Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2084(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0115/2015

Testi mressqa :

A8-0115/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0128

Testi adottati
PDF 348kWORD 80k
L-Erbgħa, 29 ta' April 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2013: Baġit ġenerali tal-UE - L-Ombudsman Ewropew
P8_TA(2015)0128A8-0115/2015
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew (2014/2084(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510 – C8-0153/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0115/2015),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 66, 8.3.2013.
(2) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.
(3) ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.
(4) ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.
(5) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2.Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew (2014/2084(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0115/2015),

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali tagħha 2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew ("l-Ombudsman");

2.  Jenfasizza l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u li fl-2013 kien jammonta għal EUR 9 731 371 (EUR 9 516 500 fl-2012), b'EUR 7 567 371 allokati għat-Titolu I (nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 606 700 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, tagħmir u nefqa mixxellanja tal-operat) u EUR 557 300 għat-Titolu 3 (nefqa li tirriżulta minn funzjonijiet speċjali li jsiru mill-istituzzjoni);

4.  Jieħu nota tal-fatt li, mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 98,20 % (98,30 % fl-2012) u ġew imħallsa 91,82 % (88,69 % fl-2012) b'rata ta' użu ta' 98,20 % (95,88 % fl-2012); jilqa' r-riżultati miksuba fl-2013;

5.  Jinnota t-titjib kontinwu tal-ippjanar finanzjarju u tal-monitoraġġ tiegħu; jappella għat-tkomplija ta' dan l-isforz fl-eżerċizzji baġitarji li jmiss;

6.  Japprova l-Pjan ta' Ġestjoni Annwali tal-Ombudsman għall-2013, li jinkludi tabella ta' valutazzjoni għall-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) maħsuba biex tkejjel il-prestazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ksib tal-objettivi tiegħu;

7.  Jieħu nota tal-impenn tal-Ombudsman li tkompli ttejjeb is-sistema tagħha għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jappoġġa lill-Ombudsman biex tkompli twettaq monitoraġġ tal-ġestjoni tal-allowances u ttejjeb il-livelli ta' prestazzjoni ta' dik il-ġestjoni;

8.  Jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman tfittex li tilħaq titjib kontinwu fl-ippjanar finanzjarju sabiex tiżgura l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli tal-baġit;

9.  Jistieden lill-Ombudsman tniżżel ir-rata mhux użata tas-servizzi ta' interpretazzjoni mitluba matul dik is-sena fir-rapport ta' attività annwali li jmiss;

10.  Jinnota bi tħassib id-diverġenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fid-diversi istituzzjonjiet tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi ta' dawn id-diverġenzi u jipproponi soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u tad-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-grupp ta' ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u l-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett tal-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

11.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-awditur intern fir-rapporti ta' awditjar 2013 li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll interni huma effikaċi u effiċjenti u li l-azzjonijiet pendenti ngħalqu kollha;

12.  Jilqa' l-fatt li l-għan li jingħalqu 70 % tal-każijiet f'anqas minn sena nqabeż fl-2013; jinnota, madankollu, li l-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 18-il xahar għadu taħt il-mira stabbilita mill-Ombudsman, minkejja l-fatt li żied minn 79 % għal 81 %; jemmen li l-mira ta' 90 % hija realistika u tista' tinkiseb; jistenna li din il-mira tintlaħaq fl-2014 u li dan ir-riżultat jiġi spjegat fid-dettall fir-rapport ta' attività annwali; jilqa' l-fatt li ngħata bidu għal inkjesti speċifiċi fuq inizjattiva proprja u jitlob li jiġi informat dwar l-eżiti inizjali ta' dawn l-inkjesti;

13.  Jilqa' l-fatt li fl-2012 l-Ombudsman kisbet l-ewwel livell ta' rikonoxximent, "Impenjata għall-Eċċellenza", tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità u jilqa' l-fatt li fl-2013 inżammet relazzjoni eċċellenti u produttiva mal-Fondazzjoni;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għal-livell għoli ta' nfiq matul l-'away days', konferenzi u avvenimenti simili għall-persunal fl-uffiċċju tal-Ombudsman fl-2013, li kien notevolment ogħla minn dak f'istituzzjonijiet oħrajn; iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, il-kost tal-'away days' għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-'away days' ma jiġġustifikax kosti daqstant għolja;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li nħatret mara biex taqdi l-funzjoni ta' Ombudsman Ewropew; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' nisa b'karigi maniġerjali fl-uffiċċju tal-Ombudsman; jitlob l-introduzzjoni ta' pjan għall-opportunitajiet ugwali speċifikament maħsub għall-karigi maniġerjali bil-għan li jiġi korrett dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

16.  Iqis li l-Ombudsman għandha tkompli tirsisti għal kwalità konsistenti fir-rapport ta' attività annwali u għandha tipprovdi rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha;

17.  Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Ombudsman tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-kosti ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

18.  Jistieden lill-Ombudsman biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

19.  Jaqbel bis-sħiħ mal-politika ta' trasparenza segwita mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, u jitlob li tiddaħħal proċedura għall-valutazzjoni bil-quddiem tal-impatt li jistgħu jkollhom ċerti pubblikazzjonijiet, bil-għan li jiġu ppubblikati flimkien ma' rapport ta' spjegazzjoni, ħalli jiġi evitat li jintużaw b'mod li ma jkunx imparzjali; jirrimarka li din il-proċedura għandha tinbeda mill-Ombudsman f'kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni u l-istituzzjoni kkonċernata mill-pubblikazzjoni partikolari;

20.  Jindika li r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2013 ġie adottat mill-plenarja fil-15 ta' Jannar 2015(1) u jieħu nota tal-osservazzjonijiet li saru fih.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0009.

Avviż legali