Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2039(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2015

Testi mressqa :

A8-0121/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 22
CRE 27/04/2015 - 22

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0107

Testi adottati
PDF 384kWORD 128k
It-Tlieta, 28 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Segwitu tal-implimentazzjoni għall-proċess ta' Bolonja
P8_TA(2015)0107A8-0121/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja (2015/2039(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, mill-erba' ministri responsabbli minn dan il-qasam għal Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, iffirmata f'Pariġi fil-25 ta' Mejju 1998 (id-Dikjarazzjoni ta' Sorbonna)(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Bolonja ffirmata fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikat maħruġ mill-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja li saret f’Leuven u Louvain-la-Neuve, fit-28 u d-29 ta’ April 2009(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li uffiċjalment varat iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA)(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikat maħruġ mill-Konferenza Ministerjali u t-Tielet Forum Politiku ta’ Bolonja li saru f’Bukarest, fis-26 u s-27 ta’ April 2012(5),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Mobilità 2020 għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA) adottata mill-Konferenza Ministerjali tal-EHEA li saret f’Bukarest, fis-26 u s-27 ta’ April 2012(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ( "ir-Regolament tal-IMI")(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal żjara qasira uniformi għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika(8),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja(9),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL)(10),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(11),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament(12),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(13),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel(14),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu "Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ(15),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2006 bit-titolu "Inwasslu għar-riżultati tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni" (COM(2006)0208),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu 'Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa' (COM(2011)0567),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Higher Education in Europe 2009: Developments in the Bologna Process" (L-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2009: Żviluppi fil-Proċess ta’ Bolonja) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2009)(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Focus on Higher Education in Europe 2010: The Impact of the Bologna Process’’ (Ħarsa Lejn l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2010: l-Impatt tal-Proċess ta’ Bolonja) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2010)(17),

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “The European Higher Education Area in 2012: Bologna Process Implementation Report" (Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja fl- 2012: Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja ) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2012)(18),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2007 tal-Ewrobarometru dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost il-professjonisti tat-tagħlim(19),

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2009 tal-Ewrobarometru dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-istudenti(20),

–  wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Eurostat tas-16 ta' April 2009 bit-titolu "The Bologna Process in Higher Education in Europe – Key indicators on the social dimension and mobility" (Il-Proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa – Indikaturi ewlenin dwar id-dimensjoni soċjali u l-mobilità)(21),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f’Yerevan, fl-Armenja, fit-8 u d-9 ta’ Settembru 2011(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-mobilità tal-istudenti(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar "Id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej"(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni u l-progress tal-Proċess ta' Bolonja(25),

–  wara li kkunsidra l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)(26),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0121/2015),

A.  billi l-importanza tal-Proċess ta’ Bolonja fis-sitwazzjoni ekonomika attwali għandha tkun fit-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp tal-ogħla livell possibbli tal-għarfien u l-innovazzjoni għaċ-ċittadini permezz ta’ aċċess wiesa’ għall-edukazzjoni u l-aġġornament kontinwu tiegħu, u billi dan għandu jkun rifless fir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta' Juncker;

B.  billi l-analiżijiet juru li kważi wieħed minn kull tliet impjegaturi fl-UE jkollu l-problemi biex isib impjegati b’ħiliet xierqa; billi mil-lat tal-għan li jitnaqqas in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE (id-distakk bejn il-ħiliet tal-individwu għall-impjieg u d-domanda tas-suq tal-impjiegi) ir-riforma ta' Bolonja sa issa ma kinitx ta' suċċess kbir; billi n-nuqqas tat-tlaqqigħ tal-ħiliet sar sfida ċentrali għall-Ewropa, li taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà, mill-produttività u l-effiċjenza tan-negozji sal-benessri attwali u futur taż-żgħażagħ;

C.  billi l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma ttejbitx wisq mill-bidu tal-kriżi fl-2008 'il hawn; billi fl-aħħar tal-2014 fl-UE kien hemm madwar 5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' taħt l-età ta' 25 sena li kienu qiegħda;

D.  billi, kif intqal minn wieħed filosfu, "it-tiftix għall-verità u s-sbuħija għandu jkun il-karatteristika tal-Universitajiet", minbarra d-dmir tagħhom li jħejju professjonisti, xjentisti, inġiniera, għalliema, tobba, politiċi u ċittadini ġodda;

E.  billi huwa importanti li l-universitajiet jitqiesu bħala l-atturi ewlenin reali tal-Proċess ta' Bolonja, lil hinn mir-rwoli ta' appoġġ f'dawk li huma koordinazzjoni, regolazzjoni u riżorsi tal-istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali;

F.  billi din l-inizjattiva intergovernattiva, imwettqa b’kooperazzjoni mas-settur akkademiku, involviet sforzi biex jingħata rispons Ewropew komuni għal problemi serji f’ħafna pajjiżi, iżda dawn ma kinux biżżejjed;

G.  billi l-iskop reali tal-Proċess ta’ Bolonja huwa li jiġu appoġġati l-mobilità u l-internazzjonalizzazzjoni, kif ukoll li jiġu żgurati l-kompatibilità u l-komparabilità fl-istandards u l-kwalità ta’ sistemi differenti ta' edukazzjoni għolja filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tal-universitajiet u b’hekk jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ żona Ewropea ġenwinament demokratika li toffri opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini;

H.  billi jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-progress li sar tul dawn l-aħħar 15-il sena li tieħu kont kemm tal-istorja tas-suċċess f'dik li hi kooperazzjoni intrareġjunali u kemm tal-problemi persistenti li ġew iffaċċjati u n-nuqqas ta’ uniformità fl-ilħuq tal-għanijiet iddikjarati;

I.  billi filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-Proċess ta' Bolonja kien qed jiggwida u jimmotiva r-riformi edukattivi, f'xi pajjiżi jista' jidher bħala piż burokratiku minħabba komunikazzjoni żbaljata u nuqqas ta' fehim tal-viżjoni vera tiegħu;

J.  billi huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi l-karattru pan-Ewropew tal-Proċess ta’ Bolonja, kif ukoll l-involviment tal-atturi kollha tiegħu, inklużi l-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal li ma jgħallmux;

K.  billi huwa kruċjali li jingħata appoġġ finanzjarju kontinwu u akbar għall-edukazzjoni, it-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, l-għarfien u r-riċerka, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika;

L.  billi f'dan il-kuntest li qed dejjem jinbidel hemm il-ħtieġa li jiġi affermat mill-ġdid l-impenn politiku sottostanti għall-Proċess ta' Bolonja u l-involviment tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-gvernijiet nazzjonali u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fit-twettiq tal-proċess;

Ir-rwol tal-Proċess ta’ Bolonja

1.  Jinnota li l-edukazzjoni u r-riċerka huma wieħed mill-pilastri ewlenin tas-soċjetà tagħna meta niġu biex nippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li investiment akbar fl-edukazzjoni huwa kruċjali biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv u effettiv il-faqar, l-inugwaljanzi soċjali u l-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u titrawwem l-inklużjoni soċjali;

2.  Jinnota li l-Proċess ta’ Bolonja jista’ jgħin biex jiġi indirizzat b'mod deċiżiv in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE li kieku kellu jagħti l-opportunità lill-istudenti li jiksbu u jiżviluppaw il-kompetenzi meħtieġa mis-suq tax-xogħol, u li meta qed jagħmel dan ikun jista’ jilħaq l-għan importanti li tissaħħaħ l-impjegabbiltà tal-gradwati;

3.  Jinsab konxju mir-rwol li l-Proċess ta' Bolonja għandu fil-ħolqien ta’ Ewropa ta’ Għarfien; jenfasizza li t-tixrid tal-għarfien, l-edukazzjoni u r-riċerka huwa element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għat-trawwim taċ-ċittadinanza Ewropea; jenfasizza wkoll, madankollu, il-bżonn li ssir konsulatazzjoni fi ħdan il-komunità tal-edukazzjoni għolja (għalliema, studenti u ħaddiema li ma jgħallmux) sabiex wieħed jifhem l-oppożizzjoni għar-riformi marbuta mal-Proċess ta' Bolonja, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ggarantita edukazzjoni pubblika li tkun bla ħlas u aċċessibbli għal kulħadd u li twieġeb għall-bżonnijiet tas-soċjetà;

4.  Jinnota li r-riformi ta’ Bolonja rriżultaw fil-varar ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA), u ppermettew li jsiru kisbiet f’dawn l-aħħar 15-il sena billi ġabu l-istrutturi tal-edukazzjoni għolja aktar komparabbli, żiedu l-mobilità, ipprovdew sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u fir-rikonoxximnet tad-diplomi, fit-titjib tal-kwalità tas-sistemi edukattivi kif ukoll l-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa;

5.  Jinnota li għad baqa' ħafna xogħol xi jsir fil-Proċess ta' Bolonja fil-qasam tal-aġġustament tas-sistemi edukattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u fil-qasam tat-titjib tal-impjegabbiltà u l-kompetittività b'mod ġenerali, kif ukoll l-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa; jinnota li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (IEGħ) Ewropej għandhom ikunu kapaċi jwieġbu malajr għat-tibdil ekonomiku, kulturali, xjentifiku u teknoloġiku fis-soċjetà moderna sabiex jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom ħalli jinkoraġġixxu t-tkabbir, l-impjegabbiltà u l-koeżjoni soċjali;

6.  Jinnota l-għanijiet għas-snin li ġejjin, u l-prijoritajiet nazzjonali għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sal-2015, kif deskritti fil-qosor mill-Konferenza Ministerjali tal-EHEA tal-2012 f'Bukarest, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-istrateġija ta’ mobilità tal-EHEA tal-2020, filwaqt li jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ osservatorji ġodda, approċċi ġodda għad-diversi komunitajiet universitarji Ewropej, u sistemi ġodda għall-integrazzjoni tal-membri ta’ dawn il-komunitajiet universitarji fil-proċess ta’ riforma għal dan il-Pjan;

Il-prijoritajiet u l-isfidi

7.  Jistieden lill-pajjiżi tal-EHEA jimplimentaw riformi komuni li sar qbil dwarhom immirati lejn it-tħaffif tal-ilħuq tal-għanijiet tal-Proċess ta’ Bolonja, u jsaħħu l-kredibilità tal-EHEA; jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi; jappoġġa, f’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ sħubijiet wiesgħa bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu iżjed u jaġġornaw il-valutazzjoni tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja, skont l-istandards li ġew stabbiliti qabel mis-sistemi edukattivi fil-livell internazzjonali u jippremjaw l-eċċellenza bil-ħsieb li jmexxu 'l quddiem l-għarfien, ir-riċerka u x-xjenza;

9.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ppreservata d-diversità fit-tagħlim, inkluża d-diversità tal-lingwi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għotjiet tal-istudenti u jiżguraw li jkunu faċilment aċċessibbli;

10.  Jinnota l-ħtieġa li jsiru sforzi ulterjuri sabiex l-EHEA tiġi żviluppata, u wieħed jibni fuq il-progress li sar fl-ilħuq tal-objettivi tagħha u f’koordinazzjoni maż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ, iż-Żona Ewropea ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (LLL) u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

11.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha kkonċernati mill-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja biex isaħħu l-assigurazzjoni tal-kwalità sabiex isseħħ żona Ewropea ta' edukazzjoni għolja li ttejjeb l-attrazzjoni tagħha bħala referenza ta' eċċellenza akkademika mad-dinja kollha;

12.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-pajjiżi tal-EHEA u lill-UE kollha kemm hi, biex jinkoraġġixxu l-għarfien pubbliku tal-Proċess ta’ Bolonja u l-appoġġ għalih, inkluża azzjoni fil-livell l-aktar bażiku biex jinkiseb involviment aktar effettiv u dinamiku fl-ilħuq tal-għanijiet tiegħu;

13.  Jirrimarka li l-Kummissjoni, bħala membru tal-Proċess ta’ Bologna, għandha rwol importanti fl-iżvilupp l-EHEA, u jitlobha biex tkompli r-rwol tagħha fir-rilanċ tal-Proċess u fit-tħaffif tal-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati;

14.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li fis-settur terzjarju tiġi inkluża l-kwalità tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-għanijiet iddikjarati; iqis li wieħed mill-indikaturi tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet għandu jkun li tiżdied l-impjegabbiltà tal-gradwati, li huwa wkoll objettiv tal-istrateġija Ewropa 2020;

15.  Jitlob li jsir djalogu bejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (IEGħ) sabiex jitqiegħed fil-mira u jiġi massimizzat l-użu tal-fondi disponibbli u jiġu mfittxija mudelli ġodda u diversi għall-finanzjament biex jikkomplimentaw il-finanzjament pubbliku; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Orizzont 2020 biex imexxi proġetti ta' riċerka kollaborattivi fost l-IEGħ Ewropej u jinsab imħasseb dwar l-attentati kontinwi biex jinqata' l-finanzjament tiegħu filwaqt li oqsma oħrajn tal-baġit jibqgħu mhux ikkontestati;

16.  Jistieden lill-gvernijiet itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-finanzjament pubbliku fl-edukazzjoni u jirrispettaw il-mira ewlenija tal-UE li jiġu investit fir-R&Ż 3 % tal-PDG tal-UE sal-2020; jenfasizza li l-finanzjament ambizzjuż tal-edukazzjoni u r-riċerka huwa meħtieġ, peress li jikkostitwixxu wieħed mill-għodod ewlenin biex jiġi żgurat l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, kif ukoll biex jiġu miġġielda l-kriżi ekonomika u l-qgħad;

17.  Jinnota l-opportunitajiet ta' finanzjament potenzjali għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li għandhom jiġu pprovduti mill-FEIS; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għat-tnaqqis ippjanat fil-fondi għal Orizzont 2020 li huma konnessi direttament mar-riċerka u l-edukazzjoni, favur l-FEIS;

18.  Iwissi li kwalunkwe tnaqqis f’Orizzont 2020 bla dubju se jaffettwaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Proċess ta’ Bolonja, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirtira kwalunkwe proposta bħal din;

19.  Jinkoraġġixxi kemm l-approċċ minn fuq għal isfel u kemm l-approċċ minn isfel għal fuq, li jinvolvu l-komunità akkademika kollha kemm hi u s-sħab soċjali, u jitlob li jkun hemm l-impenn politiku u l-kooperazzjoni tal-Ministri tal-EHEA fl-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-kisba tar-riformi ta’ Bolonja;

20.  Jitlob għall-iżvilupp ulterjuri ta’ programmi ta’ studju b’objettivi ddefiniti b’mod ċar, li jipprovdu l-għarfien u t-taħlita ta’ ħiliet, kemm ġenerali u kemm professjonali, li huma meħtieġa mhux biss biex il-gradwati jkunu mħejjija għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jibnu l-kapaċità tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja (LLL), iżda wkoll u b’mod kruċjali biex iċ-ċittadini jiġu integrati; jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki professjonali;

21.  Jenfasizza r-rwol tad-dixxiplini XTIM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika) u l-importanza tagħhom għas-soċjetà, l-ekonomija u l-impjegabbiltà tal-gradwati;

22.  Jitlob għall-implimentazzjoni korretta tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u s-Suppliment tad-Diploma fl-EHEA, bħala l-għodod ewlenin marbuta mal-ammont ta' xogħol u r-riżultati tat-tagħlim tal-istudenti, sabiex tiġi faċilitata l-mobilità u l-istudenti jiġu megħjuna jikkompilaw il-kisbiet akkademiċi u ekstrakurrikulari tagħhom;

23.  Jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti r-rikonoxximent reċiproku u l-kompatibilità tal-lawrji akkademiċi għat-tisħiħ tas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità fuq livell Ewropew u fil-pajjiżi kollha li ngħaqdu mal-EHEA, skont il-verżjoni riveduta tal-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESG) fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja; jistieden lill-pajjiżi kollha tal-EHEA u lill-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità rispettivi tagħhom, biex jingħaqdu fin-netwerks Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità (ENQA u EQAR);

24.  Iħeġġeġ lis-sħab tal-Proċess ta' Bolonja u b'mod speċjali lill-Kummissjoni biex b'mod regolari jkejlu n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-kompetenzi u l-ħiliet fil-mument meta l-gradwati jidħlu fid-dinja tax-xogħol;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-għan tal-istrateġija Ewropa 2020 skont liema għan 40 % ta' dawk li għandhom bejn it-30 u l-34 sena suppost li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja u jkunu kisbu l-ħiliet u l-kompetenzi xierqa biex isibu impjieg li jissodisfahom;

26.  Jenfasizza l-valur tal-Qofsa tal-Kwalifiki (QK) sabiex tittejjeb it-trasparenza, u jistieden lill-pajjiżi kollha tal-Proċess ta’ Bolonja jagħmlu l-QK nazzjonali tagħhom kompatibbli ma’ dawk tal-EHEA u mal-QK Ewropej;

27.  Jenfasizza li l-Qofsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) f'ħafna Stati Membri għad jonqoshom jiġu aġġustati għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) kif ukoll għall-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESG); jinnota li ħafna NQFs għadhom mhumiex irreġistrati fir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR);

28.  Jinnota li l-mobilità tal-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal li ma jgħallimx hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Proċess ta’ Bolonja; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-opportunitajiet għal mobilità u l-kwalità, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Mobiltià 2020 għall-EHEA u wkoll li tintlaħaq mira kwantitattiva ta’ 20 % għall-mobilità tal-istudenti sal-2020; f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol kruċjali tal-programm Erasmus + u Orizzont 2020, u l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-promozzjoni bla xkiel u effiċjenti tagħhom; jenfasizza li l-għotjiet għall-istudju li jappartjenu lill-Erasmus+ għandhom ikunu eżentati mit-taxxa u mill-imposti soċjali;

29.  Jitlob għall-inkorporazzjoni gradwali tal-mobilità tal-istudenti fil-kurrikuli universitarji uffiċjali;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti għadd xieraq ta’ studenti u persunal li jgħallem fl-oqsma tal-arti u l-mużika fil-programmi ta’ mobilità tal-UE;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jivvalutaw, fil-qasam tal-kriterji ta’ klassifikar għall-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ għoli, il-livell tas-sħubija u tal-mobilità Ewropea u internazzjonali li jippromwovu;

32.  Jinnota r-rwol ċentrali tal-IEGħ fil-promozzjoni tal-mobilità u fil-produzzjoni ta' gradwati u riċerkaturi b'għarfien u ħiliet li jippermettulhom jagħmlu suċċess permezz tal-impjegabbiltà fl-ekonomija globali;

33.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-UE u lill-EHEA jsaħħu l-mobilità billi jrawmu t-tagħlim tal-lingwi, ineħħu l-ostakli amministrattivi, jipprovdu mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju adegwat u jiggarantixxu t-trasferibilità tal-għotjiet, il-boroż ta' studju u l-krediti; jinnota li l-mobilità tibqa’ inqas aċċessibbli għall-istudenti li ġejjin minn sfondi inqas sinjuri;

34.  Jenfasizza, fir-rigward kemm tat-tfassil u kemm tat-twettiq tal-programmi, il-bidla fil-paradigma edukattiva lejn approċċ iktar iċċentrat fuq l-istudenti li jinkludi l-iżvilupp personali tal-istudenti; jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-governanza tal-edukazzjoni għolja;

35.  Jissottolinja li l-programmi ta' studju għandhom jiffokaw fuq id-domandi fit-tul tas-suq; jenfasizza wkoll li l-impjegabbiltà tfisser li l-istudenti għandu jkollhom ħakma ta' firxa wiesgħa ta' kompetenzi differenti li jħejjuhom għas-suq tax-xogħol u jgħammruhom bil-kapaċità għat-tagħlim tul il-ħajja; jinkoraġġixxi f’dan ir-rigward id-djalogu attiv u l-kooperazzjoni nazzjonali u transfruntiera fuq programmi u kollokamenti tax-xogħol bejn il-komunità universitarja u n-negozju, li jistgħu jgħinu biex tingħeleb il-kriżi ekonomika, jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, u jingħata kontribut għal soċjetà bbażata fuq l-għarfien u b’hekk jiġu pprovduti opportunitajiet f’sens soċjali aktar wiesa’; jinkoraġġixxi lill-IEGħ ikunu miftuħa għal studji transdixxiplinarji, il-ħolqien ta' istituti tar-riċerka universitarji u kollaborazzjoni ma' sħab diversi;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet wiesgħa għat-tagħlim tul il-ħajja, u għal forom kumplementari ta’ tagħlim bħalma huma l-edukazzjoni mhux formali u dik informali li huma kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet interpersonali;

37.  Jitlob li jsiru sforzi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka, u jenfasizza l-Programm Orizzont 2020 bħala mekkaniżmu ta’ finanzjament ewlieni biex tingħata spinta lir-riċerka; jitlob għal sinkronizzazzjoni aħjar tal-azzjonijiet li jappoġġjaw il-Proċess ta’ Bolonja bħalma huma l-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+;

38.  Jitlob li jkun hemm toroq ta’ tagħlim aktar flessibbli li jinkludu programmi ta’ lawrji konġunti u studji interdixxiplinarji, u li jappoġġjaw l-innovazzjoni, il-kreattività, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), l-edukazzjoni doppja, u l-intraprenditorija fl-edukazzjoni għolja, u jitlob li l-potenzjal offrut mit-teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) jiġi esplorat bil-għan li t-tagħlim kemm mill-istudenti u kemm mill-għalliema jsir aktar għani, kif ukoll sabiex jiġu żviluppati ulterjorment firxa wiesgħa ta' ħiliet u mudelli ġodda għat-tagħlim mill-istudenti, għat-tagħlim mill-għalliema u għall-valutazzjoni;

39.  Jistieden lill-IEGħ, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-sħab soċjali u l-intrapriżi biex imexxu djalogu kontinwu li jiffaċilita u jsaħħaħ l-impjegabbiltà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li d-diskussjoni tiffoka fuq il-potenzjal mhux użat tal-edukazzjoni għolja f'dawk li huma l-istimular tat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-pajjiżi tal-EHEA u l-IEGħ isaħħu l-koperazzjoni bil-għan li jiżguraw taħriġ prattiku professjonali u apprendistati ta’ kwalità u jsaħħu l-mobilità f’dan il-kuntest; jenfasizza li l-partijiet ikkonċernati għandhom jikkooperaw aħjar biex jgħollu l-kwalifiki inizjali u jġeddu forza tax-xogħol kwalifikata, kif ukoll biex itejbu l-forniment, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-gwida dwar il-karrieri u l-impjiegi; iqis, barra minn hekk, li l-kollokamenti tax-xogħol fi ħdan il-programmi ta' studju u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu inkoraġġiti iżjed;

40.  Jenfasizza li huwa meħtieġ li r-refuġjati rikonoxxuti jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet kollha li jinsabu fl-EHEA li jkunu jistgħu jgħinuhom jibnu ħajja indipendenti permezz tal-edukazzjoni; barra minn hekk jenfasizza li l-permessi ta' residenza għall-gradwati li qed ifittxu attività professjonali kwalifikata għandhom jiġu liberalizzati iżjed; jenfasizza li l-isforzi għar-rikonoxximent reċiproku għar-refuġjati rikonoxxuti għandhom jiġu msaħħa, b'mod speċjali taħt l-aspett ta' mobilità għal tali l-istudenti;

41.  Jenfasizza li l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kollha li ngħaqdu mal-EHEA, huma responsabbli li jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità li twieġeb għall-isfidi soċjetali u ekonomiċi, u jenfasizza l-ħtieġa tal-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom bil-għan li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fi ħdan il-Proċess ta' Bolonja;

42.  Jinnota li huma ftit biss l-Istati Membri li ħolqu strateġija komprensiva biex jinkludu l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġjat fl-edukazzjoni għolja u b'hekk jindirizzaw b'mod deċiżiv il-problema tal-hekk imsejjaħ filtru soċjali;

43.  Jitlob għal iżjed involviment mill-għalliema tal-iskejjel sekondarji fil-Proċess ta' Bolonja f'dawk li huma l-promozzjoni tal-kwalità fit-taħriġ tal-għalliema u l-mobilità professjonali, sabiex jiġu ssodisfati d-domandi ġodda edukattivi u ta' taħriġ ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u jingħata kontribut għal prestazzjoni tal-istudenti mtejba;

44.  Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni u l-kwalità u l-missjoni tat-tagħlim tagħha fl-iffurmar tal-ġenerazzjonijiet futuri u fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni soċjali u ekonomika usa' kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi, kompetittività aqwa u potenzjal aqwa ta' tkabbir; jitlob f'dan ir-rigward għal rikonoxximent aħjar tal-professjoni tat-tagħlim;

45.  Jitlob li jsiru sforzi biex tittejjeb l-inklużjoni soċjali billi jiġi pprovdut aċċess ġust u miftuħ għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali, kif ukoll tal-perijodi ta’ studju barra mill-pajjiż u tat-tagħlim preċedenti, tal-programmi tal-ħiliet interpersonali u t-tagħlim mhux formali u dak informali u billi tiġi pprovduta edukazzjoni rilevanti lil popolazzjoni ta' studenti diversifikata permezz tat-tagħlim tul il-ħajja;

46.  Jenfasizza d-dimensjoni soċjali tal-Proċess ta' Bolonja; jitlob li tittieħed azzjoni li timmira għal parteċipazzjoni akbar mill-gruppi li huma sottorappreżentati u żvantaġġjati, anke permezz ta’ programmi ta’ mobilità internazzjonali;

47.  Jenfasizza r-rwol tal-mobilità edukattiva fit-tagħlim interkulturali, u li l-Proċess ta' Bolonja għandu jieħu passi attivi biex irawwem l-għarfien u r-rispett interkulturali tal-istudenti;

48.  Jitlob li jsiru sforzi biex tiġi żviluppata aktar strateġija għad-dimensjoni esterna tal-EHEA, permezz ta’ kooperazzjoni ma’ reġjuni oħra tad-dinja, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-attrazzjoni tagħha f'kuntest dinji, jittejjeb l-għoti ta' informazzjoni dwar l-EHEA, tissaħħaħ il-kooperazzjoni abbażi tas-sħubija, jiġi intensifikat id-djalogu dwar il-politika u jiġu rikonoxxuti iżjed il-kwalifiki;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-ġbir tad-data fost il-pajjiżi tal-EHEA sabiex jiġu identifikati u indirizzati aħjar l-isfidi tal-Proċess ta' Bolonja;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-Konferenza Ministerjali tal-EHEA li jmiss, li għandha ssir f’Yerevan f’Mejju 2015, f'dak li hu t-twettiq ta' rieżami oġġettiv u kritiku kemm tal-progress li sar fl-ilħiq tal-prijoritajiet stabbiliti għall-2012-2015 u kemm tal-problemi li żammew dan il-progress lura, bil-ħsieb li l-EHEA tingħata spinta u tkompli tiġi konsolidata aktar bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/SORBONNE_DECLARATION1.pdf
(2) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/BOLOGNA_DECLARATION1.pdf
(3) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqu%C3%A9_April_2009.pdf
(4) http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Budapest-Vienna_Declaration.pdf
(5) http://www.ehea.info/Uploads/(1)/Bucharest%20Communique%202012(1).pdf
(6) http://www.ehea.info/Uploads/%281%29/2012%20EHEA%20Mobility%20Strategy.pdf
(7) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.
(8) ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.
(9) ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.
(10) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(11) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(12) ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.
(13) ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.
(14) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(15) ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
(16) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/099EN.pdf
(17) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/122EN.pdf
(18) http://www.ehea.info/Uploads/(1)/Bologna%20Process%20Implementation%20Report.pdf
(19) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl198_en.pdf
(20) http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_260_en.pdf
(21) http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/5713011/KS-78-09-653-EN.PDF/3eb9f4ec-dc39-4e51-a18b-b61eb7c2518b?version=1.0
(22) http://www.ehea.info/news-details.aspx?ArticleId=253
(23) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.
(24) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 95.
(25) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 24.
(26) Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (COM(2015)0010).

Avviż legali