Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2148(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0123/2015

Testi mressqa :

A8-0123/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 23
CRE 27/04/2015 - 23

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0108

Testi adottati
PDF 425kWORD 114k
It-Tlieta, 28 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-films Ewropej fl-era diġitali
P8_TA(2015)0108A8-0123/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 dwar il-films Ewropej fl-era diġitali (2014/2148(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta’ Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-politika awdjoviżiva Ewropea fl-era diġitali(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni tal-4 ta’ Mejju 2012 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/13/UE “Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva” -Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u Apparat Konness: Perspettivi Passati u Futuri (COM(2012)0203),

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport mill-Kummissjoni tal-24 ta’ Settembru 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 13, 16 u 17 tad-Direttiva 2010/13/UE għall-perjodu 2009-2010 - Promozzjoni tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba u skedati tal-UE (COM(2012)0522),

–  wara li kkunsidra t-Tielet Rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2012 bit-titolu “On the challenges for European film heritage from the analogue and the digital era” (dwar l-isfidi għall-patrimonju ċinematografiku Ewropew mill-era analoġika u diġitali) (SWD(2012)0431) dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni 2005/865/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2013 dwar “It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet: Tkabbir, Ħolqien u Valuri” (COM(2013)0231),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar għajnuna mill-Istat għal films u xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2014 bit-titolu “Il-film Ewropew fl-era diġitali - Inqarrbu d-diversità kulturali mal-kompetittività (COM(2014)0272),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-4 ta’ Diċembru 2014 dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-16 ta’ Novembru 2011 dwar iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b’mod komplet(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0123/2015),

A.  billi l-films huma prodotti ekonomiċi kif ukoll kulturali u jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija Ewropea f’termini ta’ tkabbir u impjiegi filwaqt li jgħinu biex jiffurmaw identitajiet Ewropej billi jirriflettu d-diversità kulturali u lingwistika, jippromwovu kulturi Ewropej bejn il-fruntieri u jiffaċilitaw l-iskambju kulturali u l-fehim reċiproku fost iċ-ċittadini, u jikkontribwixxu wkoll għall-formazzjoni u l-iżvilupp taʼ ħsieb kritiku;

B.  billi l-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa u b’mod partikolari tal-industrija ċinematografika Ewropea għad irid jiġi kompletament sfruttat fil-promozzjoni tad-diversità u l-patrimonju kulturali Ewropew u l-ħolqien ta’ tkabbir sostenibbli u impjiegi li mbagħad jistgħu jibbenefikaw ukoll minn setturi oħra tal-ekonomija, li jipprovdu lill-Ewropa b’vantaġġ kompetittiv fuq livell dinji;

C.  billi l-industrija Ewropea tal-films hija waħda mill-akbar produtturi fid-dinja, b’1 500 film maħruġa fl-2014, iżda hija kkaratterizzata minn struttura eteroġenika kemm f’termini ta’ finanzjament kif ukoll tat-tip ta’ produzzjoni;

D.  billi l-films Ewropej huma kkaratterizzati mid-diversità, l-oriġinalità u l-kwalità tagħhom, iżda jsofru minn promozzjoni u distribuzzjoni limitati fl-Unjoni kollha, u dan huwa rifless f’livelli relattivament baxxi tal-udjenzi miksuba filwaqt li jħabbtu wiċċhom ma' kompetizzjoni internazzjonali ħarxa u diffikultajiet biex jiġu distribwiti kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll barra;

E.  billi ċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej mhux nazzjonali fl-Istati Membri għadha dgħajfa minkejja n-numru kbir ta’ films prodotti kull sena, filwaqt li l-produzzjonijiet mhux Ewropej jilħqu lil ħafna nies fl-Unjoni;

F.  billi d-diversità tal-films Ewropej li jirriflettu r-rikkezza u l-qawwa tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa tfisser li s-suq Ewropew tal-films huwa naturalment frammentat;

G.  billi l-promozzjoni ta' produzzjoni tal-films ta' kwalità hija partikolarment importanti għall-Istati Membri żgħar li l-lingwi tagħhom għandhom numru żgħir ta' kelliema;

H.  billi s-sottoprogramm MEDIA tal-Ewropa Kreattiva (minn hawn 'il quddiem MEDIA) joffri sorsi ġodda ta’ finanzjament u opportunitajiet għad-distribuzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta’ films mhux nazzjonali Ewropej u biex jiġu żviluppati l-udjenzi u jiġi appoġġat il-litteriżmu medjatiku;

I.  billi, wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Suq Uniku Diġitali għandu jkun biex jibni fiduċja u kunfidenza fl-internet u jżid l-aċċess għall-kontenut awdjoviżiv legali, għalhekk jikkontribwixxi għall-investiment fil-films Ewropej;

J.  billi l-iskrining ċinematografiku, bħala l-ewwel tieqa ta’ rilaxx, għadu responsabbli għal proporzjon kbir tad-dħul mill-films u huwa għalhekk essenzjali għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ċinematografika Ewropea, b’impatt konsiderevoli fuq is-suċċess tal-films ikkonċernati fi twieqi ta’ rilaxx sussegwenti;

K.  Billi, madankollu, numru li qed jikber ta’ films Ewropej bi produzzjoni u baġit ta’ promozzjoni modesti, jibbenefikaw minn strateġiji ta’ rilaxx iktar flessibbli u disponibbiltà iktar bikrija tal-VOD;

L.  billi organizzazzjoni aħjar tat-twieqi ta' rilaxx timmassimizza l-potenzjal pubbliku filwaqt li tnaqqas l-attraenza tal-konsum mhux awtorizzat tal-films;

M.  billi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li fornituri tas-servizz fuq talba jippromwovu xogħlijiet Ewropej; billi din id-dispożizzjoni ġiet implimentata b’mod divers b’livelli differenti ta’ rekwiżiti legali u wasslet għal fornituri li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri bl-aktar rekwiżiti baxxi;

N.  billi l-biċċa l-kbira tal-finanzjament pubbliku għall-industrija ċinematografika Ewropea, kemm minn sorsi nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, hija ddedikata għall-produzzjoni tal-films;

O.  billi fir-Regolament Nru (UE) 1295/2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva l-Artikolu 14 jipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-“Faċilità ta’ Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi” bil-għan li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi u li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-SMEs li jitolbu self u finanzjament;

P.  billi fit-tielet rapport tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2012 dwar l-isfidi għall-patrimonju ċinematografiku Ewropew mill-era analoġika u diġitali, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni lejn il-fatt li 1.5 % biss mill-patrimonju ċinematografiku Ewropew għadu ma ġiex diġitalizzat; billi dan il-perċentwal għadu l-istess illum, minkejja t-tħassib imtenni li ħafna minn dan il-patrimonju jista' jintilef għal kollox għall-ġenerazzjonijiet futuri, kif jidher, pereżempju, mill-fatt li 10 % biss ta’ films muti ġew ippreservati;

Q.  billi d-diġitizzazzjoni u l-konverġenza tal-media joħolqu opportunitajiet ġodda għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films Ewropej b’mod transkonfinali, kif ukoll potenzjal akbar għall-innovazzjoni u l-flessibbiltà, filwaqt li jikkawżaw bidliet sinifikanti fl-imġiba u l-aspettattivi tat-telespettaturi;

R.  billi huwa essenzjali li jiġu ggarantiti fondi għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-patrimonju ċinematografiku u l-materjali relatati u li jiġu stabbiliti standards Ewropej dwar il-konservazzjoni tal-films diġitali;

S.  billi l-litteriżmu tal-media, u b'mod partikolari l-litteriżmu fil-films, jista’ jinkoraġġixxi liċ-ċittadini biex jiżviluppaw ħsieb kritiku u fehim u jista' jistimola l-kreattività u l-kapaċità tal-espressjoni tagħhom;

T.  billi d-drittijiet tal-awtur fl-era diġitali għandhom ikomplu jistimulaw l-investiment fil-produzzjoni u l-ħolqien tal-films u jiżguraw remunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet, filwaqt li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda u l-aċċess transkonfinali għaċ-ċittadini u jippermettu lill-industriji kulturali u kreattivi biex jibqgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

U.  billi hu importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2012/28/UE dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni u li l-films jiġu inklużi fid-definizzjoni ta' xogħlijiet orfni aċċessibli għall-pubbliku;

Promozzjoni, distribuzzjoni u aċċessibbiltà transkonfinali

1.  Jinkoraġġixxi lill-industrija Ewropea tal-films biex issegwi l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi, mudelli ġodda ta’ negozju u kanali ta’ distribuzzjoni biex ittejjeb id-disponibbiltà transkonfinali ta’ films Ewropej fl-Unjoni u lil hin minnha, biex it-telespettaturi fl-Unjoni jkollhom aċċess għal firxa dejjem akbar ta’ films madwar numru li dejjem jikber ta’ pjattaformi; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li l-industrija Ewropea tal-films jitgħallmu mill-aħjar prattiki kummerċjali barra mill-UE;

2.  Jirrikonoxxi l-impatt ta’ użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet kreattivi fuq iċ-ċiklu kreattiv u d-drittijiet tal-awturi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar offerti legali ta’ kwalità għolja, u għal sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ;

3.  Jissuġġerixxi li l-iżvilupp tal-portabilità transkonfinali tas-servizzi awdjoviżivi, filwaqt li jitqies it-tkabbir mgħaġġel tal-VOD u tranżazzjonijiet onlajn madwar l-Unjoni, jista’ jiġi esplorat ulterjorment billi dan jippermetti li t-telespettaturi jkollhom aċċess għall-films irrispettivament minn fejn ikunu;

4..  Jenfasizza l-importanza ta’ kummerċjalizzazzjoni mmirata madwar l-Unjoni li tqis l-ispeċifiċitajiet kulturali ta’ udjenzi Ewropej bil-ħsieb li tiġi żgurata promozzjoni aħjar u aktar effiċjenti tal-films Ewropej;

5.  Iħeġġeġ għal din ir-raġuni disponibbiltà akbar ta’ films bis-sottotitoli sabiex tingħata spinta liċ-ċirkolazzjoni transkonfinali tal-films Ewropej, jiżdied l-għarfien tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa fost it-telespettaturi, u jittejjeb il-fehim reċiproku;

6.  Jinnota b’mod partikolari r-rwol tal-MEDIA fl-appoġġ għas-sottotitolar u d-doppjaġġ biex tiżdied id-disponibbiltà tal-films Ewropej, b'mod partikolari fil-verżjonijiet oriġinali bis-sottotitoli li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni tagħhom u jtejbu l-għarfien u l-fehim tal-kulturi u l-lingwi Ewropej;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-azzjoni preparatorja adottata riċentement “Is-sottotitolar permezz tal-crowdsourcing biex tiżdied iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej” u x-xogħol li għandu jsir mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni;

8.  Jappoġġa, barra minn hekk, inizjattivi bħall-proġett pilota tal-Kummissjoni “It-trawwim ta’ integrazzjoni Ewropea permezz tal-kultura”, immirat lejn it-tisħiħ fil-provvista ta’ films Ewropej bis-sottotitoli billi jiġu pprovduti verżjonijiet ġodda bis-sottotitoli ta’ programmi tat-TV magħżula madwar l-Ewropa kollha;

9.  Itenni l-importanza fundamentali li tittejjeb aktar l-aċċessibbiltà għall-films għal persuni b’diżabilità, partikolarment permezz ta’ deskrizzjoni bl-awdjo u s-sottotitolar;

10.  jenfasizza dwar l-importanza partikolari ta’ stazzjonijiet televiżivi privati kif ukoll pubbliċi Ewropej fil-produzzjoni tal-films, kemm għat-televiżjoni kif ukoll koproduzzjonijiet għaċ-ċinema, u jenfasizza r-rwol ta’ sigurtà eżistenzjali tagħhom għal għadd ta’ studios għall-produzzjoni tal-films, speċjalment żgħar u medji, fl-UE;

11.  Ifakkar ir-rwol tal-Premju LUX tal-PE, li kiseb aktar rikonoxximent matul is-snin, fil-promozzjoni tal-films Ewropej permezz tat-traduzzjoni tas-sottotitoli għall-film rebbieħ fl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-Unjoni u b’hekk tiġi żgurata viżibbiltà, għarfien u disponibbiltà akbar għall-films Ewropej; jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex ikomplu jippromwovu l-Premju LUX fl-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew;

12.  Jissuġġerixxi li hemm bżonn li jkunu promossi u appoġġati l-koproduzzjonijiet Ewropej u li żieda fit-tali produzzjonijiet tista’ tirriżulta fi tqassim usa’ tal-films Ewropej madwar l-Ewropa;

13.  Barra minn hekk, jenfasizza s-suċċess dejjem jikber tas-serje tat-televiżjoni Ewropej ta’ kwalità għolja u l-importanza strateġika biex ikomplu jinkoraġġixxu l-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' tali serje fis-swieq Ewropej u globali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu avvenimenti speċjali, bħal festivals tal-films u inizjattivi ta' turs taċ-ċinema, sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġaw it-tixrid u ċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej fit-territorju tagħhom;

15.  Jissuġġerixxi li jiġu nfurzati miżuri diġà eżistenti li jippermettu ottimizzazzjoni aħjar tal-prezz taċ-ċinema, l-iżvilupp ta’ offerti promozzjonali innovattivi, kif ukoll offerti ta’ abbonament li jikkontribwixxu biex jiżguraw l-attraenza u l-aċċess għas-swali kollha taċ-ċinema;

Żvilupp tal-udjenzi

16.  Jinkoraġġixxi lid-distributuri u l-esibituri taċ-ċinemasabiex iżidu l-viżibbiltà u d-disponibbiltà ta’ films Ewropej mhux nazzjonali sabiex jintlaħqu udjenzi usa';

17.  Jirrikonoxxi li t-teatri taċ-ċinema għadhom l-iktar postijiet sinifikanti għall-preżentazzjoni u l-promozzjoni ta’ films, kif ukoll li l-bliet huma postijiet b’dimensjoni soċjali importanti fejn in-nies jiltaqgħu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom; jenfasizza li l-għejbien tat-teatri taċ-ċinema żgħar u indipendenti, speċjalment fil-bliet iż-żgħar u fir-reġjuni inqas żviluppati, jillimita l-aċċess għar-riżorsi kulturali, il-patrimonju u d-djalogu Ewropej; f’dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ biex jarmaw l-iskrins kollha bil-projezzjoni diġitali u teknoloġija tajba sabiex jippreservaw dawn it-teatri taċ-ċinema;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-films fi stadju bikri tal-produzzjoni, sabiex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni u jiġi żgurat għarfien akbar fost udjenzi potenzjali madwar l-Ewropa;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-MEDIA fl-ittestjar ta’ approċċi innovattivi fl-iżvilupp tal-udjenza, b’mod partikolari permezz tal-appoġġar ta’ festivals, l-inizjattivi tal-litteriżmu tal-films u l-azzjonijiet tal-iżvilupp tal-udjenza;

Kundizzjonijiet ekwi

20.  Ifakkar li l-Artikolu 13.1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li fornituri tas-servizz fuq talba jippromwovu xogħlijiet Ewropej; jenfasizza li din id-dispożizzjoni ġiet implimentata b’mod mhux uniformi b’livelli differenti ta’ rekwiżiti legali, u li dan jista’ jirriżulta f’fornituri li jistabbilixxu lilhom infushom fi Stati Membri bl-aktar rekwiżiti baxxi;

21.  huwa tal-fehma li għandhom ikunu involuti b’mod finanzjarju fil-ħolqien ta’ xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej dawk kollha li, mill-offerta diretta, il-kummerċjalizzazzjoni jew id-distribuzzjoni, inkluż il-kollegament jew id-disponibbiltà permezz ta’ video-on-demand, anki jekk biss indirettament, jistgħu jiksbu vantaġġ ekonomiku minn xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex, mil-lat tal-kompetizzjoni, tieħu kont ta’ din il-fehma anki waqt ir-reviżjoni ta’ sistemi tal-Istati Membri ta’ sussidji tal-films;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis dan t'hawn fuq meta tipproponi reviżjoni tal-qafas legali attwali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq awdjoviżiv Ewropew b’kundizzjonijiet ġusti u ugwali għall-fornituri kollha;

23.  Jistieden lill-pjattaformi VOD u SVOD jagħmlu disponibbli b’mod pubbliku d-dejta dwar il-konsum ta’ kull film tal-katalogu tagħhom, sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni korretta tal-impatt tagħhom;

Finanzjament

24.  Iqis li sabiex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej kemm fis-suq Ewropew kif ukoll dak internazzjonali, jeħtieġ li l-finanzjament pubbliku għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni jkun bbilanċjat aħjar bil-għan li jiżdied l-appoġġ għall-iżvilupp, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni internazzjonali;

25.  Iqis indispensabbli li jiżdied il-baġit f’termini assoluti għall-attivitajiet ta’ distribuzzjoni, promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi mingħajr ma dan ikun ta' detriment għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ produzzjoni;

26.  Jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex iżidu l-finanzjament pubbliku sabiex jappoġġaw id-distribuzzjoni fi stadju bikri u l-promozzjoni ta’ films nazzjonali barra mill-pajjiż, kif ukoll films Ewropej mhux nazzjonali;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu inċentivi biex jiffaċilitaw il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, id-disponibbiltà u l-attraenza tal-films Ewropej; huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tal-istess rati mnaqqsa ta’ VAT għal xogħlijiet awdjoviżivi kulturali mibjugħin onlajn jew offlajn tistimula t-tkabbir ta’ servizzi u pjattaformi ġodda;

28.  Jenfasizza r-rwol li għandu jkollha l-Faċilità ta’ Garanzija tal-Ewropa Kreattiva għas-Setturi Kulturali u Kreattivi, f’termini ta’ faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi u l-inkoraġġiment ta’ aktar investiment mill-intermedjarji finanzjarji, u b’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-industrija tal-films;

29.  Jissuġġerixxi li tiġi evalwata l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi Ewropej u nazzjonali ta’ sussidji tal-films, b’kont partikolari meħud tal-kwalità kif ukoll tal-firxa ta’ xogħlijiet sussidjati, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat ukoll kemm huma disponibbli u effiċjenti l-istrumenti ta’ appoġġ għall-promozzjoni u l-iżvilupp tal-udjenzi; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomunika lil Stati Membri oħra eżempji tal-aħjar prattiki li ħarġu mir-riżultati;

30.  Ifakkar li l-produzzjoni u l-koproduzzjoni tal-films jirrikjedu investiment finanzjarju sostanzjali, u li l-qafas legali attwali ma jipprevenix liċenzjar multiterritorjali, għalhekk jenfasizza li d-diversità tal-iskemi tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni għandhom ikomplu japplikaw sabiex jinkoraġġixxu l-investiment fil-films Ewropej, sabiex jirrispondu għas-suq Ewropew lingwistikament u kulturalment differenti u jissalvagwardjaw u jippromwovu d-diversità kulturali;

31.  Jenfasizza li l-films Ewropej jibbenefikaw minn numru kbir ta’ fondi pubbliċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali, fejn għandhom jiġu inkoraġġita kumplimentarjetà akbar fl-użu tagħhom sabiex tiġi infurzata l-effikaċja tagħhom;

Forum Ewropew tal-Films

32.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Forum Ewropew tal-Films, sabiex jiġi ffaċilitat djalogu strutturat mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur awdjoviżiv dwar l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom is-settur fl-era diġitali, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni, il-ġbir ta’ informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

33.  Jitlob għar-rispett għal parteċipazzjoni u kooperazzjoni wiesgħa fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew;

Litteriżmu medjatiku

34.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-litteriżmu medjatiku, u b’mod partikolari l-litteriżmu tal-films, fil-kurrikula skolastiċi u f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni kulturali, u biex jiżviluppaw inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li jkopru l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, informali u mhux formali;

35.  Huwa konxju tal-importanza partikolari taċ-ċinema bħala post tal-edukazzjoni transġenerazzjonali għal-litteriżmu tal-films u medjatiku u jilqa’ miżuri li jgħinu b’mod immirat lil din il-funzjoni taċ-ċinema;

36.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-promozzjoni ta’ films edukattivi għaż-żgħażagħ, u jappoġġa kompetizzjonijiet li fihom huma jiġu mħeġġa joħolqu xogħlijiet awdjoviżivi; jenfasizza wkoll il-possibilitajiet offruti mill-MEDIA fl-appoġġar tal-proġetti tal-litteriżmu tal-films;

Innovazzjoni

37.  Jappoġġa proġetti u prattiki innovattivi bħal azzjoni preparatorja tal-Kummissjoni dwar iċ-ċirkolazzjoni ta’ films Ewropej fl-era diġitali, imfassla biex jittestjaw rilaxx aktar flessibbli ta’ films fil-media f’diversi Stati Membri, u jilqa’ l-integrazzjoni ta’ din l-azzjoni fil-programm Ewropa Kreattiva;

38.  Iqis li inizjattivi bħal dawn, billi t-twieqi ta’ rilaxx isiru aktar flessibbli, jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal ċerti tipi ta’ films Ewropej f’termini ta’ viżibbiltà, ilħuq ta’ udjenzi, dħul u ffrankar fuq spejjeż, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar kunsiderazzjoni lil dawn l-inizjattivi;

Diġitalizzazzjoni u arkivjar

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet ċinematografiċi u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ depożitu għall-formati diġitali jew jadattaw il-mekkaniżmi eżistenti għal dawn il-formati billi jitolbu d-depożitu ta’ master diġitali ta' standard internazzjonali għall-films diġitali;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-arkivji awdjoviżivi, speċjalment dawk mill-istituzzjonijiet tal-patrimonju ċinematografiku u x-xandara tas-servizzi pubbliċi,u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiggarantixxu livell xieraq ta' fondi u skemi tal-approvazzjoni tad-drittijiet biex jiffaċilitaw is-sodisfazzjon tal-missjonijiet tal-interess pubbliku tagħhom, inkluż il-konservazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tqegħid tal-patrimonju ċinematografiku għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

41.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-librerija diġitali Ewropea EUROPEANA bħala librerija diġitali għall-patrimonju awdjoviżiv Ewropew (kemm tal-films kif ukoll tat-televiżjoni);

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(2) ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.
(4) ĠU C 433, 3.12.2014, p. 2.
(5) ĠU C 332, 15.11.2013, p. 1.
(6) ĠU C 153E, 31.5.2013, p. 102.
(7) ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 64
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0215.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0232.

Avviż legali