Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0236/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0080

Testi adottati
PDF 242kWORD 79k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Venezwela
P8_TA(2015)0080RC-B8-0236/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1) u tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tat-23 ta' Frar 2015 mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) u eks president tal-Kolombja, Ernesto Samper tal-25 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u dwar il-mewt tal-istudent ta' 14-il sena Kluivert Roa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tal-24 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Awwissu 2014 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni tad-dimostranti u l-politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2014/2015 tal-Amnesty International bit-titolu ''The State of the World's Human Rights'', ippubblikat fil-25 ta' Frar 2015, kif ukoll ir-rapport dwar il-Venezwela ta' Human Rights Watch bit-titolu ''New Military Authority to Curb Protests'', ippubblikat fit-12 ta' Frar 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Antonio Ledezma, li ġie elett demokratikament darbtejn bħala Sindku tad-Distrett Metropolitan ta' Karakas u li huwa wieħed mill-mexxeja tal-oppożizzjoni, fid-19 ta' Frar 2015 ġie arrestat arbitrarjament minn uffiċjali armati sew tas-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan (Sebin), li min-naħa tagħhom ma pproduċewx mandat ta' arrest jew evidenza li kien wettaq xi reat; billi wara d-detenzjoni, Antonio Ledezma ġie mixli b'komplott u assoċjazzjoni għat-twettiq ta' delitti – fil-Venezwela reati punibbli b'sentenzi ħarxa ta' priġunerija – u mitfugħ fil-ħabs militari ta' Ramo Verde;

B.  billi d-detenzjoni ta' persuni ċivili f'ħabs militari mhijiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; billi l-Venezwela għandha l-obbligu tiggarantixxi l-ħajja, it-trattament uman u s-sikurezza tal-persuni kollha mċaħħda mil-libertà, u li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jkunu konformi mal-istandards internazzjonali applikabbli;

C.  billi l-President Nicolas Maduro fuq ir-radju u t-televiżjoni nazzjonali ħabbar iż-żarmar ta' allegat pjan biex jiġi destabbilizzat il-gvern tiegħu permezz ta' kolp ta' stat, li kien jinvolvi t-tmexxija tal-Għaqda Demokratika Roundtable, il-membri tal-assemblea nazzjonali María Corina Machado u Julio Borges, u s-Sindku ta' Karakas, Antonio Ledezma; billi allegatament, dawn il-mexxejja tal-oppożizzjoni kienu wkoll involuti fi pjan biex jassassinaw il-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López, li ilu detenut f'ħabs militari għal aktar minn sena; billi mid-detenzjoni tiegħu, is-Sur López sofra tortura fiżika u psikoloġika u kien soġġett għal reklużjoni;

D.  billi l-President Maduro ħabbar ukoll allegazzjonijiet ta' konfoffi barranin strambi, pjanijiet ta' destabbilizzazzjoni u ta' attentati ta' qtil, li ġew rappurtati mill-amministrazzjoni nazzjonali f'diversi okkażjonijiet;

E.  billi, fil-passat, il-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika ġew akkużati ripetutament u mingħajr bażi li pparteċipaw fi pjanijiet allegati ta' destabbilizzazzjoni u ta' kolpi ta' stat; billi l-intimidazzjoni u t-trattament ħażin tal-mexxejja tal-oppożizzjoni li ntefgħu l-ħabs kif ukoll tal-istudenti li pparteċipaw fil-protesti tal-2014 żdiedu; billi Leopoldo López, Daniel Ceballos u politiċi oħra tal-oppożizzjoni għadhom detenuti arbitrarjament, filwaqt li María Corina Machado tneħħiet mill-kariga illegalment u arbitrarjament u mkeċċija mill-Parlament tal-Venezwela, filwaqt li l-Gvern tal-Venezwela qed jhedded li jneħħi l-immunità tad-deputat Julio Borges;

F.  billi l-preżunzjoni ta' innoċenza tista' titqies miksura f'każ li persuna li qed taffaċċja akkużi kriminali tkun soġġetta għal detenzjoni qabel il-proċess mingħajr ma tingħata ġustifikazzjoni adegwata, billi f'dan il-każ id-detenzjoni issir kastig aktar milli miżura ta' prekawzjoni;

G.  billi, skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, sena wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi 1 700 dimostranti li ħadu sehem fil-protesti qegħdin jistennew il-proċess, 69 oħra għadhom il-ħabs, u tal-anqas 40 oħra nqatlu fil-protesti, filwaqt li min qatilhom għadu ma refax ir-responsabbiltà; billi d-dimostranti ħabbtu wiċċhom ma' l-użu ta' forza eċċessiva u vjolenza sistematika mill-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi vjolenti u mhux kontrollati favur il-gvern;

H.  billi stat demokratiku ma għandux jikkriminalizza l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika u għandu jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tas-setturi kollha fil-ħajja politika tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni, kif iddikjarat mill-Human Rights Watch fl-24 ta' Frar 2015;

I.  billi l-membri tal-Qorti Suprema ċaħdu fil-miftuħ il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, wegħdu pubblikament li jimpenjaw ruħhom sabiex jippromwovu l-aġenda politika tal-gvern, u qatgħu kemm-il darba sentenzi favur il-gvern u b'hekk ivvalidaw in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-gvern għad-drittijiet tal-bniedem; billi f'Diċembru 2014, il-maġġoranza favur il-gvern fl-Assemblea Nazzjonali ħatret 12-il membru ġdid tal-Qorti Suprema permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, wara li ma rnexxilhiex tikseb maġġoranza ta' żewġ terzi, li biex tiksibha kien jeħtiġilha tilħaq kunsens mal-oppożizzjoni;

J.  billi r-Riżoluzzjoni Nru 8610 il-ġdida tal-Ministeru għad-Difiża tippermetti lill-militar juża armi tan-nar biex jikkontrolla ''laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet paċifiċi''; billi skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-użu ta' armi tan-nar u sustanzi tossiċi għall-kontroll ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi huwa pprojbit; billi skont l-istandards internazzjonali, l-użu tal-forzi militari f'operazzjonijiet tas-sigurtà pubblika għandu jkun limitat;

K.  billi fl-24 ta' Frar 2015 inqatel student ta' 14-il sena bl-isem ta' Kluivert Roa matul dimostrazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ikel u l-mediċini f'San Cristóbal, fl-Istat ta' Táchira, l-ewwel vittma minn meta ġie awtorizzat l-użu ta' armi tan-nar fit-trażżin tal-protesti; billi fil-25 ta' Frar 2015 l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddikjara li uffiċjal tal-pulizija ġie akkużat b'omiċidju intenzjonat, fost delitti oħra;

L.  billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundamentali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr ir-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi jeżistu bosta rapporti li jikkonfermaw li l-midja qed tkun soġġetta għal ċensura u intimidazzjoni dejjem akbar;

M.  billi l-Venezwela hija l-pajjiż bl-akbar riżervi ta' enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn nuqqas serju ta' komoditajiet bażiċi, billi l-prezzijiet tal-ikel irdoppjaw u r-razzjonar tal-ikel intensifika; billi n-nuqqas min-naħa tal-istat li jżomm il-liġi u l-ordni u l-polarizzazzjoni politika dejjem tikber wasslu biex il-Venezwela ssir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja;

N.  billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd imwettaq fi spirtu ta' tolleranza li jista' jgħin lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

O.  billi "Mesa de dialogo" (djalogu madwar mejda) bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kien beda, u sfortunatament ġie interrott mingħajr suċċess;

P.  billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi huma element fundamentali tal-politika kummerċjali komuni tal-UE u għaldaqstant parti integrali mill-politika għall-azzjoni esterna tagħha, u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment dirett barrani (IDB) huwa kompetenza esklussiva tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-TFUE;

Q.  billi l-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali, peress li ġie elett bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-16 ta' Ottubru 2014;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni li sejra lura fil-Venezwela, u jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirrilaxxaw b'mod immedjat lil Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u lid-dimostranti paċifiċi kollha, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni kollha li qed jinżammu detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom, u dan skont it-talbiet li saru minn bosta korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi mingħajr bażi kontrihom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha jingħataw kull attenzjoni medika meħtieġa, kif ukoll aċċess immedjat, privat u regolari għall-qrabathom u għall-avukati tal-għażla tagħhom; jinsab imħasseb sew dwar il-kundizzjoni tal-priġunieri, li sejra għall-agħar;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex iwaqqaf il-persekuzzjoni u r-ripressjoni politika tal-oppożizzjoni demokratika u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, u jħeġġeġ li tintemm iċ-ċensura tal-midja; ifakkar lill-awtoritajiet li l-ilħna tal-oppożizzjoni huma indispensabbli għal soċjetà demokratika;

4.  Jikkundanna l-qtil b'arma tan-nar ta' Kluivert Roa u sitt studenti oħra, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jistieden lill-Gvern biex jirrevoka r-Riżoluzzjoni 8610 li ġiet ippubblikata dan l-aħħar,, li tippermetti lill-forzi tas-sigurtà biex jużaw forza possibbilment letali, b'arma tan-nar jew arma oħra potenzjalment letali biex trażżan protesti ċivili, li tmur kontra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni Venezwelana;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jikkonforma mal-Kostituzzjoni tiegħu stess u l-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika, u l-pluraliżmu politiku, li huma pedamenti tad-demokrazija; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jinħoloq ambjent fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza li bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali;

6.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan jiżgura li l-akkużi jkunu investigati malajr u b'mod imparzjali, bl-ebda marġni ta' impunità u b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta' proċess ġust; ifakkar li r-rispett tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat huwa fundamentali f'demokrazija, u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża bħala arma politika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li protesti ġodda jwasslu għal aktar atti ta' vjolenza, li se jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw saħansitra aktar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jitlob lir-rappreżentanti tal-partijiet kollha u l-membri tas-soċjetà Venezweljana jżommu l-kalma kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fil-kliem; iwissi kontra kwalunkwe pass li jista' jwassal għal atmosfera ta' tensjoni u ta' rigress, li jista' jwassal biex l-oppożizzjoni demokratika tkun deleġittimizzata u ssir illegali u/jew l-elezzjonijiet jiġu kanċellati;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f'sena ta' elezzjoni, l-oppożizzjoni politika kienet vittma ta' detenzjoni arbitrarja u attakki, li jistgħu jqajmu dubju kemm dwaril-leġittimità kif ukoll dwar l-eżitu tal-proċess elettorali;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela, fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, jużaw dan il-perjodu sabiex jistabbilixxu proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu nazzjonali ġenwin li fih jipparteċipaw b'mod sinifikanti s-setgħat politiċi demokratiċi kollha fil-qafas tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll liż-żewġ naħat jiddiskutu l-aktar problemi serji li qed jaffaċċja l-pajjiż biex b'hekk isiru r-riformi ekonomiċi u ta' governanza meħtieġa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li jsiru elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi ħdan proċess kompletament inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha; jitlob lill-atturi kollha tal-politika jżommu l-ġlieda politika fil-konfini tal-ordni kostituzzjonali, u jirreżistu kwalunkwe pressjoni li jirradikalizzaw l-azzjonijiet tagħhom;

10.  Jinkoraġġixxi lis-sħab reġjonali tal-Venezwela, bħall-UNASUR u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, sabiex jiftħu kanali ta' djalogu u ta' fehim bejn il-partijiet kunfliġġenti, u jiggarantixxu s-sikurezza u l-ħarsien tal-pubbliku, u li jerġgħu jsaltnu l-kalma u n-normalità fil-Venezwela;

11.  Iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali jagħmlu dikjarazzjonijiet u jieħdu miżuri sabiex juru solidarjetà mal-poplu tal-Venezwela matul dan il-perjodu diffiċli;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesploraw u jadottaw kull miżura meħtieġa sabiex iħarsu l-interessi Ewropej u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika tal-intrapriżi Ewropej fil-Venezwela;

13.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela u l-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu josservaw mill-qrib l-investigazzjonijiet u s-smigħ tal-proċessi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

14.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tappella għall-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ilhom arrestati arbitrarjament minn meta bdew il-protesti;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
(3) ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 84.

Avviż legali