Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2079(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0116/2015

Testi mressqa :

A8-0116/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.13
CRE 29/04/2015 - 10.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0122

Testi adottati
PDF 427kWORD 89k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P8_TA(2015)0122A8-0116/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2014/2079(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0148/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0116/2015),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2014/2079(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta' Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0116/2015),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu kompletament responsabbli u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni dwar il-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi fl-assenza ta' tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament u n-nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

1.  Jikkonstata li l-Qorti tal-Awdituri, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhomx żbalji materjali;

2.  Jieħu nota li fir-rapport annwali tagħha għall-2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

3.  Jikkonstata li fl-2013, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 535 511 300 (EUR 533 920 000 fl-2012), b'implimentazzjoni ta' 86,7 %; jiddispjaċih għat-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mal-91,8 % fl-2012;

4.  Huwa mħasseb li r-rata ta' nfiq inqas milli bbaġitjat għadha għolja u tirrigwarda kważi l-kategoriji kollha; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jitjieb l-ippjanar baġitarju għas-snin li ġejjin;

5.  Jieħu nota li fl-2013 ġew ikkanċellati EUR 71 376 244 f'impenji minħabba nfiq inqas milli bbaġitjat u tnaqqis fl-użu ta' faċilitajiet;

6.  Jinnota b'sorpriża li EUR 5 miljun allokati għall-akkwist tal-bini "Europa" ġew riportati għall-2014 għall-pagament effettiv; iqis dan il-bilanċ, minbarra l-approprjazzjonijiet riportati l-oħra, li jmur kontra l-prinċipji tal-annwalità u tal-ġestjoni finanzjarja tajba tar-Regolament Finanzjarju;

7.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandu jinfired bil-għan li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u titjieb ir-responsabbiltà taż-żewġ istituzzjonijiet;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill sabiex jibagħtu lill-Parlament ir-rapport annwali tal-attività tagħhom b'analiżi komprensiva tar-riżorsi umani kollha disponibbli għaż-żewġ istituzzjonijiet, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess, iċ-ċittadinanza u t-taħriġ professjonali; jikkonstata li din it-tabella għandha tkun inkluża awtomatikament fir-rapport annwali tal-attività tal-istituzzjonijiet.

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Kumitat tal-Awditjar fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-adozzjoni ta' karta ġdida tal-awditjar intern; jitlob lill-Kunsill iżomm lill-Parlament infurmat dwar il-benefiċċji u r-riżultati ta' dawn it-tibdiliet;

10.  Jiddispjaċih li fl-2013 kien hemm tnaqqis fl-implimentazzjoni tal-kummenti ta' segwitu li saru mill-awditu intern; jaqbel mal-Kunsill dwar "l-importanza tal-implimentazzjoni f'waqtha tal-konklużjonijiet tal-awditu"(1); jistenna li din il-proċedura għandha titwettaq mingħajr dewmien;

11.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu mis-servizz tat-traduzzjoni;

12.  Josserva bi tħassib id-diverġenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni għall-istituzzjonjiet differenti tal-Unjoni; konsegwentement jitlob li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi ta' dawn id-diverġenzi u jipproponi soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni li jirrispettaw bis-sħiħ il-kwalità u d-diversità lingwistika; jinnota, fid-dawl ta' dan, li l-Grupp ta' Ħidma għandu jerġa' jniedi kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u eżiti u jidentifikaw dawk l-oqsma fejn il-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali jistgħu jissaħħu; jikkonstata li l-Grupp ta' Ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jużaw, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u t-tqabbil ta' dawn l-ispejjeż; jikkonstata li l-Grupp ta' Ħidma għandu jippreżenta r-riżultati ta' dan il-ħidma qabel tmiem l-2015; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jkunu involuti b'mod attiv fil-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza fundamentali tar-rispett għall-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati t-trattament u l-opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni;

13.  Iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, l-ispejjeż tal-"away days" tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitnaqqsu u li, fejn possibbli, għandhom isiru fil-binjiet proprji tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta minn dawn l-"away days" ma jiġġustifikax infiq daqstant għoli;

14.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lill-Kunsill iħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs li jirreferi b'mod speċjali għall-karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

15.  Jiddispjaċih li ġie ttardjat l-abbozzar ta' manwal għall-ġestjoni tal-proġetti ta' bini;

16.  Jinnota li wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-awditu dwar il-proġett tal-bini "Europa" għad fadlilhom biex jitwettqu; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi spjegazzjoni dettaljata bil-miktub li tispjega l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet li ttieħdu fix-xiri tal-bini;

17.  Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-istituzzjoni tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

18.  Jieħo nota tat-tkabbir żero (0,3 %) (EUR 1,6 miljun) fil-baġit tal-Kunsill għall-2013; jikkunsidraha bħala xejra pożittiva u jistenna li titkompla fis-snin li ġejjin;

19.  Jistieden lill-Kunsill jikkoopera mal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex flimkien joħorġu b'metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni ta' ispejjeż għat-traduzzjoni bil-għan li jissemplifikaw l-analiżi u t-tqabbil tal-ispejjeż;

20.  Huwa mħasseb dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-Kunsill jimplimentahom mingħajr aktar dewmien;

21.  Jistieden lill-Kunsill biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

Raġunijiet għad-differiment tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza

22.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u responsabbli għalkollox fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilu bħala istituzzjoni tal-Unjoni; jenfasizza li dan jimplika li l-Kunsill għandu jieħu sehem bis-sħiħ u b'rieda tajba fil-proċedura ta' kwittanza annwali, bħal ma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra; iqis, f'dan ir-rigward, li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni tirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill permezz ta' ftehim ta' ħidma; jiddispjaċih għad-diffikultajiet li nqalgħu fil-proċeduri ta' kwittanza sal-preżent; jieħu nota, madankollu, tal-interess li wriet il-Presidenza attwali tal-Unjoni fir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjonijiet, kif ukoll tal-ittra mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill b'risposta għall-mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fejn jesprimi r-rieda tiegħu biex jappoġġja b'mod attiv miżuri tanġibbli biex jintlaħaq "modus vivendi" kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014(2); jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kapaċità għal djalogu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex tinstab soluzzjoni kemm jista' jkun malajr li se tippermetti konformità mal-mandat tat-Trattat u rendikont liċ-ċittadini;

23.  Itenni li huwa biss possibbli li jiġi implimentat kontroll baġitarju effikaċi permezz ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, li l-elementi ewlenin tagħha għandhom jinkludu laqgħat formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, it-tweġib ta' mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat abbażi ta' kwestjonarju bil-miktub u t-tressiq ta' dokumenti biex iservu ta' materjal ta' kuntest għall-kontrolli baġitarji mitluba;

24.  Itenni li mingħajr il-kooperazzjoni tal-Kunsill kif imsemmi hawn fuq, il-Parlament mhuwiex fil-pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

25.  Jaqbel mal-fehmiet tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014 lill-Parlament, fejn huwa awspikabbli li l-Parlament ikompli jagħti, jiddifferixxi jew jirrifjuta li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra – inkluż il-Kunsill – kif kien il-każ s'issa;

26.  Japprova bis-sħiħ u jappoġġja l-fehmiet tal-Kummissjoni fl-ittra tagħha, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti;

27.  Jagħti parir lill-Kunsill li l-Kummissjoni sostniet fl-ittra tagħha li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li tagħti risposta għall-mistoqsijiet indirizzati lill-istituzzjoni l-oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit; ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti provduti u t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' problemi biex jirċievi tweġibiet mill-Kunsill;

28.  Iqis li huwa demokratiku li l-Parlament jeżerċita s-setgħa tiegħu li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea skont l-interpretazzjoni u l-prassi attwali, jiġifieri li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali biex tinżamm it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika fir-rigward tal-kontribwenti tal-Unjoni; jafferma, għaldaqstant, li l-għoti jew in-nuqqas ta' għoti ta' kwittanza huwa dmir li l-Parlament għandu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

29.  Huwa tal-opinjoni li l-qafas legali tal-Unjoni relatat mal-kwittanza għandu jiġi rivedut sabiex jiċċara l-proċess li bih issir kwittanza;

30.  Jiddispjaċih li mhux l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jirrispettaw l-istess standards marbuta mat-trasparenza u jemmen li l-Kunsill għandhu jagħmel titjib f'dan ir-rigward.

(1) Sommarju tar-Rapport tal-Attività Annwali 2013 mill-Awditur Intern tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, paġna 2.
(2) ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.

Avviż legali