Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2223(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0126/2015

Testi mressqa :

A8-0126/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 24
CRE 27/04/2015 - 24

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0109

Testi adottati
PDF 416kWORD 156k
It-Tlieta, 28 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti
P8_TA(2015)0109A8-0126/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2015 dwar “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” (2014/2223(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” (COM(2013)0659),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni (SWD(2013) 0342) u (SWD(2013) 0343) mehmuża mal-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-19 ta’ Mejju 2014 dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Jannar 2014, bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2014 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ta' “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-forestrija(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 – ʻNgħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħnaʼ,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020, inkluż l-inizjattivi l-Unjoni ta' Innovazzjoni u Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi,

–  wara li kkunsidra il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun bl-isem ta' "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni bl-isem ta' "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2011)0244),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0126/2015),

A.  billi l-Unjoni Ewropea ma għandha l-ebda kompetenza biex tfassal politika forestali komuni, għalkemm uħud mill-politiki tal-Unjoni jista' jkollhom implikazzjonijiet fuq il-politiki forestali nazzjonali, filwaqt li huma l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-approċċi politiċi għall-forestrija u l-foresti;

B.  billi, minkejja li jidher li hu ċar li dan hu qasam ta' responsabilità tal-Istat Membru, hemm vantaġġi potenzjali għan-negozji bbażati fuq il-foresti b'koordinament aħjar u aktar attiv u bi profil ogħla għal dan is-settur ekonomiku importanti, li jiggarantixxi impjiegi fil-livell Ewropew, partikolarment fl-oqsma rurali, filwaqt li jħares l-ekosistemi u joffri vantaġġi ekoloġiċi għal kulħadd, mingħajr ma jippreġudika r-responsabilità tal-Istati Membri;

C.  billi l-injam hu riżors rinnovabbli li spiss mhuwiex sfruttat biżżejjed fl-Ewropa, u l-użu intelliġenti u sostenibbli ta’ din il-materja prima jeħtieġ li jiġi żgurat, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-iskambju ta’ know-how;

D.  billi l-foresti huma sors ta’ flora, fawna u fungi uniċi;

E.  billi d-daqs u l-karatteristiċi tal-foresti jvarjaw ħafna, b'xi Stati Membri jkollhom aktar minn nofs it-territorji tagħhom koperti minn foresti; billi l-foresti ġestiti b’mod sostenibbli għandhom importanza enormi f’termini ta’ żieda ta’ valur fil-livell lokali, reġjonali, Ewropew u fil-livell internazzjonali, bil-garanzija ta' impjiegi f’żoni rurali u b'kontribut għal soċjetà bbażata fuq il-bijoekonomija, li tirrappreżenta benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem, speċjalment f’reġjuni strutturalment żvantaġġati, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut essenzjali għall-ħarsien ambjentali u klimatiku kif ukoll għall-bijodiversità;

F.  billi l-bijomassa tal-foresti hija sors importanti ħafna ta’ enerġija rinnovabbli; billi l-foresti Ewropej attwalment jassorbu u jaħżnu madwar 10 % tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE u għalhekk jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

G.  billi, minħabba l-urbanizzazzjoni tas-soċjetà tagħna, iċ-ċittadini tal-UE jħossu inqas konnessjoni mal-foresti u għandhom ftit għarfien dwar il-forestrija jew dwar l-impatt tagħha fuq il-prosperità, l-impjiegi, il-klima, l-ambjent, is-saħħa tal-bniedem u l-katina tal-valuri kollha flimkien mar-rabta ma’ ekosistemi usa’;

H.  billi numru dejjem ikbar ta’ politiki tal-UE qed iżidu dejjem iktar il-pressjoni fuq il-foresti; billi din il-pressjoni teħtieġ li tiġi bbilanċjata bir-reqqa, u t-talba għal użi ġodda ta' injam fil-bijoekonomija u għall-bijoenerġija għandha tkun akkumpanjata minn użu effikaċi tar-riżorsi, l-użu ta’ teknoloġija ġdida u r-rispett għal-limitiazzjonijiet tal-provvista sostenibbli;

I.  billi l-forestrija Ewropea hi kkaratterizzata minn ġestjoni sostenibbli u minn ippjanar fit-tul, u billi l-prinċipju ta’ sostenibilità għandu jiġi enfasizzat b’iktar qawwa fil-livelli kollha, minn dak lokali għal dak globali, sabiex jinħolqu l-impjiegi, tiġi protetta l-bijodiversità, jittaffa t-tibdil fil-klima u tiġi miġġielda d-deżertifikazzjoni;

J.  billi jeħtieġ li jiġi enfasizzat ir-rwol ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-foresti, anke fil-kuntest tal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali u l-promozzjoni ta’ (eko)turiżmu sostenibbli;

K.  billi popolazzjoni dinjija dejjem akbar tfisser żieda fid-domanda għall-enerġija, u għalhekk il-foresti għandhom iwettqu rwol aktar importanti fit-taħlita enerġetika futura tal-UE;

Ġenerali — l-importanza tal-foresti, il-forestrija u s-settur ibbażat fuq il-foresti għall-ekonomija u għas-soċjetà

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjawha, u jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-foresti għandha tiffoka fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tagħhom minn perspettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali u għandha tiżgura koordinament u komunikazzjoni aħjar tal-politiki Komunitarji li huma direttament jew indirettament marbuta mal-forestrija; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li numru dejjem jikber ta’ inizjattivi politiċi Ewropej f’oqsma bħall-politika ekonomika u tal-impjiegi, il-politika tal-enerġija u l-politika ambjentali u klimatika jeħtieġu kontribuzzjoni ikbar min-naħa tas-settur tal-forestrija;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi determinat b’mod aktar sistematiku l-valur tas-servizzi tal-ekosistemi tal-foresti u li għandu jittieħed kont ta' dan fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kemm fis-setturi pubbliċi u f'dawk privati;

3.  Jinnota li l-foresti tal-muntanji li huma b’saħħithom u stabbli biss huma kapaċi jwettqu bis-sħiħ il-funzjonijiet tagħhom ta’ protezzjoni tal-bnedmin u tan-natura billi jkunu jifilħu għall-valangi tas-silġ u tat-tajn u jservu ta’ protezzjoni naturali kontra l-għargħar; jisħaq li f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni transnazzjonali hi indispensabbli;

4.  Jenfasizza f’dan ir-rigward li għandu jiġi reżistit kull tentattiv biex il-forestrija ssir kwistjoni ta' politika tal-UE, u l-bażi lokali u reġjonali tas-settur u l-kompetenza tal-Istati Membri f’dan il-qasam għandhom jiġu rispettati filwaqt li għandha tinstab koerenza bejn il-kompetenzi rispettivi tal-UE u tal-Istati Membri;

5.  Jenfasizza li l-foresti tal-UE huma kkaratterizzati minn diversità kbira, inklużi differenzi kbar fis-sjieda, id-daqs, in-natura u l-isfidi ffaċċjati mill-foresti;

6.  Jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-foresti għandha tikkunsidra l-fatt li l-foresti jkopru aktar minn nofs it-territorju ta’ xi Stati Membri u li foresti ġestiti b’mod sostenibbli huma importanti ħafna biex jiżdied il-valur fil-livell lokali u reġjonali u biex jiġu garantiti l-impjiegi f’żoni rurali, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut vitali għall-ambjent;

7.  Jenfasizza r-rwol partikolarment ta’ valur ta’ taħlita ta' foresti stabbli inkluż ta' speċijiet indiġeni ta’ siġar adattati għall-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll ir-rwol essenzjali li l-foresti mħallta jaqdu fl-ekosistemi u l-kontribut tagħhom għall-bijodiversità;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tas-sidien tal-foresti biex jippreservaw u wkoll biex joħolqu foresti mħallta nattivi tipiċi taż-żona;

9.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-foresti mhumiex inklużi bħala punt ta’ referenza fl-istrateġija proposta, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra organizzazzjoni ta' xogħol intelliġenti, standards għoljin fit-teknoloġija u impjiegi ta’ kwalità;

10.  Jinnota li s-settur tal-foresti attwalment jimpjega 'l fuq minn 3 miljun ċittadin Ewropew, u jenfasizza li l-kompetittività fit-tul tiegħu tinkiseb biss b’forza tax-xogħol kompetenti;

11.  Iqis li l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-UE li jkollha faċilitajiet ta’ taħriġ rilevanti u forza tax-xogħol li hi konxja bis-sħiħ tal-isfidi u t-theddid attwali ffaċċjati mis-settur tal-foresti, iżda wkoll tar-regoli ta’ sikurezza inerenti għall-ġestjoni tal-foresti;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa għal strateġija komprensiva u olistika konġunta, u jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tar-rwol ekonomiku, ambjentali u soċjali u l-benefiċċji tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresta fl-UE;

13.  Jemmen li dan ir-rikonoxximent jipprovdi bażi soda ta' appoġġ għas-settur tal-forestrija tal-UE, inter alia fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ diżastri forestali, fit-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi, iż-żieda tal-kompetittività, bi spinta lill-impjiegi, it-tisħiħ tal-industriji bbażati fuq il-foresti u l-ippreservar tal-funzjonijiet ekoloġiċi;

14.  Jenfasizza r-rwol sinifikanti mwettaq mill-bijoekonomija f'termini tal-kisba tal-prijoritajiet il-ġodda ta' tkabbir, impjiegi u investiment tal-Kummissjoni;

15.  Jirrikonoxxi li l-UE għandha rwol xi twettaq fl-appoġġ ta’ politiki nazzjonali biex tinkiseb ġestjoni attiva, multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti, inkluż il-ġestjoni ta’ tipi differenti ta’ foresti, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni biex jiġu trattati l-isfidi transfruntiera, bħal nirien fil-foresti, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali, jew minn speċi aljeni invażivi;

16.  Hu tal-fehma li hemm bżonn li jittieħed kont akbar tal-problema tal-mard tas-siġar bħad-deklin tal-ballut (oak decline), li qed jagħmel ħerba mill-pjantaġġuni tas-siġar tal-ballut għas-sufra fil-Portugall, Franza u Spanja, u li qed jaffettwa wkoll Żoni ta' Protezzjoni Speċjali u riżervi tal-bijosfera;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li t-tkabbir previst fid-domanda għall-injam huwa kemm opportunità kif ukoll sfida għall-foresti u s-setturi bbażati fuq il-foresti kollha, speċjalment peress li n-nixfiet, in-nirien, il-maltempati u l-annimali ta' ħsara huma mistennija li jikkawżaw dannu għall-foresti b'iktar frekwenza u b'mod iktar qawwi b'riżultat tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li l-foresti jiġu protetti minn dan it-theddid li qed jikber u li jiġu rikonċiljati l-funzjonijiet produttivi u protettivi tagħhom;

18.  Jilqa' l-azzjoni għal tkabbir tal-kopertura forestali speċjalment bi speċi nattivi, f'żoni mhux adattati għall-produzzjoni tal-ikel u partikolarment dawk qrib ħafna taż-żoni urbani b'mod li jiġu mitigati l-effetti ħżiena tas-sħana, jitnaqqas it-tniġġis u jissaħħu r-rabtiet bejn in-nies u l-foresti;

19.  Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-isforzi tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta' impjiegi relatati mal-foresti u mal-ħolqien tal-prosperità fl-Ewropa b’mod sostenibbli;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti ta' produzzjoni sostenibbli u l-użu tal-injam u materjal ieħor ibbażat fuq il-foresta, bħas-sufra, u derivati tal-injam inkluż fibri tessili għall-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi sostenibbli u l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza d-diffikultajiet fin-naħa t'isfel tal-katina ta’ provvista relatati ma’ żieda fid-domanda minn pajjiżi terzi, partikolarment għal roundwoods, u tagħti appoġġ lil dan is-settur;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi biex iħeġġu lill-grupp dejjem akbar ta’ nisa sidien ta' foresti jiksbu pariri u appoġġ speċjali b'rabta mal-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti tagħhom;

23.  Jenfasizza li madwar 60 % tal-foresti tal-UE huma privati, b’madwar 16-il miljun sid privat tal-foresti, u jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza tas-sjieda u tad-drittijiet ta’ proprjetà u jappoġġa l-miżuri kollha li jippermettu lil gruppi ta’ partijiet interessati jipparteċipaw fi djalogu dwar it-tisħiħ u l-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u biex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni;

24.  Jinnota li s-sidien tal-foresti huma atturi ewlenin f'żoni rurali, u jilqa’ f’dan ir-rigward, ir-rikonoxximent tar-rwol tal-foresti u tal-agroforestrija, fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020 tal-PAK;

25.  Iqis li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti tista’ tissaħħaħ jekk tiġi appoġġata b'koordinament xieraq b'finanzjament disponibbli mill-UE, inkluż mill-FAEŻR; 

26.  Jenfasizza l-opportunità għall-Istati Membri u r-reġjuni biex jużaw il-fondi disponibbli fil-qafas tal-programmi tal-iżvilupp rurali rispettivi tagħhom, biex jagħtu appoġġ lill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jagħtu spinta lill-agroforestrija u biex jiksbu beni ambjentali pubbliċi bħall-produzzjoni tal-ossiġenu, bjar tal-karbonju u l-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ kontra l-effetti tal-klima, kif ukoll l-istimular tal-ekonomiji lokali u l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi;

27.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal trasport u l-loġistika mtejba għall-ġestjoni tal-foresti u għall-estrazzjoni tal-injam; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jiżviluppaw loġistiċi u sistemi sostenibbli ta’ qtugħ ta' siġar li jkollhom effett inqas negattiv fuq il-klima, inkluż l-użu ta’ trakkijiet u bastimenti mħaddma minn bijokarburanti sostenibbli kif ukoll l-użu estiż tal-ferroviji; iħeġġeġ, għal dan il-għan, l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE u tal-Programmi għall-Iżvilupp Rurali;

28.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-foresti fis-soċjetà b’rabta mas-saħħa fiżika u mentali taċ-ċittadini u li l-beni pubbliċi prodotti mill-foresti jkunu ta’ valur ambjentali u rikreattiv għoli u b'rabta mal-kontribut għall-kwalità tal-ħajja, b’mod partikolari fir-rigward tal-provvista tal-ossiġenu, is-sekwestru tal-karbonju, il-filtrazzjoni tal-arja, il-ħżin u l-iffiltrar tal-ilma, il-kontroll tal-erożjoni u l-protezzjoni kontra l-valangi, kif ukoll billi jipprovdu post għal attivitajiet fil-beraħ;

29.  Iħeġġeġ konnessjonijiet ta' trasport pubbliku bejn żoni urbani u foresti sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-foresti u l-imsaġar;

30.  Jenfasizza l-importanza ta’ attivitajiet oħra relatati mal-foresti, pereżempju. il-ħażna ta’ prodotti tal-foresti mhux tal-injam bħal faqqiegħ jew frott artab, kif ukoll ragħa u trobbija tan-naħal;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jservu bħala sors ta’ materja prima għall-industriji farmaċewtiċi, kosmetiċi u tal-ikel u li dawn jintużaw bħala mezz alternattiv ta’ kif jiġu ttrattati l-qgħad u d-depopolazzjoni rurali, u wkoll biex tippromwovi l-prodotti ta’ dawk l-attivitajiet ta’ benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem;

Effiċjenza fir-Riżorsi - l-injam bħala materja prima sostenibbli (ġestjoni sostenibbli tal-foresti)

32.  Jenfasizza li l-użu ta’ injam u prodotti tal-injam maħsud oħra bħala materja prima rinnovabbli u li ma tagħmilx ħsara lill-klima, min-naħa u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti mill-oħra, għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-kisba tal-għanijiet soċjopolitiċi tal-UE bħat-tranżizzjoni tal-enerġija, il-mitigazzjoni u l-adattament klimatiku, u l-implimentazzjoni tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-miri tal-bijodiversità; jinnota li n-nuqqas ta' ġestjoni attiva tal-foresti tmur kontra dawn il-miri;

33.  Jenfasizza li l-foresti ġestiti għandhom kapaċità ta’ assorbiment ogħla ta’ CO2 minn foresti mhux ġestiti, u jenfasizza l-importanza ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti biex jiġi massimizzat il-potenzjal ta’ sekwestru tal-karbonju tal-foresti tal-UE;

34.  Jemmen li l-foresti m’għandhomx jitqiesu biss bħala bjar tal-karbonju;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li r-riżorsi tal-foresti u l-materjali tal-injam jintużaw u jerġgħu jintużaw b'mod effiċjenti, bħala mezz biex jitnaqqas id-defiċit kummerċjali tal-UE, biex titjieb l-awtosuffiċjenza tal-UE fil-qasam tal-injam, tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur forestali tagħha, tingħata għajnuna għat-tnaqqis ta' ġestjoni insostenibbli tal-foresti, jitħares l-ambjent, u titnaqqas id-deforestazzjoni fil-pajjiżi barra mill-UE;

36.  Jesprimi appoġġ ċar għall-użu effiċjenti tal-injam bħala materja prima rinnovabbli, u versatili b'disponibilità limitata u jopponi l-użu ta' regoli legalment vinkolanti biex tingħata prijorità lill-użi tal-injam, peress li dan mhux biss jirrestrinġi s-suq tal-enerġija u l-iżvilupp ta' użi ġodda u innovattivi tal-bijomassa, iżda huwa wkoll impossibbli li jiġi infurzat f’ħafna żoni mbiegħda u rurali, jekk xejn minħabba raġunijiet ta' infrastruttura;

37.  Jappoġġa approċċ miftuħ, orjentat lejn is-suq u l-libertà għall-parteċipanti kollha tas-suq billi tingħata prijorità lil injam miksub lokalment sabiex tiġi minimizzata l-marka tal-karbonju maħluqa minn trasport barrani, u biex tkun stimolata l-produzzjoni sostenibbli lokali;

38.  Jikkunsidra essenzjali li, peress li parti mill-akbar riżors ta' bijomassa tal-Unjoni tinsab fl-aktar reġjuni mbiegħda u b'popolazzjoni baxxa, l-istrateġija għandha tqis bis-sħiħ ukoll l-ispeċifiċitajiet ta' dawk ir-reġjuni;

39.  Jirrikonoxxi l-valur tal-injam għal skopijiet ta’ enerġija bħala mezz biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, u bħala kontribut għall-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-qafas għall-klima u l-enerġija tal-2030, u l-ftuħ ta' opportunitajiet ta’ negozju ġodda;

40.  Iqis li l-istrateġija l-ġdida għall-foresti għandha tippermetti kooperazzjoni akbar dwar il-kwistjoni tal-istrutturar tal-industrija tal-injam u r-raggruppament tal-operaturi, bil-għan li jiġi żgurat użu aħjar tar-riżorsi tal-foresta;

41.  Huwa tal-fehma li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha tissejjes fuq prinċipji ġeneralment rikonoxxuti u aċċettati u fuq għodod, bħal kriterji u indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, li għandhom dejjem japplikaw għas-settur kollu kemm hu, irrispettivament mill-użu aħħari tal-injam;

42.  Jappoġġa l-għanijiet tal-Kummissjoni li tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati, ġabra ta' kriterji ambizzjużi, oġġettivi u xjentifiċi u indikaturi għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jenfasizza li dawn il-kriterji għandhom jiġu allinjati mar-rekwiżiti ta’ Forest Europe (Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa)(2), li jiffurmaw bażi pan-Ewropea għal rappurtar uniformi dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u bażi għal ċertifikazzjoni tas-sostenibilità, filwaqt li titqies id-diversità tat-tipi ta’ foresti madwar l-Ewropa;

43.  Jirrikonoxxi d-domanda li dejjem tikber għal materjali ġejjin mill-foresti, primarjament minħabba ż-żieda fin-numru ta’ enerġiji rinnovabbli bbażati fuq il-bijomassa, jitlob li jinstabu mezzi ġodda ta’ żieda fid-disponibilità ta’ injam sabiex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-foresti;

44.  Jinnota l-progress sinifikanti li sar fin-negozjati fi ħdan il-Forest Europe lejn “Konvenzjoni Ewropea dwar il-Foresti”(3) bħala qafas vinkolanti għal ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għat-titjib tal-bilanċ tal-interessi fil-politika dwar il-foresti, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu l-isforzi kollha meħtieġa biex ikomplu dawn in-negozjati u jmexxuhom 'il quddiem għal konklużjoni b’suċċess;

45.  Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-foresti jew ta' strumenti ekwivalenti jistgħu jkunu strumenti strateġiċi importanti għall-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti fil-livell ta’ intrapriżi individwali, għall-ippjanar fit-tul u għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti f’foresti Ewropej; jenfasizza, madankollu, li l-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti li jinsabu f’dawn il-pjanijiet f’livell ta’ azjenda forestali għandha tibqa’ soġġetta għar-regolamenti nazzjonali;

46.  Jistieden lill-Istati Membri biex, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jissorveljaw u jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti mingħajr ma joħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa;

47.  Jilqa’ distinzjoni ċara bejn pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u pjanijiet ta’ ġestjoni skont Natura 2000;

48.  Jirrimarka li pjanijiet għall-ġestjoni tal-forestrija huma biss kundizzjoni biex wieħed jirċievi fondi tal-UE għall-iżvilupp rurali għal benefiċjarji ta’ ’l fuq minn ċertu daqs ta’ azjenda, u li l-foresti taħt id-daqs limitu jkunu eżentati; barra minn hekk jinnota li jistgħu wkoll jiġu approvati strumenti ekwivalenti;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn din il-flessibbiltà eżistenti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, speċjalment għall-benefiċċju ta' operaturi iżgħar;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi u jappoġġaw mudelli kummerċjali ġodda, bħal pereżempju kooperattivi tal-produzzjoni, li jfittxu li jħeġġu lis-sidien tal-foresti privati żgħar sabiex jiġġestixxu l-foresti tagħhom b’mod attiv u sostenibbli;

51.  Isostni li, biex l-istrateġija tiġi implimentata kif jixraq, huwa essenzjali li jkun hemm pjan ta' azzjoni speċifiku fit-tul li jenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni u użu sostenibbli tal-injam forestali, bil-għan li jinħolqu valur miżjud u impjiegi, filwaqt li jiġi pprovdut mezz għat-tisħiħ tan-negozji forestali privati u jiġu appoġġati raggruppamenti organizzati ta' sidien ta' foresti;

52.  Jenfasizza li l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi għandha tinkludi programmi ta’ appoġġ għall-afforestazzjoni ta’ żoni ta' art li mhumiex adattati għall-agrikoltura, kif ukoll għall-ħolqien tal-ilqugħ mir-riħ (shelter belts);

Riċerka u Żvilupp - edukazzjoni u taħriġ

53.  Iqis li għandha tingħata prijorità lill-applikazzjoni prattika tar-riċerka, peress li s-settur kollu jkun jista’ jibbenefika minn ideat ġodda u l-industriji bbażati fuq il-foresti għandhom potenzjal ta’ tkabbir kbir; iqis ukoll li investimenti ulterjuri fl-innovazzjoni fis-settur jistgħu joħolqu niċeċ ta’ produzzjoni ġodda u proċessi aktar effiċjenti li jiżguraw użu aktar intelliġenti ta' riżorsi disponibbli u jistgħu jnaqqsu l-impatti negattivi fuq ir-riżorsi tal-foresti;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta, mil-lat ta’ prijoritajiet ta’ xogħol tal-forestrija u tal-injam, il-Programmi Ewropej ta' Riċerka u Żvillupp (Orizzont 2020) u l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (COSME) u, fejn xieraq, tiżviluppa strumenti ġodda fis-settur ibbażat fuq il-foresti u tippromwovi riċerka mmirata f'soluzzjonijiet kosteffettivi għal prodotti tal-injam ġodda u innovattivi ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' bijoekonomija sostenibbli tal-injam;

55.  Jilqa’ l-benefiċċji ta' skambju tal-aħjar prattiki u għarfien eżistenti dwar il-foresti bejn l-Istati Membri, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw skambji bejn l-industrija, ix-xjenzjati u l-produtturi;

56.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati programmi ta’ qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex jinkiseb tkabbir intelliġenti u sostenibbli, prodotti b’valur miżjud ogħla, teknoloġija aktar nadifa u grad għoli ta’ avvanz teknoloġiku, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bijokarburanti raffinati u bini industrijali li juża l-injam, kif ukoll fis-setturi tal-karozzi u tat-tessuti;

57.  Ifakkar li, skont il-Kummissjoni, fl-2009, il-bijoekonomija rrappreżentat suq li kien stmat 'il fuq minn EUR 2 triljun, li pprovdiet 20 miljun impjieg u kienet tirrappreżenta 9 % tal-impjieg totali fl-UE;

58.  Jinnota li kull euro investit fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-bijoekonomija taħt Orizzont 2020 se jiġġenera madwar EUR 10 f’valur miżjud; jenfasizza li bħalissa l-foresti għandhom rwol kruċjali fil-bijoekonomija u se jibqgħu jaqdu dan ir-rwol fil-futur;

59.  Iqis li għandha titħeġġeġ is-sostituzzjoni ta’ materja prima bbażata fuq iż-żejt jew intensa fis-sħana bl-injam u prodotti tal-injam maħsud, b’konformità mal-progress fir-riċerka u t-teknoloġija, u li din tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn aktar kisbiet f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-ħolqien tal-impjiegi;

60.  Jappoġġa l-bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE li taffettwa l-katini tal-valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti, bil-għan li tiġi eliminata l-burokrazija kollha mhux neċessarja u ta' piż u jinħoloq qafas li jippermetti ż-żieda fil-kompetittività fuq tul ta' żmien twil tal-industriji b'mod sostenibbli, u wkoll, li jappoġġa l-prinċipju li kull proposta leġiżlattiva li taffettwa s-settur tal-foresti u l-katini ta' valur tal-industriji bbażati fuq il-foresti għandha tiġi vvalutata sew minn valutazzjoni tal-impatt.

61.  Huwa tal-fehma li l-estensjoni tal-bażi ta' għarfien relatata mal-foresti hi ta’ importanza kruċjali għar-riċerka u li informazzjoni affidabbli hi essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-foresti;

62.  Jinnota d-disponibbiltà tar-riżorsi ta’ informazzjoni u ta' monitoraġġ permezz tal-programm Copernicus u inizjattivi spazjali oħra fil-livell Ewropew, u jirrakkomanda li jiżdied l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u l-għodod;

63.  Jinnota li l-inventarji nazzjonali tal-foresti jirrappreżentaw għodda ta’ monitoraġġ komprensiv għall-ivvalutar tal-istokkijiet tal-forestrija u jieħdu kont tal-konsiderazzjonijiet reġjonali filwaqt li jirrispondu għat-talbiet għal inqas burokrazija u spejjeż;

64.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' sistema ta’ tagħrif dwar il-foresti Ewropej ibbażata fuq id-data u inizjattivi nazzjonali sabiex titjieb il-komparabilità ta’ data eżistenti u ġdida, u jittama, f’dan ir-rigward li jkun hemm it-tisħiħ tal-analiżi tad-data dwar l-ekonomija u l-impjiegi fis-settur tal-foresti u dak tal-ħidma fl-injam;

65.  Jirrakkomanda, b’mod partikolari, li għandu jkun hemm settijiet tad-data aktar fit-tul li tgħin il-fehim ta’ tendenzi fil-forestrija u l-adattament tagħha għat-tibdil fil-klima;

66.  Huwa tal-fehma li forza tax-xogħol tas-sengħa u mħarrġa tajjeb hi essenzjali għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu miżuri u, fejn hu possibbli, jużaw strumenti Ewropej eżistenti bħalma huma l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u programmi Ewropej ta’ Taħriġ (ET2020) biex jingħata appoġġ lit-tiġdid ġenerazzjonali u biex jingħata kumpens għal nuqqas ta’ forza tas-sengħa fil-foresti;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-tħejjija ta’ kampanji ta’ informazzjoni għas-settur li jkollhom l-għan li jrawmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet li joffri kontra l-qgħad u d-depopolazzjoni, kif ukoll biex isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ;

68.  Huwa tal-fehma li għandhom jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ b’mod partikolari għal dawk li jidħlu ġodda u l-ħaddiema żgħażagħli jieħdu ħsieb il-foresti kif ukoll għal impjegati eżistenti fl-industrija tal-kostruzzjoni, sabiex jiżdied l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet li jinħolqu mill-użu tal-injam, sabiex jiġi żgurat it-trasferiment ta' għarfien dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-industriji tagħhom fn-naħa t'isfel tal-katina ta' produzzjoni;

69.  Jirrikonoxxi li l-ġestjoni sostenibbli tul il-ħajja kollha tal-prodotti forestali tista' tagħti kontribut sinifikanti għall-kisba tal-objettivi ta' ekonomija ekoloġika, b’mod partikolari dawk marbuta mal-politiki ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

70.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu sostenibbli tal-prodotti tal-foresta fis-settur tal-kostruzzjoni, inkluż l-applikazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ djar bi spejjeż raġonevoli mibnija minn sorsi ta' materja prima sostenibbli;

71.  Jinnota l-importanza ta’ użi tradizzjonali ta’ valur għoli li għad għandhom potenzjal kbir għat-tkabbir, bħall-użu tal-injam fil-kostruzzjoni u l-ippakkjar;

72.  Jinnota li l-iżviluppi teknoloġiċi attwali jippermettu l-kostruzzjoni ta’ djar ta’ kapaċità għolja magħmula l-aktar mill-injam u li b’hekk inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-bini;

73.  Jirrimarka li r-regoli dwar l-użu tal-injam għal skopijiet ta' bini jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor; jitlob, għalhekk, impenn għall-adozzjoni ta' regoli tal-UE li jippromovu użu aktar estensiv tal-injam fil-bini;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi li jappoġġjaw l-għarfien u t-trasferiment tat-teknoloġija u li jutilizzaw bis-sħiħ programmi eżistenti tal-UE ta' appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-foresti u fis-settur ibbażat fuq il-foresti;

75.  Jinnota li hemm diskrepanzi sinifikanti fir-riċerka xjentifika u teknoloġika dwar l-adattament tal-forestrija għat-tibdil fil-klima, inkluż fir-riċerka dwar l-impatt taż-żieda ta' pesti u mard li joħolqu theddida serja għall-foresti tal-Ewropa u għas-setturi bbażati fuq il-foresti;

76.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu azzjoni biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tar-rwol tal-foresti u l-forestrija Ewropej u l-importanza ta’ bijoekonomija sostenibbli bbażata fuq il-foresti u l-injam bħala waħda mill-materja prima rinnovabbli kruċjali tal-UE;

77.  Jikkunsidrali hu importanti li titħeġġeġ ħidma ta' riċerka xjentifika orjentata lejn l-użu razzjonali tal-bijomassa u l-iżvilupp ta' għelejjel enerġetiċi li jikbru malajr u li jinħoloq mudell li jipprovdi inċentiv ekonomiku għall-użu tal-iskart tal-bijomassa;

Sfidi globali - ambjent u tibdil fil-Klima

78.  Jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha impatt pożittiv fuq il-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tista' tnaqqas ir-riskji ta’ nirien fil-foresti, il-ħsara minn pesti u l-mard;

79.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Unjoni qablet li, sal-2020, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi ekosistemiċi, inkluż id-dakkir, iridu jintemmu, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom iridu jinżammu u tal-anqas 15 % tal-ekosistemi degradati għandhom ikunu ġew restawrati; iżid jgħid li l-Unjoni qablet ukoll li l-ġestjoni tal-foresti trid tkun sostenibbli, li l-foresti, il-bijodiversità tagħhom u s-servizzi li jipprovdu jridu jiġu protetti u, sakemm ikun fattibbli, jissaħħu, u li r-reżiljenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima, għan-nirien, għall-maltempati, għall-pesti u għall-mard trid tittejjeb; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi żviluppata u implimentata Strateġija mġedda tal-Unjoni dwar il-Foresti li tindirizza d-diversi domandi fuq il-foresti u l-benefiċċji tagħhom, u li tikkontribwixxi għal approċċ aktar strateġiku lejn il-ħarsien u t-tisħiħ tal-foresti, anke permezz ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti(4);

80.  Jirrimarka li kwistjonijiet oħra għandhom jiġu studjati aktar, b’mod partikolari l-problema tas-sovrapopolazzjoni ta’ annimali erbivori, is-saħħa tal-foresti u l-iffaċilitar ta' produzzjoni tal-injam sostenibbli, tar-Riżorsi Ġenetiċi tal-Foresti (FGR), miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti u li jevitaw l-erożjoni tal-ħamrija, u l-irkupru tal-kopertura veġetali;

81.  Jirrikonoxxi li l-forestrija ta' newba qasira tista' tipprovdi bijomassa tal-injam sostenibbli filwaqt li tipprovdi l- manutenzjoni meħtieġa tat-territorju u b’hekk tnaqqas ir-riskju ta' erożjoni tal-ħamrija u wqigħ ta' art f'art imwarrba jew abbandunata;

82.  Jappella lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika bl-għan li tintlaħaq il-Mira 5 ta' Aichi, li tirrikjedi li r-rata ta' telf tal-ħabitats naturali kollha, inklużi tal-foresti, għandha għallinqas titnaqqas bin-nofs sal-2020 u, meta jkun fattibbli, tinġieb viċin iż-żero, u li d-degradazzjoni u l-frammentazzjoni jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

83.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu l-politika tagħhom dwar il-forestrija b'tali mod li jqisu bis-sħiħ l-importanza tal-foresti fir-rigward tal-ħarsien tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tal-erożjoni tal-ħamrija, l-iżgurar tal-assorbiment tal-karbonju u l-purifikazzjoni tal-arja u l-preżervazzjoni taċ-ċiklu tal-ilma;

84.  Jirrimarka li l-bijoekonomija hija meħtieġa bħala l-element ewlieni ta’ tkabbir intelliġenti u ekoloġiku fl-Ewropa biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattivi ewlenin "Unjoni ta’ Innovazzjoni" u "Ewropa Effiċjenti fir-riżorsi" fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 u li l-injam bħala materja prima għandu rwol importanti għal din l-ekonomija fuq bażi bijoloġika;

85.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ċċarati b'urġenza l-impatti b'effett ta' serra tal-użi differenti tal-bijomassa forestali għall-enerġija u li jiġu identifikati l-użi li jistgħu jiksbu l-akbar benefiċċji ta' mitigazzjoni bi skadenzi rilevanti għall-politika;

86.  Huwatal-fehma li huwa importanti li tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-bijoekonomija, filwaqt li tiġi rrispettata s-sostenibbiltà tal-konfini ta’ provvista tal-materja prima, sabiex tissaħħaħ il-vijabbiltà ekonomika ta’ katini ta’ valur tal-foresti permezz tal-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

87.  Jappella biex jingħata appoġġ ikbar għal prodotti varji tal-foresti, filwaqt li jiġi żgurat li t-talbiet differenti fuq prodotti tal-foresta jkunu bbilanċjati u evalwati abbażi tal-potenzjal ta’ provvista sostenibbli u ta' funzjonijiet u servizzi oħra tal-ekosistema pprovduti mill-foresti;

88.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-ritmu ta’ deforestazzjoni fid-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dan ta' spiss minħabba l-qtugħ illegali tas-siġar;

89.  Jappoġġja mekkaniżmi li jippromwovu l-iżvilupp globali lejn użu aktar sostenibbli tal-forestrija, u f’dan ir-rigward jirreferi b’mod partikolari għad-Direttiva tal-UE dwar l-Injam(5), li għandha l-għan li tiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u t-tqegħid ta’ injam illegali fis-suq Ewropew minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll li għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-importazzjoni tal-injam għall-UE (FLEGT)(6) u għal ftehimiet ta’ sħubija volontarja;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-reviżjoni mistennija tal-funzjonament u l-effikaċja tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam, u jenfasizza li regolament ġdid għandu jkun proporzjonat u għandu jfittex mezzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż bla bżonn u r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ għas-sidien tal-foresti tal-Ewropa u dawk li jieħdu ħsieb il-foresti mingħajr ma jkun kompromess l-għan tar-Regolament;

91.  Huwa tal-fehma li, b'kunsiderazzjoni tal-isfidi mit-tisħin globali u t-tibdil fil-klima, li l-ekosistemi u l-poplazzjonijiet ta’ speċi għandhom ikunu b’saħħithom, bijoloġikament varjati u robusti sabiex ikunu reżiljenti;

92.  Jenfasizza l-opportunitajiet ipprovduti mis-siti ta’ Natura 2000 fejn, grazzi għar-riżorsi naturali straordinarji tagħhom, huwa possibbli li jipprovdu prodotti bbażati fuq il-foresti u servizzi ta’ kwalità ambjentali u kulturali għolja;

93.  Jenfasizza l-importanza ta’ ekosistemi forestali b’saħħithom li joffru ħabitats għall-annimali u l-pjanti, iżda jenfasizza li leġiżlazzjoni b'intenzjoni tajba bħad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats taffettwa d-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni tal-art u trid tiġi implimentata b’mod proporzjonali;

94.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-foresti fl-iżvilupp ta’ setturi relatati, u jinsisti, f’dan ir-rigward, fuq l-importanza li jingħata appoġġ lill-kultivaturi tas-siġar melliferi, li min-naħa tagħhom jgħinu l-proċess ta' dakkir;

95.  Huwa tal-fehma li ċerti kwistjonijiet li jaffettwaw l-industrija tal-forestrija fil-livell globali, partikolarment il-qtugħ illegali tas-siġar, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ għall-industrija tal-forestrija fost l-entitajiet assoċjati internazzjonali;

96.  Jinnota li t-talba għall-bijomassa, partikolarment l-injam, qed tiżdied, u għalhekk jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri sabiex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-miżuri tagħhom biex itejbu l-politika dwar il-forestrija u l-leġiżlazzjoni tal-foresti, partikolarment permezz tar-REDD+(7) (Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti).

97.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ta’ azzjoni dwar id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex tindirizza l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar id-deforestazzjoni, kif mitlub permezz tas-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali; Jikkunsidrali hu importanti li jsiru provvedimenti mhux biss għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-foresti eżistenti iżda wkoll għar-riforestazzjoni taż-żoni deforestati;

98.  Jikkunsidra li jrid isir ukoll riferiment separat għall-ħtieġa ta' riforestazzjoni estensiva fiż-żoni li ġew affettwati minn nirien forestali rikorrenti;

Implimentazzjoni u rappurtar

99.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-foresti tal-UE għandha tkun proċess koordinat multiannwali li fih l-opinjonijiet tal-Parlament għandhom jiġu kkunsidrati u li l-istrateġija għandha tkun implimentata b’mod effiċjenti, koerenti u b’burokrazija mill-inqas;

100.  Jiddispjaċih li l-proċess ta’ implimentazzjoni nbeda parzjalment qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, u jqis li dan mhuwiex konformi mal-għan ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ politiki relatati mal-foresti kif iddikjarat mill-Kummissjoni fit-test tal-Istrateġija tagħha;

101.  Huwa tal-fehma li l-istrateġija l-ġdida għandha tistabbilixxi rabtiet bejn l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri u ssaħħaħ il-koeżjoni f’termini ta’ ppjanar, finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet transettorjali;

102.  Jappella għal implimentazzjoni inklużiva, strutturata u bbilanċjata tajjeb tal-istrateġija;

103.  Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-mandat tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija għandu jissaħħaħ u għandu jkollu riżorsi aħjar biex il-Kummissjoni titħalla tagħmel użu sħiħ tal-għarfien espert mill-Istati Membri filwaqt li tkun implimentata l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Foresti fil-livell tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat Permanenti għall-Forestrija bl-għoti ta’ avviż suffiċjenti qabel ma tippreżenta kwalunkwe inizjattiva jew abbozz ta’ test li jkollhom impatt fuq il-ġestjoni tal-foresti u fuq l-industrija tal-injam;

104.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-Forestrija u s-Sufra u ta' partijiet interessati rilevanti oħrajn, u jitlob l-involviment xieraq tagħhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

105.  Huwa tal-fehma li n-natura trasversali ta’ kwistjonijiet forestali tirrikjedi l-kooperazzjoni interna bejn id-dipartimenti varji tal-Kummissjoni meta titqies kwalunkwe miżura li jista’ jkollha impatt fuq in-natura speċifika tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-industriji assoċjati; Għalhekk jistieden lid-DĠ Ambjent, id-DĠ Azzjoni Klimatika, id-DĠ AGRI, id-DĠ Enerġija, id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni u DĠ oħrajn ikkonċernati biex jaħdmu flimkien b'mod strateġiku sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija permezz ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni mtejba;

106.  Iqis li, fid-dawl tal-lista tal-Kummissjoni tal-prijoritajiet fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment, fl-implimentazzjoni ta’ strateġija ġdida tal-UE għall-foresti għandha tingħata wkoll prijorità biex tippromwovi l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tal-foresti, filwaqt li jingħata appoġġ kemm liż-żoni rurali u dawk urbani, l-espansjoni tal-bażi ta’ għarfien, il-ħarsien tal-foresti u l-preservazzjoni tal-ekosistemi tagħhom, jiġu promossi l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni, u jiżdied l-użu sostenibbli ta’ prodotti forestali tal-injam u dawk mhux tal-injam;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni tissupplimenta l-istrateġija bi pjan ta’ azzjoni b'saħħtu li jkun fih miżuri speċifiċi, u tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont l-istrateġija;

108.  Jappoġġa s-sejħa ta’ Kumitat AGRI-ENVI-ITRE estiż li jippermetti diskussjoni bilanċjata dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-foresti;

o
o   o

109.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 413.
(2) Forest Europe – Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, Kumitat ta’ Negozjar Intergovernattiv għall-Konklużjoni ta’ Ftehim Legalment Vinkolanti dwar il-Foresti fl-Ewropa: http://www.foresteurope.org/
(3) Ara: http://www.forestnegotiations.org/
(4) Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna".
(5) Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam
(6) Regolament (UE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (FLEGT = Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali)
(7) Programm biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti: http://unfccc.int/methods/redd/items/7377.php

Avviż legali