijiet indispensabbli għall-paċi u jenfasizza li l-impunità prevalenti sistemika u li ilha sseħħ għal vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali għandha tieqaf; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta’ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina; jistieden lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI; jistieden lill-UE terġa’ tinvolvi ruħha mal-Punt 7 tal-HRC u tikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet li baqgħu għaddejjin fit-tul tad-dritt internazzjonali u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u tappoġġa t-tiġdid tal-mandat tal-KtI;

o
o   o

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Avviż legali